-
Jinfetaħ iċ-Ċentru Pastorali Parrokkjali Qalb ta’ Ġesu’ fil-Qrendi
-
Nhar is-Sibt 13 ta’ Lulju 2013, l- Arċisqof ta’ Malta l-E.T. Mons. Pawl Cremona fetaħ uffiċċjalment iċ-Ċentru Pastorali Parrokkjali Qalb ta’ Ġesu’ fil-Qrendi. Il-binja li tinsab fi Triq iż-Żurrieq se tkun l-akbar waħda tax-xorta tagħha fl-inħawi, u beħsiebha tiġbor taħt saqaf wieħed il-ħidma pastorali kollha tal-parroċċa tal-Qrendi li sal-lum ma kelliex post adattat minn fejn tagħmel dan.
Fil-fatt il-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru għandu sinifkat doppju peress li din is-sena l-Knisja qed tiċċelebra s-sena tal-Fidi, filwaqt li fuq livell lokali qed tfakkar il-100 anniversarju minn meta sar il-Kungress Ewkaristiku f’Malta. Fil-fatt il-ħidma li se tkun qed iseħħ miċ-ċentru torbot bi sħiħ mal-fatt li bħala nsara irridu nkunu xhieda ħajja tal-fidi tagħna, filwaqt li nissaħħu individwalment u bħala komunita’ fil-qadi u l-imħabba li jilħqu l-qofol tagħhom fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika ta’ kuljum.
Huwa fatt li żminijietna huma żminijiet ta’ sfida u ta’ opportunita’ wkoll. Ta’ sfida għaliex l-istil ta’ ħajja li qed ngħixu mhux dejjem qiegħed iwassalna biex napprezzaw dak li hu awtentiku u sħiħ, filwaqt li huwa ta’ opportunita’ għaliex permezz tar-riflessjoni dwarna nfusna nistgħu nirrealizzaw kemm huwa meħtieġ li nerġgħu lura lejn l-għeruq biex insibu tassew dak li aħna.
L-evanġelizzazzjoni l-ġdida kif imnedija mill-Papa Emeritus Benedittu XVI u li kompla fuqha l-Papa Franġisku, għandha l-għan li treġġgħana lejn il-qofol tal-messaġġ nisrani ta’ relazzjoni intima ma’ Alla u ma’ xulxin. Huwa dan li jagħmilna tassew insara meta mimlijin bl-imħabba nagħtu lil xulxin id-doni li rċevejna bil-marka spiritwali li tibqa’.
Iċ-Ċentru Pastorali Parrokkjali Qalb ta’ Ġesu’ tal-Qrendi se jkun qed iserraħ il-ħidma tiegħu fuq tliet pilastri ewlenin: L-Evanġelizzazzjoni fil-forma wiesa’ tagħha li tinkludi fost l-oħrajn il-katekiżmu tat-tfal, iż-żgħażagħ u l-adulti, id-djakonija fil-forma ta’ proġetti u laqgħat li jindirizzaw problemi differenti u enfasi fuq it-talb bħala l-mezz waħdani li jgħinnha niskopru aktar lil Alla fil-ħajja tagħna.
Il-ftuħ taċ-Ċentru Qalb ta’ Ġesu’ fil-Qrendi huwa okkażjoni ta’ ferħ għall-Qrendin kollha. Il-ħidma li saret matul dawn l-aħħar tmintax-il sena u li laħqet il-qofol tagħha dawn l-aħħar tliet snin meta beda x-xogħol tal-bini, hija xhieda li l-parroċċa emmnet li dan huwa investiment importanti għall-ġejjieni ta’ wliedna u l-ġenerazzjonijiet futuri. Huwa messaġġ ħaj ta’ knisja li trid tindirizza l-isfidi u l-problemi ta’ żminijietna, li trid tinqala’ miċ-ċentru biex taħdem iżjed fil-periferija, ma’ dawn li l-iżjed jeħtieġu l-għajnuna tagħha. Għalhekk l-isem li ntagħżel għaċ-ċentru mhux b’kumbinazzjoni! Il-Qalb ta’ Ġesu’ hija l-għajn li minnha jnixxi l-ilma tal-ħajja, hija l-Qalb li tistedinna nieklu minnha kull darba li niċċelebraw l-ewkaristija, hija l-imħabba li biha n-nisrani jrid ikun imħeġġeġ biex jaqdi u jwassal it-tama fejn it-tama forsi tidher imċajpra. Dan iċ-Ċentru ġdid huwa invit għal għarfien akbar tad-don tal-fidi li rċevejna fil-magħmudija u li jagħtina l-identita’ ta’ wlied Alla u aħwa ma’ xulxin. -
-
Ritratti: Melvin Bugeja