
Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Nirringrazzjak ħafna għażiż Josef ta’ dan il-kliem, anke tal-valuri li inti stess interpretajt bħala l-pedament tal-esperjenza u tal-ħajja, ix-xogħol, u tal-preżenza fis-soċjetà tal-General Workers’ Union, li tħaddan ħafna ħaddiema f’pajjiżna. Dak kollu li qegħdin tagħmlu, anke maċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, qed ikollu wkoll impatt mhux biss fuq l-esperjenza li dawn ħutna jagħmlu tax- xogħol fostna, imma wkoll impatt indirett barra minn xtutna.
Ippermettili nissuġġerixxi, li flimkien naħdmu biex f’dinja fejn l-Intelliġenza Artifiċjali (AI), qed timmarka l-futur tagħna, u fejn diversi xogħlijiet se jkunu fi kriżi, jew ikollhom bżonn addattament, nimxu flimkien biex dan l-addattament jibqa’ jkollu parametri u pedamenti etiċi li jħarsu d-dinjità tal-bniedem, li l-ħaddiem jagħtuh futur u fl-istess ħin itejjiblu l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Qed inħarsu lejn dinja li qed tinbidel bl-użu tat-teknoloġija u hemm bżonn li nevitaw li l-ħaddiem ikun l-ewwel vittma tad-dittatorjat tat-teknoloġija. Din hemm bżonn mhux biss li jsir studju serju fuqha imma li naħdmu flimkien biex il-mobbiltà fix-xogħol ma ttellifx id-dinjità tal-bniedem imma tgħinu jiżviluppa ħiliet differenti u fl-istess ħin ikollu wkoll ħajja li tixraqlu.

Xi ħaġa oħra li forsi wieħed għandu jaħseb fuqha wkoll hi li l-paga tal-ħaddiem tkun dejjem garanzija li jista’ jgħix b’dinjità. Il-paga mhijiex biss remunerazzjoni ta’ xogħol imma trid tkun mod li l-ħaddiem ikollu serħan il-moħħ – li biha jgħix hu u jgħajjex il-familja – li jkun jista’ jippjana l-ħajja tiegħu. Nafu kemm responsabbiltà għandhom l-unions u kemm għandha l-GWU lejn l-ekonomija tal-pajjiż, imma solidarjetà lejn il-ħaddiema tfisser ukoll li jkollna atteġġjament ħolistiku meta ninnegozjaw; imma importanti ħafna li tkomplu tinsistu, għax naf li tagħmlu hekk, mhux biss fuq il-kundizzjonijiet tajba ta’ xogħol għall-ħaddiema imma li l-paga li jaqilgħu bi tbatija kbira, huma min huma (il-prinċipju li semmejt int ukoll, li naf li taħdmu ħafna fuqu), li għall-istess xogħol, dak li jkun ikollu l-istess rikonoxximent finanzjarju u soċjali.
Attiviżmu bla formazzjoni jitlef ir-ruħ tiegħu
Hemm il-preżenza tal-mara fid-dinja tax-xogħol. Il-mara ġġib magħha mhux biss ġenju femminili, imma wkoll l-esperjenza tal-maternità, li trid ukoll tiġi riflessa fuq il-paternità. Jiġifieri, hemm bżonn li naħsbu lejn l-omm u l-missier flimkien, meta nħarsu lejn il-futur tal-familji tagħna. U tajjeb li wieħed jaħdem ukoll, f’sitwazzjoni fejn il-pajjiż tagħna għandu l-inqas rata tat-twelid fl-Ewropa. Din hi problema kbira għax dak ifisser li d-demografija qed turi li neżlin ‘l isfel.
Aħna jrid ikollna iżjed tama imma rridu wkoll niffaċilitaw il-familji biex ikollhom l-ulied u ma jiġux ikkastigati għax għandhom l-ulied. Din hi xi ħaġa li naħseb li l-GWU, bħala waħda mill-ikbar unions tal-pajjiż – anzi l-unions kollha – iridu jkunu bħala msieħba soċjali importantissimi, li jkunu wkoll l-għajta tal-ħaddiem tal-pajjiż biex dawn l-isfidi, li mhuma tort ta’ ħadd – ġejjin mill-kultura u mill-għażliet tan-nies; ikollhom ukoll mhux biss rikonoxximent imma risposta adegwata.

L-aħħar punt: ħadt pjaċir li parti mill-missjoni tagħkom hi l-formazzjoni mhux biss l-attiviżmu. Għaliex attiviżmu bla formazzjoni jitlef ir-ruħ tiegħu. Meta inti mhux biss tagħti ċans liż-żgħażagħ li għandhom bżonn jiskopru opportunitajiet ġodda fil-ħajja, imma anke bħalma nnutajt, l-attivisti tagħkom qed ikollhom il-formazzjoni tagħhom, allura qed tassigura li l-moviment tal-ħaddiema ma jkollux biss is-saħħa, imma jkollu moħħ u ruħ fuq xiex jaħdem. Din nixtieq nirringrazzjakom tagħha għax hi sinjal pożittiv ħafna wkoll, għażla li trid tagħmilha. Napprezza li l-Istat jgħin ukoll f’dawn l-inizjattivi imma trid tkun l-għażla tiegħek imbagħad li tieħu l-opportunitajiet li jkun hemm. Dawn ukoll ikunu mezzi biex tkompli l-missjoni tiegħek.
Nispera wkoll li l-Istat ikompli japprezza l-ħidma tal-unions, u jirrealizza li l-unions huma importanti wkoll biex għall-ħaddiema jkun hemm min qed jiddedika ħajtu ħalli jgħixu u jaħdmu fid-dinjità. U ta’ dan nirringrazzjakom ħafna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta





