Photo: Archdiocese of Malta / Ian Noel Pace

Tħabbret il-mewt ta’ Mons. Vinċenz Deguara fl-età ta’ 94 sena.

Il-Parroċċa ta’ San Sebastjan Martri f’Ħal Qormi ħabbret li Dun Vinċenz irritorna fid-Dar tal-Missier ilbieraħ, it-Tlieta 21 ta’ April 2026.

Meta kien għadu żagħżugħ, Dun Vinċenz għamel sitt snin u disa’ xhur jaħdem it-tarzna. Huwa mbagħad daħal is-Seminarju Maġġuri biex jibda l-formazzjoni tiegħu. Kemm minħabba l-fatt li Dun Vinċenz kien ġej minn familja fqira, kif ukoll minħabba l-mewt ta’ missieru, Dun Vinċenz kien lest li jitlaq l-istudji għas-saċerdozju fit-tielet sena, sabiex jaħdem għall-familja. Madankollu, ommu nsistiet li jkompli l-istudji biex isir saċerdot.

Huwa ġie ordnat qassis minn idejn l-Arċisqof Mikiel Gonzi fis-7 ta’ April 1962.

Dun Vinċenz, li kien minn Birżebbuġa, kien assenjat fil-Parroċċa ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi bħala viċi kappillan. Mal-mewt mhux mistennija tal-Kappillan Dun Ġużepp Cauchi, Dun Vinċenz inħatar Kappillan tal-istess parroċċa fejn baqa’ jservi hemmhekk sal-1988. Dun Vinċenz kien strumentali biex il-proġett tal-bini tal-knisja mibdi mill-predeċessur tiegħu, tkompla u tlesta.

Dun Vinċenz kien għamel studju intensiv fil-binja tal-knisja li wassal għal xi tibdiliet importanti fl-istruttura.

F’filmat fuq Facebook imtella’ mill-Parroċċa ta’ San Bastjan dwar l-esperjenza tal-parrokkat tiegħu, Dun Vinċenz kien qal li minkejja li l-proġett tal-bini kien kbir u preokkupanti, il-biża’ tiegħu kienet li minħabba l-bini tal-knisja, jitlef mill-ħidma pastorali mal-poplu.

Madankollu, hu kien semma’ li bl-għajnuna tal-għaqda bejn il-kleru u l-lajċi, il-proġetti saru mingħajr ma xxekklet il-ħidma vera tal-Knisja.

Dun Vinċenz kien ukoll il-kappillan tal-Arċisqof Charles Scicluna meta l-Arċisqof kien għadu tifel.

Photo: Archdiocese of Malta

Saċerdot li minn meta kien abbati qatta żmien twil jakkumpanja lil Dun Vinċenz qal ma’ Newsbook Malta li Dun Vinċenz kien “saċerdot tan-nies” u li “qatt ma żamm xejn għalih”. Huwa semma’ kif Dun Vinċenz kellu kapaċità li jinvolvi lil kulħadd fil-ħajja tal-parroċċa u għaldaqstant inklussiv.

Dun Vinċenz kien magħruf għall-viżjoni kbira u fit-tul, mhux biss għall-ħidma fil-parroċċa iżda wkoll għall-Arċidjoċesi.

Fl-ewwel xhur tal-ħidma tiegħu bħala kappillan, Dun Vinċenz kien innovattiv bl-idea tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali, li għal dak iż-żmien kienet għadha ma daħlitx wisq fil-ħajja tal-parroċċa.

F’filmat vokazzjonali, Dun Vinċenz kien qal li minkejja d-diffikultà kbira u d-dubji dwar is-sejħa tiegħu għas-saċerdozju, kienu l-mistoqsijiet tan-nies u t-talb kontinwu li wassluh biex jibda l-formazzjoni biex isir qassis. Kien sostna li l-isbaħ ħaġa għalih bħala saċerdot kienet l-amministrazzjoni tas-sagramenti “li jgħinu lin-nies biex jersqu lejn xulxin, u iżjed lejn Alla.”

