L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fil-festa tal-Familja Mqaddsa llum u dis-sena jinqara l-Evanġelju tal-Kandlora, tal-Preżentazzjoni tal-Mulej li aħna niċċelebraw propju 40 jum wara l-Milied fit-2 ta’ Frar.

L-idea li nantiċipaw dan l-Evanġelju hi li niltaqgħu ftit ma’ Ġużeppi, Marija u Ġesù f’wieħed mill-vjaġġi tagħhom lejn Ġerusalemm. Sena minnhom meta nagħmlu din il-festa nfakkru vjaġġ ieħor meta Ġesù kellu 12-il sena u ntilef. Sena oħra nagħmlu r-rakkont tar-ragħajja li jiltaqgħu mal-familja ta’ Nazaret fl-għar ta’ Betlehem. Imma l-Evanġelju li jintagħżel dejjem ilaqqagħna ma’ dawn it-tliet personaġġi: Ġesù l-Iben, Ġużeppi u Marija.

X’nitgħallmu minn dan l-Evanġelju li qed jiġi propost lilna din is-sena? L-ewwel nett nammiraw il-fatt li Marija u Ġużeppi jobdu l-liġi ta’ Mosè; huma li jafu l-identità ta’ din it-tarbija, imma għadhom ma fehmux xi tfisser eżatt il-missjoni tiegħu, jafu li dan hu l-Iben ta’ Alla, forsi xi tfisser eżatt din il-ħaġa ma jafux f’dan il-mument. U jobdu l-liġi ta’ Mosè li tgħid li l-ewwel iben irid jiġi mogħti, ikkonsagrat lill-Mulej.

L-ewwel ħsieb li nixtieq li nislet f’din il-festa tal-Familja Mqaddsa hija t-talba li fil-familji tagħna ma jonqos qatt l-ispirtu li bih lill-Mulej ngħidulu ‘grazzi’ ta’ dak kollu li għandna u li anke ngħaddu minnu. Għaliex? Għaliex fl-ispirtu tal-preżentazzjoni tat-tarbija fit-tempju ta’ Ġerusalemm, hemm dan l-att ta’ fiduċja li għamlu Ġużeppi u Marija: qed jafdaw lil Binhom f’idejn Alla u jilqgħu lil Binhom bħala rigal ta’ Alla.

Dan huwa s-sentiment li nħoss kull meta ngħammed xi tarbija li l-ġenituri tagħha jkunu wassluha l-knisja biex titgħammed. F’din il-fidi tal-poplu tagħna li għad jħoss il-magħmudija tal-ulied tat-trabi tiegħu, jiena nara propju l-istess sentiment sabiħ. Mulej, inti tajtna dan ir-rigal sabiħ, aħna nippreżentawlek it-tarbija frott l-imħabba tagħna, biex tkun Nisranija, biex inti tberikha, tqawwiha u tħarisha.

Allura nixtieq nirringrazzja lill-ġenituri tagħna li jagħżlu li jippreżentaw lil uliedhom għal magħmudija ftit wara t-twelid tagħhom u nirrringrazzjahom ukoll ta’ meta jagħżlu ismijiet Insara jew meħudin mill-Bibbja għat-tfal tagħhom. Tajjeb li kultant nispiraw ruħna minn xi artist jew xi ħadd tal-isport. Meta nkun qed nagħmel l-griżma liż-żgħażagħ tagħna waqt li jippreżentaw ruħhom bl-ismijiet li jkunu rċevew 12-il sena qabel, ninduna kemm taffettwa l-għażla ta’ ismijiet, il-bnedmin importanti ta’ din id-dinja. Imma mbagħad nitfarraġ meta niltaqa’ ma’ ismijiet sbieħ bħal Marija, Ġużeppi u tal-qaddisin li huma wkoll nies importanti ħafna fl-istorja ta’ ħajjitna, fl-istorja tal-fidi tagħna.

