L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Filippu mhux l-uniku appostlu li jieħu ċanfira ħelwa mingħand Ġesù. Ħafna drabi, dawn iċ-ċanfiriet, infakkruhom fil-festi ta’ dawn il-qaddisin. Bħal meta donnu tagħmel eżami u teħel u minflok infakkruk fiċ-ċertifikat li qlajt, infakkruk li rċivejt ittra li m’għaddejtx; u fil-festa tiegħek dan. L-Evanġelju ma jaħbilniex l-umanità tal-appostli, u allura anke tas-suċċessuri tagħhom. Inħobb ngħid, li aħna l-isqfijiet writna l-preġji u d-difetti kollha tal-appostli. Meta tħares lejna grupp grupp, tgħid ara, kollha mġienen u kollha nofs ras, bħalma kienu l-ewwel appostli; u Ġesù għażilna xorta.

Filippu kien dak li introduċa lil Bartilmew u lil sieħbu Natanajel lil Ġesù. Beda bħala dixxiplu ta’ Ġwanni l-Battista; imma meta ltaqgħu ma’ Ġesù, Ġwanni l-Battista qalilhom: “Araw il-Ħaruf t’Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja” (Ġw 1:29). Allura marru warru Ġesù. Kien hu li introduċa lil Natanajel, Bartilmew, u San Bert lil Ġesù. Meta qalu: “Sibna lil dak li fuqu kitbu Mosè fil-liġi, u l-profeti fil-kotba tagħhom: Ġesù minn Nazaret, bin Ġużeppi” (Ġw 1:43). Sabu l-Messija.  

Imma ħin minnhom, ma fehemx il-kobor ta’ dak li kien qed jgħid, u lanqas l-identità ta’ Ġesù; li fir-risposta ta’ Filippu kien jagħtina aħbar tant profonda. Hawnhekk qegħdin fl-aħħar ċena, f’kapitlu erbatax ta’ San Ġwann, meta Ġesù jidentifika ruħu bl-iżjed mod qawwi mal-Missier. Qisu jċanfarhom ftit: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftniex? Min ra lili ra lill-Missier” (Ġw 14:9). Għax Filippu kien qallu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina” (Ġw 14:8).

Li tara, ma jfissirx li tara biss bl-għajnejn, imma li tidħol f’għaqda, f’komunjoni ma’ Alla. B’mod speċjali fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, hu dan li aħna nidħlu fil-ġenna. Li tara ’l Alla hi li tibda tgħix il-ġenna minn issa. Jekk nifhmu, li f’dak kollu li jindikalna Ġesù, hemm il-preżenza tiegħu; nibdew ngħixu l-ġenna minn issa. X’qalilna: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Kif titrattaw lil xulxin, qed titrattaw miegħi. Meta nibdew nifhmu, li fejn hemm Ġesù hemm il-ġenna; nifhmu wkoll li Ġesù ma jistmerrx jgħid, li jiena f’ħuk li għandu bżonn l-għajnuna; f’oħtok, li għandha bżonn kelma ta’ inkoraġġiment, hemmhekk se ssibni. M’għandekx għalfejn ħafna dehriet u ħafna sħab.

Li tara ’l Alla hi li tibda tgħix il-ġenna minn issa

Min hu Ġakbu? Ġakbu hu wieħed mill-qraba ta’ Ġesù. Din timpressjonani ħafna. Aħna nagħmlulhom festa lil dawn l-appostli. Imma meta ġiet il-Ġimgħa l-Kbira, ħadd ma sabhom, lanqas b’nemes. Wieħed biss baqa’ ħdejn l-omm. Issa dan kien qarib ta’ Ġesù. Anke dan ħarab, Ġakbu żgħir. Misteru kbir. Kultant tifhem ukoll, il-qraba, sakemm inti tkun fuq is-siġġu, kulħadd jiġi minnek; meta tkun fuq is-salib, ma ssib lil ħadd. Min jaf kemm ngħaddu minnha din! Għadda minnha wkoll Ġesù. Għax dan kien wieħed mill-qraba tiegħu, u għamel bħall-oħrajn – ħarab, dabbar rasu. Imma llum qed nagħmlulu festa. Mhux kelma ta’ kuraġġ għalina din, li nagħmlu l-festa lil dawn iż-żewġ briganti u ngħidulhom qaddisin: San Fililppu u San Ġakbu. Għaliex? Għax bil-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet, sabu l-paċi f’qalbhom. Il-Mulej jgħidilhom, jiena nafkom u naf xi ssarrfu; imma se nibgħatkom, xandru, għammdu f’ismi. Anke l-kelma li jagħti lil Filippu hi qawwija ħafna: “Itolbu xi ħaġa f’ismi u jiena nagħmilha” (Ġw 14:13), jiena naħdem. Ara x’qed jitlobna Ġesù, anke fil-festa ta’ dawn iż-żewġ appostli.

Nitolbuhom, anke fil-fallimenti tagħna lil dawn iż-żewġ appostli. Infakkruhom, li m’intomx ħafna aħjar minna; imma intom qaddisin. Aħna hemmhekk iridu naslu, ħdejkom. Issa jekk ikollniex noqgħodu ħdejhom eżatt, imbagħad dak jaraha l-Mulej. Imma l-festa tal-appostli għandha dejjem timliena bil-kuraġġ. Ġesù għażel ġebel imxellef u għamlu kolonni tal-Knisja tiegħu. Hekk se jagħmel minni u minnek.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Kor 15:1-8
Salm: 18:2-5
L-Evanġelju: Ġw 14:6-14