Min-naħa l-oħra, l-iktar ħaġa li kienet tnikktu hija meta ma kienx iħossu kapaċi jgħin xi familji fil-problemi li kellhom, jew meta persuna kienet tinqata’ għalkollox minn Alla. Madankollu hu kompla li dejjem kellu fiduċja li Alla jieħu ħsieb lil kull bniedem.

Facebook

Dun Vinċenz kien magħruf partikolarment għall-imħabba lejn il-vokazzjonijiet saċerdotali u s-saċerdoti. Fl-1988, l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca kien bagħtu bħala Direttur Spiritwali fis-Seminarju tal-Arċisqof.

Fis-Seminarju, Dun Vinċenz kien fil-qrib u “dejjem disponibbli” għal ħafna seminaristi u saċerdoti li ffrekkwenta. Huwa baqa’ jservi bħala Direttur Spiritwali u konfessur fis-Seminarju sal-2020.

Dun Vinċenz kien iqatta’ ħafna mill-ħin tiegħu għan-nies, għat-talb kif ukoll biex jamministra s-sagrament tal-qrar.

Fl-2002, Dun Vinċenz kien ġie maħtur membru tal-Kapitlu Metropolitan.

F’dawn l-aħħar snin, Mons. Deguara kien qed joqgħod fid-Dar tal-Kleru, fejn ħalla din id-dinja.

Qassis b’fama ta’ qdusija

Bosta nies kitbu fuq Facebook ifaħħru l-atteġġjament ġentili ta’ Dun Vinċenz. Ħafna mill-kummenti ddeskrivew lil Mons. Deguara bħala saċerdot qaddis u li huwa mudell ta’ saċerdot li kulħadd għandu jħares lejh.

Dun Vinċenz minkejja li kien bniedem b’ fommu sieket, kellu bosta għajnejn li jħarsu lejh b’ammirazzjoni u b’ispirazzjoni.

Ħafna nies partikolarment dawk minn Ħal Qormi sellmu l-memorja tiegħu u kitbu dwar kif Dun Vinċenz kien preżenti fil-ħajja tagħhom – kemm sbieħ kif ukoll koroh.

Uħud ftakruh bħala s-saċerdot li amministra s-sagrament tal-Griżma tal-Isqof hekk kif għal bosta snin, Dun Vinċenz amministra dan is-sagrament f’diversi parroċċi, f’liema sagrament, Dun Vinċenz kien jistaqsi lis-subien kollha jekk Ġesù hux qed isejħilhom biex isiru saċerdoti.

Bosta saċerdoti sellmu l-memorja tiegħu u qalu li t-telfa ta’ Dun Vinċenz hija telfa ta’ missier hekk kif għal ħafna minnhom, huwa kien ta’ sostenn fil-vokazzjoni tagħhom.

L-Arċisqof isellem il-memorja ta’ Dun Vinċenz

F’kitba fuq X, l-Arċisqof Charles Scicluna sellem il-memorja ta’ Dun Vinċenz billi ddeskrivieh bħala qassis “maħbub” u “leali” fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Qal li Dun Vinċenz ġie msejjaħ biex jiltaqa’ mar-Ragħaj it-Tajjeb u jirċievi l-premju etern tiegħu għal tant snin ta’ ministeru u għotja lil ħaddieħor.

Is-Seminarju jsellem il-memorja ta’ Dun Vinċenz

Il-komunità tas-Seminarju, flimkien mal-Knisja f’Malta, tibki t-telfa ta’ Mons. Vinċenz Deguara, li “bejn l-1988 u l-2021 serva b’qalb kbira fl-irwol ta’ direttur spiritwali u konfessur fis-Seminarju”.

F’kitba fuq Facebook, is-Seminarju qal: “Nitolbu li l-missjoni tiegħu fostna tkompli tagħti l-frott fil-ġejjieni. Dejjem ħassejnieh fostna bħala qaddej tajjeb u fidil ta’ Ġesù”.

Agħtih O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem …

Source: Newsbook.com.mt

Article written by Luke Vella