L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Aħna nafu li Alla, ma dawk li jħobbuh jaħdem kollox id f’id magħhom għall-ġid” (Rum 8:28)”. Fit-8 ta’ Settembru aħna l-Maltin u l-Għawdxin inħossu kemm hu twajjeb, għaref u veru dan il-kliem tal-Appostlu Missierna San Pawl f’kapitlu 8 tal-Ittra tiegħu lir-Rumani. Mill-esperjenza nafu li Alla, jaħdem id f’id ma’ dawk li jħobbuh.

It-8 ta’ Settembru għalina l-Maltin u l-Għawdxin huwa jum ta’ rebħa; bir-raġun insejħulha ‘il- Vitorja’. Għal iżjed minn darba f’mumenti ta’ għawġ, il-poplu għażiż tagħna dar lejn l-interċessjoni ta’ Omm Ġesù, ta’ Sidtna Marija u talab il-ħelsien mill-għadu, mit-turufnament. Fit-8 ta’ Settembru tal-1565 u fit-8 ta’ Settembru 1943 l-poplu tagħna nħeles għal darba, darbtejn minn kunflitti kbar li kienu jeddu l-libertà, il-kultura, u l-patrimonju tiegħu. Il-Mulej, li wera l-qawwa  tal-id tiegħu, bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija, ta għal darba darbtejn sinjal ċar lill-poplu Malti li s-sejħa li għamillu permezz tal-Appostlu Missierna San Pawl madwar is-sena 58-60 Wara Kristu, kellha tkun sejħa li tibqa’ timmarkana.

Aħna llum, b’sens ta’ devozzjoni u mħabba, insellmu lil Marija Bambina f’jum it-twelid tagħha, minn din il-bażilika minuri tal-Isla mwaqqfa bħala bażilika minuri 100 sena ilu, u li x-xbieha grazzjuża li tqim fi ħdanha ġiet ukoll inkurunata 100 sena ilu. F’Settembru 2018 kelli x-xorti infakkar bħala Arċisqof  ta’ Malta l-400 sena mill-wasla ta’ din l-istatwa ħelwa f’din il-parroċċa tal-Belt Invicta.

Dakinhar, permezz ta’ sunnett Shakespearjan, fakkart il-miġja ta’ din l-istatwa li kienet fuq poppa ta’ galjun li daret il-Mediterran u li l-providenza ġabitha fuq ix-xtut tal-Isla. U mmaġinajtha din l-istatwa grazzjuża:

Itterraq fuq l-ibħra, titqalleb mal-mewġ
glorjuża fil-poppa tal-isbaħ galjun,
tittawwal fuq l-ilma li qisu kristall
jew tbierek l-imsejkna li jgħumu fl-imrar.

Issellem kull gżira, kull port tas-serħan
kull poplu li jixref biex jilqa ferħan,
lil ġgajta baħħara li fik ittamat
li talbet il-barka ta’ driegħek setgħan.

Narak, statwa ħelwa ta’ tfajla Bambina,
bil-ħarsa tal-anġli, b’idejk maqgħudin,
narak ’il fuq togħla fuq l-ibhra kaħlana
narak f’xatt il-barka mal-qlub ferħanin.

Narak, o Bambina, titwassal f’dil-belt
u l-Isla titolbok tħarisha mill-għelt.

Imma l-Madonna, Marija Bambina, ma ħelsitx biss lill-Belt Invicta minn tant għelt imma wkoll lil Malta tagħna. Illum lill-Madonna nitolbuha biex fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna xxerred il-balzmu tal-għaqda, tal-maħfra, tal-ġustizzja, u tal-għatx għas-sewwa. Għax x’jiswa li b’emozzjoni u bid-dmugħ f’għajnejna nsellmu lill-Bambina jekk imbagħad il-kliem ta’ Binha ngħaffġuh taħt saqajna?

L-appell tiegħi u t-talba tiegħi bl-interċessjoni ta’ Marija Bambina hi li aħna nħarsu lejn xulxin u naraw f’xulxin ix-xbieha ta’ Alla. Għax il-Mulej hekk ħalaqna: xbieha tiegħu bid-dehen, bir-rieda, bl-għatx għall-imħabba u l-paċi. X’jiswa — u nagħmlu sew — li nfakkru dak li għamlu missirijietna bl-imħabba u d-devozzjoni tagħhom jekk aħna llum m’aħniex kapaċi nistaqsu lilna nfusna: Imma aħna fejn qegħdin? Il-qalb tagħna ta’ min hi? Għal min tħabbat il-qalb tagħna?

