L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
Il-Papa Franġisku, li se jkollna x-xorti li nilqgħuh fostna Malta fil-31 ta’ Mejju, nhar Għid il-Ħamsin, ftit ġranet ilu ħareġ messaġġ għall-okkażjoni tal-lum – it-28 Jum Dinji tal-Morda. F’dan il-messaġġ jirrifletti fuq il-kliem ta’ Ġesù: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11:28).
Nixtieq li nirriflettu fuq dan il-kliem ta’ Ġesù u naraw ir-rabta tiegħu ma’ dan l-Evanġelju skont San Ġwann li għadna kemm smajna, magħruf bħala tat-Tieġ ta’ Kana.
“Ejjew għandi”
Ħa nħarsu lejn dan il-kliem – “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin”. Aħna nafu mill-Evanġelju kemm hu veru dak li qal Ġesù. Kull min kien b’xi mod jew ieħor għaddej minn tbatija, uġigħ, mard u dwejjaq sab f’Ġesù il-faraġ, il-konsolazzjoni, l-għajnuna u l-ħajja. Sab fih l-imħabba sħiħa. Għalhekk meta Ġesù qal “ejjew għandi”, in-nies li semgħuh setgħu jifhmu kemm kien veru, kemm kienet din l-esperjenza tagħhom u ta’ ħafna minnhom li meta marru għandu, meta ltaqgħu miegħu, sabu s-serħan fil-ħajja tagħhom.
Marija marret għandu
Ħa nħarsu lejn l-Evanġelju tat-Tieġ ta’ Kana li smajna llum. Hawnhekk naraw kif Marija, omm Ġesù, għamlet dak li qal. Hu qal “ejjew għandi” u hi marret għandu. Mhux għax hi kienet imħabbta u mtaqqla, imma biex tidħol għal dawk l-għarajjes li kellhom diffikultà għax fit-tieġ naqashom l-inbid. Nafu li marret għandu u qaltlu bil-kwiet bi ftit kliem – “m’għandhomx inbid” – bla storbju ta’ xejn tat il-messaġġ tagħha; imbagħad lill-qaddejja bagħtithom ukoll għandu u qaltilhom: “Kulma jgħidilkom hu, agħmluh”.
Nafu kemm sewa li hi marret għandu u l-qaddejja marru biex jagħmlu li jgħidilhom hu, għax Ġesù bidel l-ilma fl-inbid, anzi bidlu fl-aħjar inbid. Hemmhekk, fit-tieġ ta’ Kana, naraw lil Marija tinterċedi għall-għarajjes. Meta naqra din is-silta, dejjem niftakar f’dik it-talba li għaqqadnieha mar-Rużarju: “Marija Santissima, urina li int ommna, għalik jisma’ t-talb tagħna Ġesù li twieled għalina u ried isir bniedem bħalna.” Għalik – jiġifieri għall-kelma tiegħek, għall-intervent tiegħek, Ġesù jisma’ t-talb tagħna.
Għalhekk għandna f’din is-silta u f’dan il-messaġġ tal-Papa flimkien dak li hu tassew ta’ għajnuna għall-ħajja tagħna: Ġesù li għandu rridu mmorru, u Marija li tidħol għalina u tgħinna naslu għand Ġesù.
Fih insibu s-serħan
L-ewwel talba li nixtieq nagħmel hija għalina lkoll, speċjalment għal dawk li huma morda, dawk li għaddejjin minn tbatija jew b’xi mod jew ieħor għandhom bżonn l-għajnuna għax huma dipendenti fuq l-oħrajn. Nitlob li aħna nsibu f’Ġesu dak li jagħtina s-serħan f’ħajjitna. Li meta ngħaddu minn tbatija, minn mard, minn dak li jnissel dwejjaq fil-ħajja tagħna, qatt ma nieqfu hemm, imma mmorru għand Ġesù biex hu jagħtina s-serħan u qalbna tkun fil-paċi.
Ġesù qatt ma qal lilna d-dixxipli tiegħu li mhux se jkollna mumenti diffiċli, tbatijiet, żminijiet ta’ dwejjaq, imma tana l-għajnuna biex ma niqfux hemm. Bl-għajnuna tiegħu u ta’ Marija li tidħol għalina, ikollna dak li għandna bżonn biex f’ħajjitna nistgħu nimxu ’l quddiem, u qatt ma naqtgħu qalbna jew inċedu fid-diffikultajiet, fid-dwejjaq li jkollna, jew fl-uġigħ li jikkawżalna tbatija, imma nsibu tassew din il-paċi tal-qalb f’Ġesù.
Id-dinjità ta’ kull persuna marida
It-tieni talba hi għal dawk kollha li huma b’xi mod jew ieħor imdaħħlin fil-qasam tas-saħħa: tobba, infermiera, operaturi sanitarji, volontarji. Nitlob lill-Mulej biex jagħtihom l-għajnuna ħalli jkomplu jaqdu dan is-servizz b’dedikazzjoni u mħabba, b’rispett sħiħ lejn id-dinjità ta’ kull persuna u l-ħajja umana.
Nitlob li dawn, meta jħarsu lejn il-persuna marida – kif jgħid il-Papa fil-Messaġġ tiegħu – jiftakru li l-ewwel hemm il-persuna qabel il-mard. Għalhekk il-mod kif jittrattaw il-persuna ikun kif għallimna Ġesù. Fil-fatt Ġesù, f’din is-silta li kkwota l-Papa, l-ewwel jgħid “ejjew għandi”, imbagħad jgħid “tgħallmu minni” biex ma’ min qed ibati, aħna jkollna l-istess imħabba u tenerezza li kellu u għandu hu.
Soċjetà li tgħożż il-ħajja
It-tielet talba hi biex aħna lkoll dejjem ikollna f’qalbna r-rispett lejn il-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha. Il-Papa jsemmi dan fil-Messaġġ għal Jum Dinji tal-Morda ta’ din is-sena, fejn jgħid: “Il-ħajja għandha tkun milqugħa, imħarsa, irrispettata u moqdija mill-bidu sat-tmiem; dan huwa mitlub fl-istess ħin kemm mir-raġuni u kemm mill-fidi f’Alla awtur tal-ħajja.” Nitlob li dan nuruh fil-kliem, fl-attitudni u fil-ħidma tagħna biex kull min ikun għaddej minn fraġilità u dgħufija jsib fina li nemmnu f’Ġesu dik l-imħabba u l-għożża li l-persuna tant tkun teħtieġ f’dawk il-mumenti.
Jalla s-soċjetà Maltija tkompli dejjem tgħożż il-ħajja u d-dinjità ta’ kull persuna u turi din l-għożża fil-mod kif tittratta lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli, fraġli u dgħajfa.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju