L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Nirringrazzjakom ħafna talli nġbarna hawnhekk biex nibdew is-sena l-ġdida 2020 taħt il-ħarsien tal-Mulej u b’mod speċjali ta’ omm Ġesù, Marija.
Insellem ukoll lil kull min qiegħed isegwina permezz tal-mezzi tax-xandir u nirringrazzja ħafna lill-media li matul dan l-ewwel jum tas-sena se tkun qiegħda tgħin biex in-nies iħossuhom qrib ħafna ta’ din id-dar tal-Providenza.
Nixtieq ukoll insellem lis-Sorijiet tal-Karità li qdew b’tant ġenerożità lil din id-Dar għal dawn l-aħħar 52 sena u nitolbu li t-togħma ta’ tjubija, it-tbissima li ħallew mmarkata fuq kull ħajt ta’ dan il-bini, tibqa’ tagħti togħma ta’ umanità lil din l-inizjattiva. Lis-sorijiet li taw ħajjithom hawnhekk, aħna minn issa nawgurawlhom ukoll jiem ta’ mistrieħ. Naf li se jibqgħu jżuruna u aħna nħossuhom dejjem parti minna u qrib tagħna.
Nixtieq nirringrazzja lill-Istat Malti li dejjem għen lil din id-dar, għaliex jekk qed nagħmlu festa ta’ ġenerożità huwa wkoll permezz tal-istituzzjonjiet tagħna li dejjem ħadu ħsieb biex lil din id-Dar joffrulha dik l-għajnuna essenzjali biex tkompli. U fil-persuna tiegħek, għażiż Segretarju Parlamentari Agius Decelis, jiena nixtieq nirringrazzja lill-awtoritajiet kollha.
Nirringrazzja mill-bidu u fil-bidu ta’ din is-sena lill-poplu Malti u Għawdxi kollu li jsegwi lil din id-dar kuljum u jagħtiha dak kollu li għandha bżonn biex ir-residenti, mhux hawnhekk biss imma wkoll f’diversi djar oħrajn li d-Dar tal-Providenza li saret issa nisġa ta’ djar fil-komunità, tkun tista’ tkun preżenza sabiħa tas-solidarjetà u wkoll tagħti l-possibbiltà li persuni bi ħtiġijiet speċjali jkunu fil-komunità u jgħixu magħna, mhux imwarrbin minna imma fil-qalb tagħna.
Nixtieq ukoll insellem lis-Sorijiet tal-Karità li qdew b’tant ġenerożità lil din id-Dar għal dawn l-aħħar 52 sena
Għalhekk, il-poplu Malti llum permezz tax-xandir, permezz tal-media, permezz tal-preżenza fiżika tiegħu – illum ġurnata sabiħa ħafna fejn wieħed jista’ jiġi f’dawn l-inħawi sbieħ tas-Siġġiewi u Għar Lapsi u jgħid: ħa ngħaddi ftit id-Dar tal-Providenza – jew inkella fil-kumdità ta’ daru, dak li jkun ikun jista’ jsegwi x’qed isir.
Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna l-poplu Malti u Għawdxi drajna li nibdew is-sena b’ġest li niftakru f’xulxin b’mod speċjali meta aħna fil-bżonn ta’ xulxin. U din hija xi ħaġa li nixtieq f’kull familja.
Nawgura li f’din is-sena, kull fejn naraw il-bżonn tal-għajnuna, tas-solidarjetà, imqar telefonata, imqar viżta ċkejkna, nibda minni, imqar xi ħadd tal-familja ilna ma narawh, nibdew is-solidarjetà, nibdewha anke minn ċrieki viċin tagħna. Kemm hi ħaġa sabiħa li l-familji tagħna jkomplu jibqgħu xibka ta’ solidarjetà, xibka ta’ mħabba, xibka ta’ sapport, għaliex waħda mill-modi kbar ta’ faqar tal-lum hija s-solitudni. Mhix kwistjoni ta’ flus imma ta’ solitudni, li bniedem iħossu waħdu, jew mhux milqugħ jew mhux maħbub.
Il-bniedem bil-ħarsa ta’ Alla jsir kbir.
Din il-ġurnata fis-sena tiġi wkoll biex niftakru li l-imħabba tagħti togħma tajba lill-ħajja tagħna. U dan l-awgurju sabiħ li nagħmel fil-bidu ta’ din is-sena 2020. Fiha se nfakkru ċentinarju importanti ta’ bniedem kbir, ta’ Ġwanni Pawlu II, li tiegħu din id-dar għandha relikwa għażiża u li żar Malta darbtejn. Kien l-ewwel Papa li żarna fl-1990, imbagħad reġa’ ġie propju fil-bidu ta’ dan is-seklu fl-2001 u tana l-ewwel tliet beati tagħna, u għalhekk aħna għandna dejn kbir ma’ San Ġwanni Pawlu II.
Din is-sena li tfakkar iċ-ċentinarju mit-twelid tiegħu fit-18 ta’ Mejju 1920. Din is-sena għalhekk, fit-18 ta’ Mejju nfakkru ċ-ċentinarju mit-twelid ta’ dan ir-raġel qaddis, Papa kbir, ġeneruż, missjunarju, u li jfakkarna anke b’ismu stess, fl-għażla ta’ ismu – kien hemm Papa Ġwanni Pawlu I qablu, imma huwa wkoll għażel dan l-isem – li huwa programm fih innifsu għax Ġwanni tfisser ‘Alla ħanin’, Johanan, u Paulus bil-Latin tfisser ‘ċkejken’ imma ċ-ċokon tal-bniedem huwa quddiem Alla. Imma Alla hu u jħares lejn iċ-ċokon tagħna, bħalma għamel ma’ Omm Ġesù, ma’ Marija, kif qal: “Ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:48). Il-bniedem bil-ħarsa ta’ Alla jsir kbir.
Issa l-ħarsa ta’ Alla fuqna x’inhi? Il-ħarsa tagħna fuq xulxin. It-talba tagħna hija li aħna nħallu lil Alla jħares lejna permezz tal-proxxmu tagħna u li l-ħarsa tagħna fuq xulxin tkun il-ħarsa ta’ Alla. Meta nħares lejn oħti, lejn ħija, jien irrid ngħid: ‘Alla kif qed iħares lejn ħija, lejn oħti?’ U dik tkun il-ħarsa li ħierġa minn qalbi. U jekk tkun il-ħarsa ta’ Alla qatt mhi se tkun ħarsa ta’ disprezz, qatt ma se tkun ħarsa ta’ mibegħda, imma se tkun ħarsa ta’ mħabba, ta’ tenerezza u ta’ ħniena.
Ejjew nitolbu biex aħna nħarsu lejn xulxin kif iħares lejna Alla.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Num 6, 22-27
Salm: 66 (67), 2-3.5.6.8
Qari II: Gal 4, 4-7
Evanġelju: Lq 2, 16-21