• ***

      Diretturi: Lana u Andy Wachowskis
      Atturi: Mila Kunis, Channing Tatum, Eddie Redmayne
      Ħin: 127 minuti
       
      Klassifika taċ-Ċensura: 12A
      Klassifika tal-Knisja: 15

      Jupiter Jones hija emigrant Russa li toqgħod f’Chicago u taħdem bħala seftura biex tgħin lil familja tagħha. Mingħajr ma taf, iżda, hija tiġi mmarkata minn aljeni li jridu jeqirduha. Tlett aħwa tal-familja rjali Abrasax, Balem, Kalique, u Titus, li jgħixu x’imkien fl-univers, wara l-mewt ta’ ommhom li kienet ilha tirrenja għal żmien twil, jibdew jiġġieldu bejniethom dwar min għandu jieħu post ommhom bħala l-mexxej ta’ l-univers. L-aħwa jsiru jafu li Jupiter għandha l-istess kompożizzjoni ġenetika li kellha ommhom u li għalhekk teknikament kellha d-dritt li ssir ir-reġina ta’ l-univers. Balem jibgħat assassini biex joqtluha; Titus iqabbad lil ex-suldat Caine biex jipproteġiha u jeħodha għandu; filwaqt li Kalique tistieden lil Jupiter għandha mingħajr ma tikxef l-intenzjonijiet tagħha. Biex iħarisha, Caine l-ewwel jeħodha għand sieħbu Stinger, iżda meta l-assassini jaslu fid-dinja jeħodha fil-post fejn jgħixu l-familja Abrasax.
       
      Film tal-fantaxjenza, fi 3D, mimli spettaklu u effetti speċjali ta’ l-għaġeb li jagħmlu l-film pjaċevoli, minkejja li l-plot mhux dejjem jagħmel sens. Fih xeni ta’ vjolenza, xi xeni skabrużi u xi kliem ħażin.