L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-Avvent jibda dejjem ta’ kull sena billi jfakkarna fl-aħħar kliem li qal Ġesù. L-aħħar kliem li qal Ġesù, qabel il-Ġimgħa Mqaddsa, u Ħadd il-Palm, kien kliem dwar it-tmiem; it-tmiem tal-ħajja tal-bniedem; it-tmiem ta’ Ġerusalemm, it-tmiem dinji. Din is-sena se nibdew naqraw l-Evanġelju ta’ San Luqa; hi sena ddedikata lilu. Din is-sena smajna silta mill-kapitlu 21, li hu fit-tmiem tal-Evanġelju tiegħu, li fih 24 kapitli. Il-Mulej jitkellem b’ton kważi kważi li jbeżżgħana; jitkellem dwar it-tmiem tad-dinja kif nafuha aħna. “Sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb” (Lq 21:25); sinjali u “ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ” (Lq 21:25); il-biża’ tal-poplu, li ma jafx x’qed jiġri u x’qed jinqala’. Imma lill-komunità ta’ fidi, lill-familja li temmen fih javża: “imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira” (Lq 21:27).
X’se jkun il-mod kif nilqgħu l-miġja tal-Mulej? “Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib” (Lq 21:28). Mela jekk it-tmiem tad-dinja jkexkex lil kulħadd; ma nafux meta, ikun hawn min jgħid: dalwaqt! Il-Mulej jgħid fl-Evanġelju: Mhux mod li jridna nkunu nafu meta; m’hemmx għalfejn toqgħod tħabbel rasek meta. Li jitlob minna Ġesù, hu li l-ħajja tagħna tkun stennija, mhux mimlija bil-biża’ imma mimlija bl-għożża u bl-imħabba. Għax meta jiġi, ma jridniex imwerwrin, imregħdin, u mkexkxin.
Se niltaqgħu ma’ ħabib, li ta ħajtu għalina, li jafni; “li sar b’kollox bħalna minbarra fid-dnub” (Lhud 4:15); minħabba d-dnub tagħna; imma minbarra d-dnub tagħna. Jafna sew u jagħdirna u jħobbna. Kif tista’ titkexkex, titwerwer? Anke jekk jaqgħu l-istilel u s-smewwiet; jekk inti se tiltaqa’ ma xi ħadd li jħobbok ħafna. Din l-esperjenza nagħmluha personalment, fil-jum tat-tmiem ta’ ħajjitna fuq din l-art.
Nagħmlu minn kollox, biex, ngħollu lil din l-mewt u niksuha bil-ġelu; imma l-mewt hi wkoll il-qsim tal-qalb tagħha; id-demgħa tagħha, anke l-biża’ tagħha. L-istint tagħna jgħallimna nibżgħu mill-mewt tagħna u tal-għeżież tagħna. L-ulied jinkwetaw minħabba l-ġenituri, il-ġenituri jinkwetaw minħabba wliedhom; u dak hu l-inkubu tagħha. Għax il-mewt tbeżża’; fejn hemm l-imħabba tibża’ mill-mewt għax ma tkunx trid tinfired minn persuna tant għażiża għalik. Allura ma nistgħux ngħidu li kollox ward u żahar, meta nitkellmu fuq il-mewt u tmiem. Ġesù ma jaħbix l-element tal-biża’ u t-tkexkix. Ħafna qaddisin għaddew minn mumenti ibsin fil-mumenti tat-tarf ta’ ħajjithom; imma ltaqgħu ma’ xi ħadd li jafhom, li ħabbhom, u li huma ħabbew.
Jagħtina parir Ġesù, ta’ kif għandna nistennewh. Mhux “l-ikel u x-xorb żejjed u sokor” (Lq 21:34). Ħafna drabi, dawn huma l-modi ta’ kif ninsew. Mhix dik hi s-soluzzjoni. Id-dinja tgħallimna ħafna modi kif ninsew. Imma dawn il-modi kollha li bihom id-dinja tipprova tnessina, jagħmlilna l-ħsara, forsi joqtluna qabel iż-żmien ukoll. U aħna boloh li aħna, bi fraġiltà, niftħulhom il-bieb beraħ.
“Tħallux il-ħafna tħassib għall-ħtiġijiet tal-ħajja jeħdilkom raskom” (Lq 21:34). Tajjeb li nkunu bil-għaqal fil-ħajja, tajjeb li anke fl-aħħar tax-xahar tfaddlu ħa jkollkom biex tħallsu, għax l-ebda anġlu mhu se jġiblek il-flus meta trid; imma kemm nies ta’ rieda tajba, bl-inkwiet tal-ħajja jitilfu t-tgawdija tal-ħajja. It-tgawdija ta’ wliedhom, tal-ġenituri tagħhom, ta’ żwieġhom.
Ġesù, fl-għerf tiegħu u fl-imħabba tiegħu għalina, jagħtina ftit modi ta’ kif għandna nistennewh. Li ngħixu l-ħajja tagħna, mingħajr ħafna tensjoni u ansjetà, mingħajr ħafna affarijiet li jfixkluna u li jbegħduna mir-realtà. Javżana, u din l-esperjenza ta’ kull wieħed u kull waħda minna, meta ninnutaw it-tmiem tal-għeżież tagħna, li l-mument jiġi individwalment; kif se jiġi għalina mingħajr ma nkunu qed nistennewh. Tajjeb li kultant ikun hemm mewt li nkunu qed nistennewha, li hu mument prezzjużismu; hu misteru. Kemm-il darba ngħidu: ma kontx hemmhekk; forsi mhux mod li tkun hemm għax il-mewt hi misteru tal-laqgħa personali tiegħi mal-Mulej li ħalaqni u fdieni.
Aħna u nikkonkludu x-xahar ta’ Novembru, tajjeb li dan l-Evanġelju nużawh ukoll bħala konklużjoni biex niftakru f’ħutna li għamlu l-pass. Nagħmluha wkoll, infakkarkom f’talba li nħobb ngħidlu lil Ġesù, m’għandix copyright: ‘Meta trid, imma m’iniex mgħaġġel’. Xorta se jagħmel li jrid. Għiduhielu, naħseb jitbissem jismagħna. ‘Meta trid’, għax irridu naduraw ir-rieda tiegħu; għax hekk ngħidu fil-Missierna: “ikun li trid int, kif fis-sema u hekkda fl-art”; imma min-naħa tiegħi m’iniex mgħaġġel. Imma l-importanti li l-ħajja tagħna ngħixuha fi stennija ta’ ħabib, mhux bil-biża’ ta’ min jaf x’kont se jwaħħalli. Ġesù jgħidilna, kollox bil-qies, kollox bil-għaqal. Meta niġi jien, m’iniex ġej bil-kont – dak inqattgħu.
Fil-verità bil-ġustizzja tiegħu: se jħenn għalik, se jagħdrek, se joffrilek li tmur miegħu fil-ħajja tiegħu. L-għażla f’idejk, għax hi għażla ta’ mħabba. Allura nifhmu li t-talba sabiħa li ngħidu wara l-konsagrazzjoni: ‘nistennewk sa ma tiġi’. ‘Inħabbru l-mewt tiegħek Mulej, inxandru bil-ferħ il-Qawmien tiegħek, nistennewk sa ma tiġi’. Meta trid, imma m’aħniex mgħaġġlin.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa
Qari I: Rum 8:26-30
Salm: 12 (13):4-5.6
Evanġelju: Lq 13:22-30