L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din il-festa tal-familja Mqaddsa, din is-sena, is-silta minn San Luqa toħodna meta l-Mulej kellu 12-il sena. Tifel Lhudi ta’ 12-il sena kien jitqies tifel adult u kien jibda jissejjaħ Bin il-Patt (Bar Mitzvah) u allura seta’ jaqra fis-sinagoga, seta’ jistaqsi l-mistoqsijiet, jidħol fid-djalogu mal-għorrief fis-sinagoga.

Ġesù jmur mal-ġenituri f’Ġerusalemm għall-festa tal-Għid u ta’ 12-il sena jibda jieħu sehem fil-ħajja tas-sinagoga bħal wieħed adult. Il-ġenituri kienu jafdawh. Tant hu hekk li ma rrealizzawx li ma kienx magħhom ħlief wara li ntemmet il-ġurnata u kif inġabru għall-mistrieħ, jirrealizzaw li Ġesù mhux mal-karovana li kienet sejra lura lejn Nazaret.

L-ewwel ħsieb: is-sens ta’ fiduċja li Ġużeppi u Marija kellhom f’Ġesù

Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna nkunu nistgħu nafdaw lil xulxin. Ma kinux qed jinkwetaw x’qed jagħmel matul il-ġurnata. Ma kienx ma’ djulhom, la ma’ djul Marija u lanqas ma’ djul Ġużeppi. Kellu 12-il sena. Kien jitqies adult bħalm’aħna niddikjaraw li huma adulti ż-żgħażagħ tagħna li jagħmlu l-griżma tal-isqof tal-istess età, ta’ 12-il sena. Jien niddikkjarahom adulti, kapaċi jiddeċiedu huma jridux jemmnu jew le.

U din hi xi ħaġa sabiħa li hemm bżonn nitgħallmu mill-familja mqaddsa: il-fiduċja. Kultant il-familja titkisser għax tonqos il-fiduċja f’xulxin u flok il-fiduċja, meta jidħol is-suspett, ir-relazzjoni ta’ bejnietna, ir-rispett u l-imħabba jitfarrku. Ejjew nitolbu biex fil-familji tagħna jkun hemm dejjem il-fiduċja f’xulxin.

Tgħiduli: ‘Imma kultant jgħallini, Dun!’ Inti agħti ċans. Dejjem agħti ċans lil dak li jkun. Tqattax il-karti mill-ewwel. Ftakar li anke Ġesù, ta’ 12-il sena, għamel waħda tinkiteb. Fil-fatt l-Evanġelista kitibha. Min jaf jekk hiex minn hemm ġejja l-frażi – ‘għamel waħda tinkiteb’.

It-tieni ħsieb: fil-familja jkun hemm mumenti li dak li jkun iħossu mitluf

Ġużeppi u Marija jafdaw ħafna lil binhom Ġesù imma meta ma jsibuhx, jintilfu. Hu kien intilef imma anki huma jintilfu. Ommu tgħidlu: “Missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma” (Lq 2:48). U allura nifhmu wkoll li parti mill-ħajja tal-familja se jkun ukoll il-mument tal-kuntrarju, il-mument tan-nuqqas ta’ ftehim, li ħafna drabi jiġi min-nuqqas ta’ komunikazzjoni.

Tgħiduli: ‘Imma Ġesù ma setax javżahom xi ddeċieda jagħmel?’ Ħafna drabi l-inkwiet ta’ bejnietna jiġi għax ma navżawx lil xulxin, għax ma nitkellmux biżżejjed bejnietna. U llum ejjew nammettu, ftit għandna skużi, għax Ġesù ma kellux il-mobile, jibgħatilha messaġġ, imma aħna għandna ħafna mezzi ta’ komunikazzjoni imma fl-istess ħin donna nintilfu fin-nuqqas tagħhom, nikkumplikaw il-ħajja ta’ xulxin għax ma nitkellmux biżżejjed bejnietna. Kapaċi nqattgħu sigħat fuq il-mobiles, l-ismartphones u l-kompjuters tagħna – dawn kollha jgħidulhom mezzi ta’ komunikazzjoni imma ma nikkomunikawx ma’ xulxin.