Għax x’jiswa li b’emozzjoni u bid-dmugħ f’għajnejna nsellmu lill-Bambina jekk imbagħad il-kliem ta’ Binha ngħaffġuh taħt saqajna?

F’sunett ieħor li dammejt fl-2018 fakkart dak li ċċelebrajna dik is-sena fl-4 ta’ Settembru meta bir-rieda tal-Papa u minn idejn il-predeċessur tiegħi l-Arċisqof Dun Mauro Caruana tqiegħdet kuruna għażiża u prezzjuża fuq ras ix-xbieha ta’ Marija Bambina. Imma xi tfisser din il-ħaġa li qegħdin infakkru llum jekk fil-qalb tagħna m’hemmx wisa’ għall-Omm u l-Iben tagħha? Bħalma jinsisti l-Papa Franġisku: jekk inti trid tkun devot ta’ Ġesù, stieden lil ommu għax l-omm dejjem twasslek għand binha.

Iż-żiffa tal-ħlewwa li tferraħ il-qalb
titliegħeb fuq l-ilma mal-leħen tat-talb;
u l-għana tal-ġemgħa titħaddan mas-swar
f’girlanda ta’ mħabba li tħeġġeġ bħan-nar.

U l-Isla ferħana tissieħeb mal-kant
tal-Ave li l-kewkba li tmezxi kull kmand;
kull ħarsa, kull xoffa jitrogħdu mas-smigħ
tal-kelma tal-Papa li jħabbar is-sliem.

Tal-kelma li tordna li r ras tal-Bambina
tiżżejjen b’kuruna ta’ ġieħ u ta’ ġmiel.
U l-Isqof Dun Mauro isellem b’Reġina
lil omm ta’ kull għaxqa li timla kull żmien.

Hekk instemgħet il-għanja ta’ talbna
hekk intemmet ix-xewqa ta’ qalbna.

Imma nixtieq intemm b’ħeġġa imma b’sens ta’ talb it-tislima tiegħi tal-lum lil Sidtna Marija Bambina billi nitlob il-barka tal-Omm u ta’ Binha fuq kull wieħed u waħda minna b’mod speċjali fuq dawk li għaddejjin mill-mard, mit-tbatija fiżika, mill-qtigħ ta’ qalb, dawk li għandhom bżonn it-talb tagħna, dawk milquta mill-pandemija li għadha magħna mhux biss fil-gżejjer tagħna, mhux biss fl-Ewropa imma fid-dinja kollha. Nitolbu biex il-Madonna tagħtina s-sens li kellha hi meta l-anġlu qalilha li qaribtha kien se jkollha tifel u kienet imdaħħla fiż-żmien, insiet kollox, hi li hi omm Alla, marret  tgħinha.

Kemm hi ħaġa sabiħa li anke aħna fiċ-ċokon tagħna qegħdin naqmsu l-vaċċin li għandna ma’ ħaddieħor. B’hekk nagħtu eżempju għaliex kull qatra tgħodd. Hemm bżonn infiqu flimkien, hemm bżonn nikbru flimkien għax is-saħħa u l-paċi ta’ bejnietna mhumiex tiegħi biss jew tiegħek biss imma ta’ kull wieħed u waħda minna,

Kewkba li tiddi f’sema tal-Lhudija,
warda li tfewwaħ, balzmu tal-qdusija,
frotta ta’ Anna ma’ Ġwakkin imxierka
ferħa li temmet il-wegħdiet imbierka.

Nisel ta’ safa minn kull tebgħa mħares,
tfajla rżina, torri sod u mgħasses,
ġwejda fi kliemek, kollha ħlewwa fommok,
glorja ta’ ġensek, ta’ missierek, t’ommok.

Mera ta’ għaqal, raġġ ta’ dawl fejjiedi
ġnien magħluq sewwa, minn kull għelt sewdieni
xempju ta’ sabar, kenn fil-mard u d-dnewwa
gwida li tressaq lilna lejn s-sewwa.

Bambina ħelwa, tama u foħrija
Omm il-Vittorja, int Verġni Marija.

Viva Marija Bambina!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Mikea 5:1-4a
Salm: 12:6
Qari II: Rum 8:28-30
Evanġelju: Mt 1: 1-16, 18-23