-
-
Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Palazz tal-Arċisqof, il-Belt Valletta
27 ta’ Diċembru 2017
Jien nixtieq nirringrazzjak ħafna Sur Imħallef Micallef, u nixtieqek twassal it-tislija tagħna lill-Prim Imħallef u anke l-gratitudni tagħna lejh talli f’okkażjonijiet importanti u istituzzjonali jaf ukoll ikun il-vuċi tal-poplu li, wara kollox, aħna lkoll qed nippruvaw naqdu u nservu. Jiena nixtieq ukoll nitolbok twassal il-gratitudni tal-Knisja u anke tal-poplu lill-membri kollha tal-ġudikatura, kemm lill-imħallfin u kemm lill-maġistrati.
Aħna nitolbu ħafna minnkom, bħalma l-poplu jitlob anke mill-kleru, għaliex jippretendi li aħna nsostnu l-valuri li jridu jkunu verament is-sinsla mhux biss tad-diċenza imma tad-demokrazija u anke tal-ħajja li tgħixha sew. U jiena napprezza wkoll meta l-ġudikant, fis-sapjenza tiegħu, jagħraf jimmodera l-esiġenza tal-ġustizzja mal-ħniena. Dan huwa ekwilibriju iebes imma neċessarju biex il-liġi tiġi implimentata imma intom wara kollox m’intomx qrati tad-dritt imma qrati tal-ġustizzja.
Il-ġustizzja hija bbażata fuq il-verità li ma tħares lejn wiċċ ħadd imma fl-istess ħin ukoll, meta niġu fil-kriminal per eżempju, il-ġustizzja tħares lejn il-korrezzjoni tal-iżbalji. Nifhem li ma jiddependix minnkom li l-faċilitajiet korrettivi jkunu verament korrettivi imma napprezza wkoll li għandkom strumenti neċessarji, li l-liġi tippermetti ċertu flessibbiltà fil-ġudizzju biex l-interess tal-persuna jiġi rrispettat u fl-istess ħin tiġi ssalvagwardjata wkoll l-ordni pubblika u l-ġid komuni.
Naf ukoll li membri tal-maġistratura u anke tal-ġudikatura, l-imħallfin, għandhom f’idejhom investigazzjonijiet delikati ħafna. Inwegħdukom it-talb tagħna u nitolbu għalikom biex intom ikollkom mhux biss l-għerf u d-dehen imma l-kuraġġ ukoll biex dak li hemm bżonn isir isir, bla biża’ u bla favur.
Ippermettili li fil-persuna tiegħek, għażiż Imħallef Micallef, nippreżentalek din ir-replika tal-monument ta’ Kristu Re għall-Qorti tal-Ġustizzja. Ippermettili nitolbok tippreżentaha lill-Prim Imħallef wara li joħroġ mill-indispożizzjoni, li nawgurawlu tkun qasira. Hija replika tal-iskultur Malti Chris Ebejer, tal-monument ta’ Antonio Sciortino b’tifkira tal-Kungress Ewkaristiku tal-1913, għax il-monument twaqqaf fin-1917. Fl-istess ħin huwa wkoll sinjal ta’ gratitudni konkreta u sinjal ta’ barka wkoll fuq l-operat tagħkom.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta