L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Il-proxxmu tiegħi min hu?” (Lq 10:29). Din hija l-mistoqsija li għamel l-għaref fil-liġi lil Ġesù, meta kien fisser tajjeb li l-aqwa fil-liġi kollha hija l-imħabba lejn Alla “b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u l-proxxmu tiegħek bħalek innifsek” (Lq 10:27). Din kienet it-tweġiba li ta l-istess għaref fil-liġi, u għamel tajjeb għax għaqqad flimkien dak li kien hemm fil-Ktieb tad-Dewteronomju u fil-Ktieb tal-Levitiku, għaqqadhom flimkien kif kien għamel Ġesù stess li jgħid: dan hu l-aqwa kmandament, it-tnejn flimkien.
Imma dan ried ikun jaf “il-proxxmu tiegħi min hu?” U jekk naraw il-parabbola li jgħid Ġesù b’risposta għal din il-mistoqsija, naraw kif Ġesù, fil-fatt, mhux wieġeb il-mistoqsija tiegħu, imma bidillu l-mistoqsija tiegħu. Dan għaliex meta dan staqsa “il-proxxmu tiegħi min hu?”, kien hemm l-idea dak iż-żmien li l-proxxmu, jiġifieri dawk li hu viċin tiegħek u li għandek tgħin, huma dawk tal-istess razza tiegħek, l-istess nies tiegħek, ħbieb tiegħek, qraba tiegħek – tal-grupp tiegħek. Għalhekk Samaritan, għal ħafna mil-Lhud, ma kienx proxxmu.
Imma Ġesù riedu mhux jistaqsi “il-proxxmu tiegħi min hu?”, b’mod li tkun qed tagħmel limitu: dawk huma proxxmu, u l-oħrajn ’il barra mil-linja mhumiex. Imma: kun inti proxxmu għall-oħrajn. Ara l-mistoqsija li għamel Ġesù: “minn dawn it-tlieta (li semma fil-parabbola) int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu?” (Lq 10:36) Mela flok tistaqsi “il-proxxmu tiegħi min hu?”, int għandek tgħid: jiena kif nista’ nġib ruħi ta’ proxxmu mal-oħrajn? Għalhekk hemmhekk tibdel il-mentalità. M’intix se tagħmel limitu għal min għandu bżonn, imma inti tkun proxxmu għal dawk li huma fil-bżonn.
Hekk għamel dan is-Samaritan. Ġesù ġab il-kuntrast – u meta qal hekk, kien qed jgħid xi ħaġa li l-għaref fil-liġi fehmu x’ried jgħid – meta semma qassis, levita, li raw lil dak mixħut nofsu mejjet, wara li kienu qabżu fuqu l-ħallelin, u Ġesù jgħid: rawh u baqgħu sejrin. Imma dan, li kien Samaritan, waqaf biex jgħin. Issa meta Ġesù qal li dan kien Samaritan, ġa kienet naqra provokazzjoni għal dan l-għaref fil-liġi. Qed jgħidlu: xi ħadd li intom tqisuh eretiku jew inkella mhux wieħed mill-grupp tagħkom, kien dan li waqaf biex jgħin! U hemm dik id-deskrizzjoni sabiħa ta’ meta dan “wasal ħdejh, rah u tħassru, resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi” (Lq 10:33-34), imbagħad ħadu fil-lukanda u ħa ħsiebu, u kien lest ukoll illi joħroġ il-flus li kien hemm bżonn biex tal-lukanda jgħinu. Ara kif dan is-Samaritan, li kellu l-pjanijiet tiegħu, waqaf, ħarbat il-pjanijiet li kellu, biex jieqaf jgħin lil dak li kien fil-bżonn. U mhux biss ħass għalih, imma għamel xi ħaġa. Għamel dak kollu li kien meħtieġ biex jgħinu, imbagħad ħadu wkoll fil-lukanda biex ikollu żgur l-għajnuna kollha li jeħtieġ, u għenu sal-aħħar.
Ġesù hawnhekk irid jgħid lilna, bħalma kien jgħid lid-dixxipli tiegħu, li din għandha tkun l-imħabba li nuru fil-prattika fil-ħajja tagħna Nisranija. U nuruha billi lil dawk li huma fil-bżonn nieqfu ngħinuhom. Kultant ifisser li jitħarbtulna l-pjanijiet tagħna, imma nieqfu ngħinu lil min hu fil-bżonn, u ngħinu lill-persuna sal-aħħar. Ikun min ikun. Ġesù qalilna – u hemm ngħixu tassew il-fidi tagħna Kattolika – li qatt ma nagħmlu distinzjoni lil min ngħinu. Mhux: għax dan hu tal-partit tagħna, għax dan huwa tal-banda tagħna, għax dan huwa tar-reliġjon tagħna, għax dan huwa tal-grupp tagħna, ngħinu, imma ħaddieħor le! U din hi li tagħmel il-Knisja fl-aspetti kollha tagħha, fil-parroċċi kollha tagħna f’Malta u f’Għawdex, biex insemmi l-eżempju f’pajjiżna – hekk tagħmel il-Knisja. Il-Knisja tgħin lil kull min hu fil-bżonn. Ma tagħmilx distinzjoni, separazzjoni, li lil dan tgħinu għax magħna, u lil ħaddieħor le għax kontrina. Anke lil min ikun lest li lill-Knisja jinsultaha u jweġġagħha, tgħinu wkoll. Għax hekk qalilna Ġesù. U tgħinu sal-aħħar. U tara li fejn hemm bżonn, tirreferih, bħalma għamel dan tal-parabbola li ħadu l-lukanda, lil min jista’ jagħti l-għajnuna sħiħa – għax hekk għallimna Ġesù.
Kemm hu importanti li niftakru dan ilkoll kemm aħna: li ngħixu l-fidi verament meta nkunu ta’ għajnuna għal dawk li huma fil-bżonn, proxxmu għal kull min jeħtieġ. Inkunu lesti nagħmlu dan, u ngħinu tassew b’kull mezz lil kull min jeħtieġ. Hemmhekk nuru tassew kemm qed ngħixu din il-kelma ta’ Ġesù u ngħixuha fil-prattika. Ejja ngħidu l-verità: aħna mhux bilfors se jkollok okkażjoni bħalma kellu dan is-Samaritan, jiġifieri se ssib lil xi ħadd nofsu mejjet fit-triq, imma li qed jgħid Ġesù hu: hemm affarijiet żgħar, ta’ kuljum, li nistgħu nagħmlu għal xi ħadd li hu fil-bżonn. Xi ħadd li ninzertawh jew li niltaqgħu miegħu jew magħha, persuna li tiġi, ngħinuha, u ngħinuha b’mod li tassew inkunu qegħdin nagħmlu l-ġid lilha u l-ġid sal-aħħar.
Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja. Hemm talba sabiħa ħafna li ġieli ngħiduha b’rabta mal-quddiesa, li ħafna minna nafuha: “Mulej, tħallinix ngħaddi minn fejn xi ħadd b’ħarsa indifferenti, b’qalb magħluqa u bil-pass imgħaġġel”. Għinni, Mulej, biex inkun lest li noffri l-għajnuna lil kull min hu fil-bżonn għax, fuq kollox, fih nara tassew lilek, li għedtilna: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




