L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“L-għani se jsibha iebsa biex jidħol fis-saltna tas-smewwiet” (Mt 19:23).

Ħafna setet iwiegħdu lil min jidħol fihom li Ġesù għandu l-qawwa jfejjaq il-mard kollu tagħhom, jagħmilhom għonja u sinjuri u kollox se jkun jimxi ħarir, fuq ir-rubini, kif ngħidu. Ġesù, meta jgħallimna r-regola ta’ min irid jimxi warajh ma jwegħidniex la għana, la saħħa, la sbuħija, ma jwegħidniex il-frugħa ta’ din id-dinja. Ma jibżax jgħidilna: “Min irid jimxi warajja, jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja” (Mt 16:24).

Min jipprietka dak li nsejħulu bl-Ingliż ‘a prosperity Gospel’ qed iqarraq bin-nies għax Ġesù mhux interessat li aħna nkunu għonja fil-flus – għalkemm mhix ħaġa ħażina – imma jrid li aħna nkunu għanja fl-imħabba.

L-għani se jsibha iebsa jekk jorbot qalbu mal-ġid li għandu jew inkella jekk ir-regħba tirbħu u jagħmel minn kollox biex jikseb l-għana u jinsa l-kmandamenti ta’ Alla: la tigdibx, la tisraqx, la toqtolx.

Pietru, bħad-dixxipli l-oħra, jirrealizza li huma ħallew kollox biex jimxu wara Ġesù. U jridu l-commission. Xi jmissna? x’se nieħdu? U Ġesù ma jgħidilhomx li mhux se jieħdu benefiċċju billi jkunu dixxipli tiegħu: “Tassew ngħidilkom intom li ġejtu warajja, f’din id-dinja l-ġdida, meta Bin il-bniedem joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu, intom ukoll toqogħdu fuq tnax-il tron u tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribu ta’ Iżrael” (Mt 19:28). Imma dan mhux f’din id-dinja, fid-dinja l-oħra.

Imma jkompli: “Kull min iħalli ’l daru jew ’il ħutu jew ’il missieru jew ’l ommu jew ’l uliedu jew ir-raba’ tiegħu minħabba f’ismi, jerġa’ jirċievi kollox għal mitt darba aktar u jieħu b’sehmu l-ħajja ta’ dejjem” (Mt 19:29). Ħafna qaddisin huma u jaqraw l-kliem ta’ Ġesù f’dan il-kapitlu 19 ta’ San Mattew, emmnu fil-providenza ta’ Ġesù.

Min jipprietka dak li nsejħulu bl-Ingliż ‘a prosperity Gospel’ qed iqarraq bin-nies għax Ġesù mhux interessat li aħna nkunu għonja fil-flus – għalkemm mhix ħaġa ħażina – imma jrid li aħna nkunu għanja fl-imħabba.

“Ħafna imma li huma tal-ewwel jiġu l-aħħar u tal-aħħar jiġu l-ewwel” (Mt 19:30). Donnu skont l-Evanġelju, l-affarijiet jimxu saqajhom ’l fuq u rashom ’l isfel jew rashom ’l isfel u saqajhom ’l fuq. U ħafna drabi aħna naħsbu li qegħdin qrib Ġesù u l-Mulej jgħidilna: ‘stenna, ħabib, inti tassew qiegħed miegħi jew le?’

Sant’Elena kellha x-xorti li binha sar Ċesri, imperatur u allura saret hija wkoll Awgusta. Hija storja kommoventi ta’ mara li ħadet ħsieb lil binha anke meta telaqha r-raġel tagħha u sabet ix-xorti fil-prestiġju u l-poter li kiseb binha. Imma baqgħet persuna soċjevoli, ma kinitx persuna li għalkemm kienet Awgusta, kienet tqis lilha nfisha aħjar minn ħaddieħor.

Dak li għandna miktub fuq Elena jindika persuna li għalkemm kellha, biex ngħidu hekk, l-unuri kollha li ta binha ta’ Imperatriċi Awgusta, baqgħet soċjevoli ħafna. Kienet ukoll tuża ħwejjeġ normali meta tmur fil-knejjes u titħallat mal-popolin. Ovvjament kienet issir taf ukoll x’inhuma jgħidu fuq it-tifel, u allura naħseb jien xi parir jew tnejn tagħtu. Meta mbagħad għallieha għax qatel lit-tifel u ’l mara li kellu, allura għamlet imbagħad pellegrinaġġ li jniżżilha fl-istorja, għax il-pellegrinaġġ li għamlet fl-Art Imqaddsa kien pellegrinaġġ ta’ penitenza.

Elena tgħallimna s-sbuħija tal-fedeltà anke meta r-risq ma jkunx tajjeb. Stenniet u l-Mulej ħa ħsiebha permezz ta’ binha, inkwetaha wkoll permezz ta’ binha imma l-qalb ġeneruża tagħha li ħaditha fl-Art Imqaddsa, kienet ukoll providenza biex aħna jkollna indikat ċar u għal dejjem il-post tat-twelid ta’ Ġesù u l-post tal-mewt u l-qawmien tal-Mulej mill-imwiet.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżek 28, 1-10
Salm: Dewt 32, 26-27ab.27ċd-28.30.35ċd-36ab
Evanġelju: Mt 19, 23-30