L‑Arċidjoċesi ta’ Malta ser tniedi l‑pubblikazzjoni bil‑Malti ta’ Verbum Domini (Il‑Kelma tal‑Mulej), li hi l‑Eżortazzjoni Appostolika tal‑Papa Benedittu XVI tat‑30 ta’ Settembru 2010.
Il‑preżentazzjoni li hija miftuħa għall‑pubbliku ser issir nhar l‑Erbgħa, 22 ta’ Jannar 2020, fil‑5:30pm, fiċ‑Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni (ĊAK), Birkirkara. Il‑pubblikazzjoni ser tiġi ppreżentata mill‑Arċisqof Charles J. Scicluna.
Din l‑Eżortazzjoni Appostolika hi frott tal‑Assemblea Ġenerali Ordinarja tas‑Sinodu tal‑Isqfijiet li saret f’Ruma bejn il‑5 u s‑26 ta’ Ottubru 2008. It‑tema tas‑sinodu kienet Il‑Kelma ta’ Alla fil‑Ħajja u fil‑Missjoni tal‑Knisja.
Id‑dokument jikkonsisti fi tliet partijiet: Verbum Dei (Il‑Kelma ta’ Alla), Verbum in Ecclesia (Il‑Kelma fil‑Knisja), u Verbum Mundo (Il‑Kelma lid‑Dinja). F’din l‑eżortazzjoni, il‑Papa Benedittu jagħti wkoll rakkomandazzjonijiet pastorali siewja biex il‑Kelma ta’ Alla tkun tassew fiċ‑ċentru tal‑ħajja tal‑Insara.
Meta f’Settembru li għadda, il‑Papa Franġisku ħareġ l‑Ittra Appostolika f’għamla ta’ Motu Proprju Aperuit illis, biex iwaqqaf il‑Ħadd tal‑Kelma ta’ Alla fit‑tielet Ħadd taż‑Żmien ta’ Matul is‑Sena, huwa rrakkomanda l‑qari ta’ din l‑ittra sabiħa tal‑predeċessur tiegħu. Il-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla ser jiġi ċċelebrat għall-ewwel darba fis-26 ta’ Jannar 2020.