M’ilux żort skola u kont qed nitkellem mal-għalliema. Nistaqsihom ftit jekk ikunx hemm xi sfidi li qed jiltaqgħu magħhom. Kien hemm waħda minnhom qaltli: ‘Ġie tifel ċkejken u ħasadni.’ Għax qalilha: ‘Jien m’iniex kuntent id-dar.’ Qaltlu għaliex? ‘Għax il-mamà u l-papà, meta nidħol id-dar il-ħin kollu quddiem il-mobile. M’għandhomx ċans għalija.’ Tifel ċkejken. Qed iħoss in-nuqqas ta’ komunikazzjoni meta ommu u missieru naħseb qed jikkomunikaw ma’ xi ħadd imma mhux mat-tifel.

Xi ħaġa importanti li nislet minn dan il-ħsieb: kemm hu importanti fil-ħajja tal-familja li nagħtu ħin ta’ kwalità lil xulxin u ma naqtgħux qalbna meta jiġi mument ta’ diffikultà. Anki Marija u Ġużeppi għaddew minn mument ta’ qsim il-qalb mitlufa jfittxu lil Ġesù mitluf.

It-tielet ħsieb: l-ubbidjenza ta’ Ġesù

Ġesù, l-ewwel nett jieqaf Ġerusalemm għax irid jobdi, iħossha b’mod qawwi, lil missieru li hu fis-smewwiet. Jgħidilhom: “Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” (Lq  2:49). Din jgħidha quddiem Ġużeppi, li kien il-missier legali tiegħu quddiem il-bnedmin, kien afdat bil-missjoni li jieħu ħsieb lil Ġesù. Imma Ġesù ta’ adult qed jirrealizza li għandu l-missjoni afdata lilu minn missier li hu fis-smewwiet. Bħalma għallimna nitolbu. Meta għallimna Ġesù, hekk għallimna ngħidulu lil Alla: “Missierna li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek.”

Imma Ġesù, għalkemm lill-ġenituri tiegħu, ta’ adult jgħidilhom: ‘Jien għandi l-ħajja tiegħi. Jien għandi l-missjoni tiegħi.’ Fl-istess ħin “raġa’ mar Nazaret; u kien jobdihom” (Lq  2:50).

L-aħħar ħsieb

Kemm hu sabiħ li fi ħdan il-familja kulħadd iħossu afdat u rispettat biex ikun jista’ jikber skont it-talenti u l-missjoni tiegħu. Kultant, il-ġenituri meta jġibu t-tfal fid-dinja, jippretendu li se jagħmlulhom il-programm ta’ ħajjithom huma. Issa t-tifel meta jikber… Issa t-tifla meta jikber… Tismagħhom, għamlu l-programm kollox lest. Mentri jekk hemm xi ħaġa li nitgħallmu mill-Evanġelju tal-lum, u l-Papa jgħidha wkoll meta jitkellem dwar San Ġużepp, li hemm bżonn li l-ġenituri fl-imħabba tagħhom ma jkunux possessivi imma jagħtu ċans lil uliedhom jiżviluppaw, kultant anki jogħtru, jagħmlu xi żball biex jitgħallmu, imma kelma ta’ ġid dejjem jgħiduha.

U kelma lill-ulied, aħna lkoll ulied. Meta jonqsu l-ġenituri ma jkollok ħadd min jgħidlek: ‘oqgħod attent, ibni.’ Imma tibqa’ tiftakar kull kelma li jkun qallek missierek u ommok. Anki meta ma jkunux miegħek. Għaliex? Għax dik il-vuċi tal-imħabba ma tinsiha qatt. Ommok u missierek jistgħu jkun ma jibqgħux miegħek f’din id-dinja. Imma dak li jkunu qalulek bi mħabba ma tinsieh qatt. L-ubbidjenza lejn il-ġenituri mhux sakemm ikunu ħajjin. Ejjew nibqgħu niftakru l-kliem tagħhom u nixtarruhom għax huma kliem ta’ mħabba.

L-aħħar talba li nagħmel fuq il-familji tagħna: bħalma rċivejna ħafna kliem ta’ mħabba u ngħożżuh, u għalina jkun qisu kewkba fid-dlam, hekk għandna nagħtu lil xulxin kelma ta’ mħabba u ta’ kuraġġ.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Sam 1:20-22,24-28
Salm: 83 (84):2-3,5-6,9-10
Qari II: 1 Ġw 3:1-2,21-24
L-Evanġelju: Lq 2:41-52

Aktar ritratti