Xi ħaġa oħra li tolqotni f’dan ir-rakkont li smajna llum hi l-preżenza tal-anzjani fil-ħajja ta’ din il-familja ċkejkna ta’ Nazaret. Iż-żewġ anzjani li jissemmew fl-Evanġelju tal-lum, mhux qraba ta’ Ġesù ta’ Marija u ta’ Ġużeppi, huma żewġ anzjani li kienu fit-tempju jew li kienu midħla ħafna tat-tempju: Xmun u Anna. Interessanti ħafna li l-isem Anna jfakkarna mill-ewwel fil-mamà tal-Madonna għalkemm mhijiex l-istess personaġġ imma t-tradizzjoni qawwija hija li omm Sidtna Marija kien jisimha Anna u l-papà tagħha kien Ġwakkin.

Hemm dil-koinċidenza ħelwa, li din l-anzjana li tiddedika ħajjitha fir-romol tagħha, tfaħħar lil Alla fit-tempju, tirrealizza li din hi tarbija speċjali u tibda titkellem fuq it-tarbija ma’ kulħadd trodd ’l Alla ħajr u tfaħħru (ara Lq 2:38). Xmun, imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, jaf li mhux se jmut qabel ma jara l-Messija ta’ Iżrael, jagħraf f’din it-tarbija tal-koppja fqira, is-Salvazzjoni, id-daw tal-ġnus, il-glorja ta’ Iżrael. Imma lil omm Ġesù jgħidilha wkoll li din it-tarbija se jkun sinjal li jmeruh (ara Lq 2: 34).

Minn dawn iż-żewġ anzjani aħna niksbu kliem ta’ għerf kbir imma kliem ukoll li ma jibżax mit-toqol tal-ħajja. Xmun ma jitkellimx biss fuq il-missjoni kbira afdata mill-Mulej Alla lil Ibnu l-għażiż magħmul bniedem, li jkun salvazzjoni, li jkun dawl għall-ġnus, li jkun wkoll glorja ta’ Iżrael. Lil ommu jgħidilha li dan ukoll irid ikun sinjal li jmeruh.

U dan hu t-tielet ħsieb li nixtieq nislet minn dan il-qari tal-lum. X’jiġifieri meta ngħidu li Ġesù hu sinjal li jmeruh? L-ewwel nett Ġesù hu sinjal li ma jimponix ruħu fuqna bil-vjolenza. Emmen fija bilfors. Le! Emmen fija l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem għax tħobbni għax għaraft li nħobbok. U inti allura liberu li l-Mulej tilqgħu jew tmerih. Sinjal li jmeruh, sinjal li ma jilqgħuhx, sinjal li jiċħduh. Ġesù hu s-sinjal tal-ħniena u l-imħabba t’Alla għalina. Imma aħna liberi nilqgħuh jew immeruh. U din ukoll tiġri mhux biss fil-ħajja tal-familja imma fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna u fil-ħajja tas-soċjetà tagħna.

Għalina Ġesù x’se jkun? Aħna u nispiċċaw dis-sena, u minn hawn u ftit sigħat oħra nibdew sena ġdida, se jkun is-sinjal li mmeruh għax liberi nagħmlu hekk jew sinjal ta’ mħabba, ta’ ħniena li nilqghuh? Kultant aħna u nsegwu l-media nisimgħu xi fatt traġiku fil-familja: il-vjolenza domestika, l-abbuż. Illum irridu nitolbu biex fil-familji tagħna jikber ir-rispett lejn xulxin, l-għożża fl-imħabba, il-fedeltà li mhix faċli, il-ħniena u l-mogħdrija. Dan hu li nitolbu llum waqt li nitolbu wkoll l-interċessjoni qawwija tal-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, ta’ Ġużeppi u ta’ Marija.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġen 15:1-6; 21:1-3
Salm: 104 (105):1b-2,3-4,5-6,8-9
Qari II: Lhud 11:8,11-12,17-19
L-Evanġelju: Lq 2:22-40

Aktar ritratti