Illum it-Tnejn, 25 ta’ Jannar 2021, fl-okkażjoni tal-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, l-Arċisqof Charles Jude Scicluna ċċelebra quddiesa mill-kappella taċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet tas-Seminarju, hekk kif illum ukoll, l-iskola tas-Seminarju qed tiċċelebra lil San Pawl, patrun tagħha, u Jum l-Iskola. Wara l-quddiesa u t-talba tar-Rużarju, l-Arċisqof bierek ix-xbieha tal-Madonna, Mara tal-Ħobż, impittra minn Nathaniel Theuma. Wara bierek ukoll il-librerija tal-iskola li ssemmiet għall-Prof. Oliver Friggieri li kien eks student tas-Seminarju.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fis-sena 2018 kelli x-xorti nżur il-belt ta’ Damasku u ’l barra minn din il-belt kapitali tas-Sirja — li sfortunatament għadha għaddejja minn żmien ta’ inkwiet u anke ta’ gwerra — hemm it-tifkira ta’ dak li qegħdin niċċelebraw llum. Hemmhekk insibu knisja Ortododossa li tfakkar il-mument meta Sawlu, li kien ġej minn Ġerusalemm għal Damasku biex isib l-Insara u jeħodhom lura marbutin arrestati Ġerusalemm, jiltaqa’ ma’ Ġesù. Ġesù jidhirlu f’dawl kbir. Pawlu stess ifakkar li jiftakar li kien nofsinhar jiġifieri diġa kienet xemx qawwija, imma d-dawl ta’ Ġesù kien aqwa u ikbar minn tax-xemx.

Ġesù jkellmu. Jgħidlu: “Għaliex qiegħed tippersegwitani?” (Atti 22:7). L-ewwel nett isejjaħlu b’ismu,  Sawl. Mhijiex laqgħa ta’ xi ħadd li se jikkastigah imma xi ħadd li qed isejjaħlu b’imħabba. Imma jagħmillu din il-mistoqsija: “Għaliex qiegħed tippersegwitani?” Ma jgħidlux għaliex qiegħed tippersegwita lid-dixxipli tiegħi għax Ġesù dak li aħna nagħmlu ma’ xulxin, u dak li jagħmel xi ħadd lid-dixxipli, iqisu magħmul lilu nnifsu.

U Sawl, li jidħol f’din il-kriżi kbira anke minħabba din il-mistoqsija li nimmaġina jibqa’ jewdhen fuqha ħajtu kollha, jgħidlu: “Mulej, min inti?” “Jien Ġesù li qiegħed tippersegwitah” (Atti 22:8).“Xi trid?” U Ġesù, biex jurih xi jrid minnu, jgħidlu: “Mur Damasku” (ara Atti 22:10) u diġà ħejja lil Ħananija biex jilqgħu. U Ħananija jagħrfu fit-triq tal-Mulej u jgħammdu. Pawlu jagħmel tliet ijiem ma jiekolx u ma jistax jara, imma mbagħad kif Ħananija jitlob fuqu, jaqgħulu dawn il-qxur minn għajnejh u jibda jara.

Il-magħmudija li rċevejna tagħtina ħarsa speċjali fuq id-dinja. Il-konverżjoni tal-appostlu li aħna nsejħulu Missierna — għax ġie hawn u qalilna min hu Ġesù — tgħidilna propju dak li ra u sema’ Pawlu: jiena rajtu, jiena smajtu. Għaliex fit-triq ta’ Damasku, San Pawl, jew Sawlu, ra lil Ġesù u sema’ leħnu. Meta ġie fostna għal tliet xhur kulħadd mar bil-morda tiegħu għand l-Appostlu Missierna biex jisma’ l-kelma tiegħu u jfejjaq bil-qawwa ta’ isem Ġesù. Kulħadd f’Malta ltaqa’ ma’ Ġesù bil-qawwa ta’ dan l-appostlu li llum qed infakkru l-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù u tana d-don tal-fejqan.

Din is-sena mmarkata bil-pandemija hemm bżonn nitolbu ħafna lill-Appostlu Missierna San Pawl proprju biex jagħtina d-don tal-fejqan. Imma l-ewwel il-fejqan tal-qalb. Il-fejqan tal-ġisem huwa importanti imma Ġesù kellem lil Sawlu permezz ta’ qalbu. Kien bniedem jaf il-Liġi, duttur, professur. San Pawl stess jammetti li kien mar fl-aħjar skola ta’ Ġerusalemm, dik ta’ Gamaljel, u li kien mimli ħeġġa għal-Liġi bħalma kienu l-Lhud Fariżej. Kien ukoll Fariżej, jiġifieri bniedem li huwa espert fil-Liġi imma għal Ġesù ma kienx biżżejjed; għal Ġesù l-qalb ta’ Pawlu kienet l-iżjed ħaġa importanti, l-ikbar teżor, u permezz tal-laqgħa tiegħu miegħu, Ġesù jbiddillu l-qalbu.

Il-Papa Franġisku jagħmel riflessjoni importanti ħafna li tgħodd ħafna għal żminijietna. Jgħidilna li Pawlu għadda minn din il-kriżi, kriżi li mhux bilfors tkun negattiva. Il-kriżi hija meta xi ħadd jgħarblek u jċaqilqek, jixxejkjak ftit. Ħafna drabi, meta ngħaddu minn xi mument diffiċli, anke fiż-żgħożija tagħna, nistaqsu x’se jiġri minna. Donnu qisna nitilfu t-tama. Il-Papa jgħidilna le, fil-mument ta’ kriżi anzi rridu niftakru fit-tama li din il-ħaġa se tgħallimna x’inhu l-iżjed importanti u x’mhumiex. Se tibdel il-qalb tagħna.

Bl-interċesjoni ta’ San Pawl, tal-Appostlu Missierna, nitolbu sabiex dan il-mument diffiċli li għaddejjin minnu, mhux biss bħala pajjiż imma bħala dinja waħda, ma jwebbisx qalbna għal xulxin imma nkunu ta’ qalb ħanina.  Nifhmu wkoll kemm hi importanti l-imħabba ta’ bejnietna u l-għożża ta’ xulxin. Kemm hemm affarijiet oħra li mhumiex daqshekk importanti li nistgħu wkoll ngħaddu mingħajrhom.

Nitolbu ħafna l-interċessjoni ta’ San Pawl biex ikollna dan l-għaqal u l-għerf. Hu għadda mill-kriżi u permezz ta’ din il-kriżi sar appostlu kbir, għodda magħżula. Il-Papa jikkwota wkoll il-Ktieb ta’ Bin Sirak fejn jgħid li l-bniedem li jogħġob lil Alla huwa ppruvat fin-nar u l-bniedem magħżul huwa fil-forn tal-umiljazzjoni.

Bħal-lum Pawlu ġie umiljat; mingħalih hu se jsalva l-Liġi u spiċċa anqas jara. Kellhom imexxuh sa Damasku. Imma f’dik l-umiljazzjoni l-Mulej kien qed jgħaġġnu f’appostlu kbir li mbagħad jgħid li hu wkoll irċieva kelma għażiża mingħand Ġesù għax għal darba, darbtejn, tlieta talbu jeħilsu min-niggieża u l-Mulej jgħidlu: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi għaliex il-qawwa tiegħi tidher l-ikbar fejn hemm id-dgħajjef” (2 Kor 12:8-9).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 22: 3-16 jew Atti 9, 1-22.
Salm: 116, 1.2
Evanġelju: Mk 16: 15-18

More Photos >>