“Imqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.”
L-ewwel Ħadd tar-Randan laqqagħna mar-rakkont ta’ Ġesù fid-deżert tal-Lhudija, li hu magħruf għat-temperaturi estremi tiegħu, u s-sorsi limitati tal-ilma. Hu medda kbira ta’ għoljiet u widien ta’ blat, u ma fihx ramel.
Fil-Bibbja jissemma iktar minn darba. Qabel dar-rakkont naraw lil Ġwanni l-Battista jipprietka propju fid-deżert tal-Lhudija, li fil-Lvant tiegħu nsibu x-Xmara Ġordan, ix-xmara fejn tgħammed Ġesù, u li minnha telaq għad-deżert fejn qatta’ erbgħin jum. Id-deżert hu post ta’ kriżi imma wkoll purifikazzjoni fejn il-bniedem jista’ jagħraf tassew min hu, kif ukoll jiskopri missjoni ġdida personali u unika. F’din ir-realtà, lj Ġesù jiltaqa’ u jegħleb l-agħar kilbiet tal-qalb umana u juri l-qawwa tiegħu bħala l-Iben t’Alla.
F’ħajjitna aħna wkoll ngħaddu minn mumenti ta’ deżert, ta’ silenzju, ta’ toqol; u permezz tagħhom niltaqgħu ma’ tentazzjonijiet simili għal dawk li kellu Ġesù fid-deżert:
- It-tentazzjoni li naħsbu li x-xabgħa tal-ġisem hi iktar importanti minn dik tar-ruħ;
- It-tentazzjoni li nagħmlu lilna nfusna Alla, jew nagħtu ġudizzju f’ismu;
- U l-kilba għall-poter, li nixtiequ naħkmu fuq l-oħrajn flok inkunu f’solidarjetà magħhom.
F’dawn il-mumenti diffiċli għandna l-għażla li mmewtu dak li m’għandux postu f’qalbna u nagħmlu post għall-ħajja ġdida. Jaf inħossu li Alla ħalliena waħedna, iżda f’dawn l-esperjenzi ta’ sfida, tikber fina xewqa ta’ tama ġdida li nistgħu nsibuha fih. Forsi ma nifhmux għala qed ngħaddu minn dal-mumenti imma nistgħu nħallu lil Alla jurina t-triq għall-fejqan minn dak li jifridna minn miegħu, min-nies ta’ madwarna u minna nfusna. B’hekk, ngħaddu mid-deżert ta’ ħajjitna b’karattru iktar sod, tama u maturità fil-fidi.