L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ifirħu u thennew” (Mt 5:12). F’din is-silta li għadna kemm qrajna mill-Evanġelju skont San Mattew, għandna dawn il-Beatitudnijiet li kollha jduru madwar l-hena u l-ferħ. L-ewwel ħaġa li tolqotna f’dal-kliem ta’ Ġesù hija kif hawnhekk għandna sfida qawwija għall-ħajja tagħna Nisranija, bħala dixxipli ta’ Ġesù, għax mhux faċli tgħix dan li qed jgħid Ġesù. Imma, fl-istess waqt, Ġesù qed jgħid: irridu l-ferħ veru, l-hena f’qalbna? Għandna nagħmlu ħilitna biex ngħixu dil-kelma ta’ Ġesù.
Mal-ewwel aħna naraw kif Ġesù seta’ jgħid dan għaliex hekk għex. Dan hu ritratt tiegħu – Ġesù li kien fqir fl-ispirtu, li kien ifarraġ, li kien ta’ qalb ħelwa, li kien jaħdem għall-ġustizzja, li kien iħenn, safi f’qalbu, li kien iġib il-paċi, u li kien ippersegwitat minħabba s-sewwa. U Ġesù qed jgħid: jekk aħna rridu nkunu tassew dixxipli tiegħu, hekk għandna nagħmlu ħilitna biex ngħixu. Tgħiduli: ma hemmx il-kmandamenti? Jalla nżommu l-kmandamenti li tana l-Mulej! Il-kmandamenti lilna juruna kif nistgħu nħarsu l-libertà tagħna, u tal-oħrajn. Għalhekk ħafna minnhom huma: x’ma tagħmilx. Ġa jekk ngħixu l-kmandamenti hu pass ’il quddiem. Imma hawnhekk Ġesù qed jgħid kif nistgħu nidħlu fil-qalb tal-ħajja Nisranija, b’mod li nkunu tassew fil-ferħ tiegħu.
Il-Papa Franġisku kien semma dan fl-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu, li għandha t-titlu Ifirħu u Thennew – titlu meħud proprju minn din is-silta – u kien qal li l-Beatitudnijiet huma “bħall-karta tal-identità tan-Nisrani” (Ifirħu u Thennew, nru 63). Allura aħna għandna nfittxu li ngħixu dil-kelma ta’ Ġesù, biex inkunu tassew dixxipli tiegħu. F’dal-kliem ta’ Ġesù, jolqotna ħafna l-enfasi tiegħu fuq l-hena u l-ferħ. Nixtieq infakkar li dan hu li jrid jagħtina Ġesù meta ngħixu l-kelma tiegħu. Ma jimliniex bil-biża’, ma jimliniex bl-ansjetà. Jekk il-kelma tiegħu lilna timliena bil-biża’, hemm xi ħaġa ħażina. Ngħidha din, għax ikun hemm min kultant ibeżża’. Imma billi tbeżża’ ma tieħu xejn. Jekk turi r-realtà tal-bniedem ħalli hu jersaq lejn Alla, iva. Imma rridu niftakru li fl-aħħar mill-aħħar dak li jrid jagħtina l-Mulej huwa l-ferħ fil-qalb tagħna. Dak hu li jrid jagħtina, bħalma hawnhekk hawn l-enfasi kontinwament fuq min hu hieni.
Imbagħad żgur li jolqotna l-kuntrast li hemm bejn dal-kliem ta’ Ġesù u l-messaġġ li nieħdu kultant mill-mentalità ta’ madwarna. Kultant il-messaġġ li jasal hu li jkun ferħan min hu għani – iktar ma jkollok, aħjar, u iktar ma jkollok u tkompli tfittex li jkollok, tkun aħjar; Ġesù qed jgħid: mhux hekk il-ferħ! Il-messaġġ li kultant nieħdu hu li iktar ma jkollok poter u tiddomina fuq l-oħrajn, ikun aħjar; Ġesù qed jgħid: le mhux hekk! Il-messaġġ li kultant nieħdu hu li iktar ma inti tkun iebes man-nies – tgħid “għax jien żaqqi f’fommi”, kelma ngħidha kif inħoss; Ġesù qed jgħid: mhux hekk, “henjin ta’ qalbhom ħelwa” (Mt 5:5). Il-messaġġ li kultant nieħdu hu li bil-gwerra se ġġib l-affarijiet aħjar; Ġesù jgħid: “henjin dawk li jġibu l-paċi” (Mt 5:9), u aħna nafu mill-esperjenza tagħna, kif bil-gwerra ma ġġib xejn. Iġġib biss il-qerda tan-nies, il-qerda tal-pajjiż li jkun, il-qerda ta’ tant affarijiet għeżież, u bil-gwerra tkun qed tiżra’ l-konflitti tal-futur. Tkun qed tiżra’ l-mibegħda, li mbagħad se jkollha effett fil-futur. Il-gwerra ma ġġib qatt il-ġid. Jekk inti taħseb li bil-gwerra se tilħaq xi skop tajjeb, ma tilħaqx dan l-iskop, kif rajna u qed naraw bħalissa meta nħarsu madwarna fid-dinja. Għalhekk l-enfasi tal-Papa Ljun XIV kontinwament fuq dan: li naħdmu għall-paċi, li nkunu aħna strumenti tal-paċi.
Għalhekk naraw kif il-kelma ta’ Ġesù hi kultant f’kuntrast mal-messaġġi li nirċievu mill-mentalità taż-żmien. Li jgħidilna Ġesù huwa: għixu dil-kelma tiegħi, anke jekk tkun f’kuntrast. Għalhekk jgħid: “henijin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa” (Mt 5:10). Jgħidilna: agħżel it-tajjeb, anke dan ifisser li kultant ikollok issofri. Din kultant tqajjem f’ċerti nies diffikultajiet kbar: imma kif tagħmel il-ġid u taqla’ fuq wiċċek? Bħal Ġesù, u bħal kull min hu dixxiplu tiegħu! Kultant hekk – ma tixtieqx tagħmel il-ġid u taqla’ fuq wiċċek, imma kultant hekk hu, għalhekk Ġesù jgħid: “dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa”. U li qed jgħid Ġesù huwa li dal-ferħ f’qalbna jkollna minn issa meta ngħixu dil-kelma tiegħu, mhux sempliċiment xi darba fil-futur. Fis-sema, jekk Alla jrid, hemmhekk ingawdu b’mod sħiħ il-ferħ mal-Mulej; imma minn issa jibda jkollna f’qalbna dal-ferħ jekk aħna nfittxu li ngħixu dil-kelma tiegħu.
Nitolbu lill-Mulej illum, ispirati minn din il-kelma sabiħa tiegħu, biex aħna qatt ma naqtgħu qalbna; li nagħmlu ħilitna, bil-grazzja tiegħu, bil-qawwa tiegħu, biex ngħixu dan li qalilna llum, ħalli nkunu tassew henjin, u jista’ jkollna f’qalbna l-ferħ u l-paċi tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




