L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Nagħmlu festa, mhux bil-ħmira l-qadima, anqas bil-ħmira tal-qerq u tal-ħażen, imma bil-ħobż bla ħmira tas-safa u tas-sewwa” (1 Kor 5:8). Din hija l-istedina li għamlilna l-Appostlu Missierna San Pawl, lilna f’dan il-Jum Qaddis tal-Għid. Hija l-istedina li l-ewwel nett, li nifirħu u li nagħmlu festa, li niċċelebraw il-Qawmien tal-Mulej Ġesù, ir-rebħa tiegħu fuq il-mewt u d-dnub. Hu jgħidilna kif, l-ewwel juża tixbiha fin-negattiv: “Mhux bil-ħmira l-qadima”. Il-ħmira l-qadima, għall-Appostlu Missierna San Pawl, issir xbieha “tal-qerq u tal-ħażen” (1 Kor 5:8), ta’ dak kollu li hu korrot, ta’ dak kollu li hu minfuħ bis-suppervja u l-arroganza. Mhux dik il-festa tagħna, u lanqas ma għandha tkun il-ħajja tagħna, jew l-istil tagħna. Il-Mulej bil-misteru tal-Għid tiegħu naddafna minn kull ħsieb li aħna aħjar minn ħaddieħor, li aħna l-uniċi li għandna dritt li niġġudikaw jew nikkundannaw lil ħaddieħor. Jalla n-nefħa tal-ħmira l-qadima tiġi msoffija mill-qalb tagħna. Mhux dan l-istil ta’ Ġesù. Anke meta inti fis-sewwa: tkasbarx, tiddisprezzax, tgħajjarx.

“Nagħmlu festa, mhux bil-ħmira l-qadima, imma bil-ħobż bla ħmira tas-safa u tas-sewwa” (1 Kor 5:8). Il-ħobż bla ħmira għal San Pawl, hu s-sinjal tal-umiltà ta’ Ġesù, ma fihx in-nefħa li tagħti l-ħmira. Il-ħobża magħġuna mid-dqiq u l-ilma, mingħajr l-ebda sinjal tal-passat, għax il-ħmira dejjem hi parti minn għaġna qadima. Hi wkoll sinjal ta’ bidu ġdid. Il-ħobż bla ħmira, kien preskritt minn Mosè, meta l-poplu Lhudi ħareġ mill-jasar, u b’ħeffa kbira ried jimxi għall-ħelsien tiegħu. Jalla fil-qalb tagħna jkollna din il-ħeffa biex neħilsu minn kull tip ta’ skjavitù u minn kull tip ta’ jasar, u naslu għall-ħelsien ta’ vera.

Anke meta inti fis-sewwa: tkasbarx, tiddisprezzax, tgħajjarx.

Il-ħobż bla ħmira hu l-ħobż tas-safa tal-qalb, tal-qalb li tifhem, tagħraf, li tħoss u tagħder, taħdem għall-ġustizzja fis-sliem u l-verità, imma dejjem bl-imħabba. Għax il-ħobż bla ħmira li jirrakkomandalna San Pawl għall-festa tal-Għid “huwa l-ħobż bla ħmira tas-safa u tas-sewwa” (1 Kor 5:8). Fih m’hemmx gidba, m’hemmx qerq, m’hemmx regħba, m’hemmx vjolenza.

Ejjew nitolbu llum il-grazzja bl-interċessjoni qawwija ta’ Sidtna Marija, biex aħna u nagħmlu festa lill-Ħaruf tagħna, li hu Kristu; li hu maqtul imma wkoll irxuxtat, aħna ngħaddu fil-ħajja tagħna mill-ħmira l-qadima tal-arroganza, id-dnub, il-vizzji, “għall-ħobż bla ħmira tas-safa u tas-sewwa” (1 Kor 5:8).


I would like to share a few words in English for our friends. St Paul, in the second reading today, invites us to celebrate the mystery of the resurrection of our Lord, and uses the image of the unleavened bread. The bread that Moses prescribe to the people of God on their way out of Egypt, out of the slavery of Egypt to the freedom of the promised land. It was a bread without dough, without leaven because it had to be baked in great haste. St Paul says: ‘We need to celebrate the paschal lamb who has been slained, but we need to use the unleavened bread of purity and righteousness. So let us pray, as we celebrate the mystery of Easter, the resurrection of our Lord, that we are freed from any haughtiness, any attitude of arrogance, that makes us despise other people, think that we are the only righteous ones. Let us pray for the gift of purity in humility, of righteousness and truth.           

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 10:34a,37-43
Salm: 117(118):1-2,16ab-17,22-23
Qari II: Kor 5:6b-8
L-Evanġelju: Ġw 20:1-9

Aktar ritratti