Għeżież żgħażagħ, uħud minnkom qraw il-Kelma t’Alla llum. Fl-Ewwel Qari (Atti 2, 11) kien hemm ħafna ismijiet strambi li nisimgħuhom darba fis-sena mbagħad ninsewhom. Huma l-ismijiet ta’ Lhud li kienu ġew minn ħafna pajjiżi anke l-bogħod mill-Mediterran, li kienu f’Ġerusalemm f’Għid il-Ħamsin. Dan ġara ħamsin jum wara l-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt u li l-appostli tarrfulhom l-ewwel bxara: Ġesù ta’ Nazaret miet, Ġesù ta’ Nazaret qam mill-mewt. U dan għamluh b’kuraġġ kbir. Dan il-kuraġġ kien ġej mill-Ispirtu s-Santu li intom se tirċievu bis-sagrament tal-Griżma dalgħodu.
Jiena nixtieq naqsam magħkom ħsieb ċkejken li huwa meħud mit-Tieni Qari, meħud mill-Ittra li San Pawl bagħat lir-Rumani, lin-nies ta’ Ruma, kważi elfejn sena ilu. Hu jgħid hekk, isimgħuni sew, mhux il-kliem tiegħi, il-kliem ta’ San Pawl: “Intom ma rċevejtux l-Ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi li bih aħna nistgħu ngħajtu: ‘Abba, Missier!’” (Rum 8, 15) .
San Pawl qed jgħidilna li hemm spirtu fid-dinja li jagħmlek ilsir. Ħa nagħtikom eżempju. Jekk żgħażugħ jaqa’ fil-vizzju tad-droga, dak inħakem minn spirtu li jagħmlu lsir, skjav. Jekk ma jiħux id-droga, jibda juġgħu ħafna l-istonku tiegħu, jibda jħossu muġugħ għax bilfors irid jieħu d-droga, ifaqqar lil ommu u ’l missieru, u lilu nnifsu. Jitlef ġieħu, ma jkunx kapaċi jaħdem, ma jkunx kapaċi jiżżewweġ. Ara kemm għawġ għaliex waqa’ lsir tal-ispirtu li jwasslu għall-jasar. U hekk jerġa’ jaqa’ fil-biża’: il-biża’ minnu nnifsu, minn ħaddieħor, u anke minn Alla, jekk jibqa’ jemmen, għax kultant wieħed jitlef il-fidi wkoll meta jkun muġugħ ħafna.
Illum, dak li se tirċievu intom, huwa l-Ispirtu tal-libertà vera, dak li jagħmilkom ulied il-Missier. Fit-talba li għallimna Ġesù, għallimna ngħidu lil Alla: “Missierna, li inti fis-smewwiet” (Mt 6, 9), papà,abbà. Dan hu l-Ispirtu li se tirċievu. Jekk intom tobdu lill-Ispirtu tal-Mulej, il-kmandamenti tiegħu, intom tkunu ħielsa, ħielsa minn ħafna għawġ, ħielsa biex tħobbu verament, lilkom infuskom, lil min tixtiequ tħobbu u forsi anke tiżżewġuh jew tiżżewġuha, lil uliedkom, lil ġenituri tagħkom… u tkunu preżenza sabiħa fis-soċjetà. Mela l-Ispirtu x’jagħtina? L-ewwelnett, l-aħwa, jagħtina ħafna paċi fil-qalb.
Ħa nagħtikom eżempju ieħor ta’ wieħed li huwa mjassar. Ikun hemm xi ħadd li jobgħod lil xi ħaddieħor, jobgħodu għax jgħir għalih jew għax għamillu l-ħsara. Min jobgħod, waqa’ lsir tal-ispirtu tal-jasar, ma jibqax ikollu paċi, kollox jara ħażin, mingħalih jitbissem biex jagħmel show, imma fil-qalb tiegħu m’hemmx paċi iżjed. Tilef l-aqwa ġid, ħuti. Min jitjassar mal-mibegħda jew mal-għira, jew mar-rabja, f’qalbu m’għadux isaltan l-Ispirtu tal-Mulej.
Illum, intom, għeżież żgħażagħ, tridu tagħmlu għażla, u agħmluha din l-għażla. Minkejja d-dgħufija tagħna, ejjew nagħżlu lill-Mulej li jagħtina l-vera libertà. Ejjew niċħdu l-ispirtu li jwassalna għal jasar.U jekk aħna wlied, għax lill-Mulej ngħidulu Missier, abbà, papà, daddy, aħna wkoll werrieta, aħna se jkollna l-wirt li wegħedna Ġesù, “werrieta ta’ Alla, werrieta ta’ Kristu: ladaraba aħna nbatu miegħu, miegħu nkunu wkoll iggorifkati” (Rum 8, 17).
Ħa nagħtikom eżempju ieħor b’mod speċjali għal min iħobb jilgħab il-futbol. Inti tkun qed tilgħab il-futbol ma’ sħabek, mhux se jixtruk għalkemm anke fil-logħob taċ-ċajt nagħmluhom dawn il-ħmerijiet. Nagħtu kas int issir footballer famuż u jiġi xi ħadd jgħidlek: ‘inwegħdek ħafna liri mbasta dik il-logħba tagħmilha kif irrid jien, għax jiena lgħabthom il-flus u rrid nirbaħ u nagħtik biċċa minnhom ħa trebbaħni bir-riżultat li rrid jien’. Inti kont player famuż, imma jekk iċċedi għal din it-tentazzjoni, titlef ġieħek, titlef il-karriera u abbli tmur il-ħabs ukoll.
Biex tkun onest, trid tbati għax inti tgħid: ‘Jiena jagħitni għoxrin elf ewro, nibda nħallas l-ewweldown payment ta’ BMW sabiħa jew tal-Mercedes li trid, u kulħadd jibda jħares lejja, kemm għandi karozza sabiħa, mhux aħjar ninxtara’ ħa jkolli l-flus?’ Biex tkun onest trid tgħid ‘le’; biex tkun onesttrid tbati, għax it-tbatija tan-Nisrani mhux biss jaqtgħulek rasek, qed tbati biex tkun onest.
San Pawl jgħidilna, ” la aħna nbatu miegħu, inkunu wkoll igglorifkati miegħu”. X’inhi din il-glorja? Tibda minn hawn, bil-paċi li jkollok f’qalbek, għax dak il-player li ma nxtarax, meta jagħti l-ħobż lil uliedu qed jiekol ħobż imbierek. Imma l-player li jinxtara’, il-ħobż li jagħti lil uliedu huwa bil-velenu.
Intom se tagħmlu għażla llum li meta tikbru, imma anke minn issa, qabel ma tiddeċiedi, tgħid lilek innifsek, ‘il-Mulej xi jrid?’ U jekk inti f’qalbek tkun taf it-tweġiba dwar xi jrid il-Mulej u tagħżilha, nassigurak li qalbek tgħum fil-paċi u l-ħobż li tiekol ikun imbierek.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta