In-Nunzju Appostoliku l-Arċisqof Pier Luigi Celata u l-Prim Ministru ta’ Malta Eddie Fenech Adami jiffirmaw il-ftehim bejn is-Santa Sede u r-Repubblika ta’ Malta – 28 ta’ Novembru 1991

Bħal-lum tletin sena ilu ġew iffirmati żewġ ftehim bejn is-Santa Sede u r-Repubblika ta’ Malta, wieħed dwar l-iskejjel tal-Knisja u l-ieħor dwar trasferiment ta’ proprjetà tal-Knisja lill-Istat Malti. Dawn ġew iffirmati fit-28 ta’ Novembru 1991, fil-Berġa ta’ Kastilja, min-Nunzju Appostoliku Pier Luigi Celata f’isem is-Santa Sede, u mill-Prim Ministru Eddie Fenech Adami f’isem l-Istat Malti. Il-ftehim dwar l-iskejjel tal-Knisja ġie ffirmat mill-Ministru tal-Edukazzjoni u l-Intern, Dr Ugo Mifsud Bonnici.

B’riżultat tal-ftehim dwar l-iskejjel, il-Gvern iħallas is-salarji tal-għalliema u l-impjegati l-oħra fl-iskejjel tal-Knisja, flimkien ma’ persentaġġ għall-ispejjeż tal-amministrazzjoni. Il-Knisja f’Malta tieħu ħsieb tipprovdi għall-bżonnijiet l-oħra kollha, kemm b’donazzjonijiet kif ukoll bi ġbir. Dawn jintużaw għall-manutenzjoni tal-iskejjel u x-xiri ta’ tagħmir għall-istudenti.

Min-naħa tagħhom, il-Knisja u l-Ordnijiet Reliġjużi ntrabtu li jpoġġu l-proprjetà tal-iskejjel tagħhom għad-dispożizzjoni tal-bżonnijiet edukattivi tas-soċjetà Maltija mingħajr ħlas.

Id-delegat tal-Arċisqof għall-Edukazzjoni Nisranija, Patri Charles Mallia O.Carm, qal li l-ftehim bejn is-Santa Sede u l-Istat Malti jibqa’ ta’ importanza kbira llum hekk kif aktar minn 16,000 student qed jirċievu l-edukazzjoni tagħhom fi skola tal-Knisja, filwaqt li eluf oħra attendew f’aktar minn 50 skola tal-Knisja tul dawn l-aħħar 30 sena.

Patri Charles Mallia qal illi l-“etos tal-iskejjel tal-Knisja jrawwem fl-istudenti valuri umani u nsara biex uliedna jsiru ċittadini responsabbli ta’ pajjiżna, f’soċjetà dejjem aktar sekularizzata”.

Illum il-ġurnata, wieħed minn kull tlett studenti f’Malta u Għawdex jirċievu l-edukazzjoni tagħhom fi skola tal-Knisja.

Proprjetà li tintuża għall-ħtiġijiet soċjali

Fir-rigward tal-proprjetà li l-Knisja għaddiet lill-Istat permezz ta’ dan il-ftehim, l-Istat intrabat li juża l-proprjetà għal ħtiġijiet soċjali ewlenin. Il-ftehim jgħid li “Il-Gvern għandu juża l-proprjetà trasferita lilu skont dan il-ftehim biex iġib ‘il quddiem il-ħarsien tal-ambjent u l-iżvilupp tal-biedja, u biex iwieġeb għall-ħtiġijiet soċjali l-iktar qawwija tal-pajjiż, bħalmu huma bżonnijiet soċjali ta’ djar u servizzi pubbliċi, kif ukoll għal skopijiet umanitarji, edukattivi u kulturali”.

It-trasferiment tal-proprjetà lill-Istat ma sarx bi prezz kummerċjali iżda bi prezz li huwa ferm aktar baxx mill-prezz tas-suq. Il-ħlas sar f’forma ta’ bonds li tqassmu bejn entitajiet tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex, u 16-il Ordni Reliġjuż li hawn fil-gżejjer Maltin. 

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar ir-relevanza ta’ dan il-ftehim, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta qal li wara tletin sena nistgħu ngħidu li l-proprjetà li kienet tal-Arcidjoċesi ta’ Malta u li kellha tgħaddi ghand il-Gvern, issa għaddiet kollha. Qal li bhalissa qiegħed isir il-proċess tar-reconciliation, biex jiġi żgurat li kollox sar kif miftiehem.

Sfond storiku

Kien l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca nniffsu li offra li jgħaddi lill-Gvern il-proprjetà tal-Knisja li ma kinitx se tintuża għal skopijiet pastorali.

Dan fi klima ta’ tensjoni li ddominat is-snin tmenin u li wasslet ukoll għall-għeluq tal-iskejjel tal-Knisja. Id-deċiżjoni li l-Knisja f’Malta tgħaddi l-proprjetà tagħha lill-Istat ittieħdet wara żmien ta’ konsultazzjoni u riflessjoni, u kienet imbierka mill-Papa Ġwanni Pawlu II li għen biex din id-deċiżjoni sseħħ.

L-Arċisqof Ġużeppi Mercieca, fil-ktieb bil-memorji tiegħu Ġużeppi Mercieca – Ilkoll Aħwa fi Kristu qal li l-ftehim dwar l-iskejjel u dak dwar il-proprjetà tal-Knisja kienu jfissru għażla kbira ta’ fidi fil-providenza tal-Mulej u wkoll fil-ġenerożità tal-poplu. Qal ukoll li dan “kien mument storiku fil-ġrajja tal-Knisja f’pajjiżna.”

Sors: Newsbook.com.mt