L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Il-kotra kbira ta’ nies qagħdet tisimgħu bil-qalb kollha” (Mk 12:37). Dan hu li naqraw fl-Evanġelju llum skont San Mark fuq dawn in-nies li kienu qegħdin jisimgħu lil Ġesù. U hawnhekk Ġesù qisu jagħmel naqra tħabbila tal-moħħ. Jgħidilhom: il-kittieb jgħidu li l-Messija huwa bin David. Imbagħad jikkwotalhom salm – hawnhekk Ġesù qed jikkwota Salm 110 – u jgħid: “Il-Mulej qal lil sidi: oqgħod fuq il-lemin tiegħi, sa ma nkun qegħidt l-għedewwa tiegħek taħt riġlejh” (Mk 12:36) – is-salm miktub minn David. Jgħid: Dan kif David sejjaħlu sidu, u aħna mbagħad nisimgħu lil kittiebu jgħidulu “bin David”?

Kienet mistoqsija biex jipprovoka, u speċjalment għax hawnhekk qiegħed fi djalogu kontinwu mal-kittieba. Eżatt qabel kien hemm dak il-kittieb li staqsieh: liema hu l-ewwel kmandament? U meta wieġbu Ġesù, il-kittieb qallu: “Sewwa qiegħed tgħid, mgħallem” (Mk 12:32). U Ġesù wieġbu: “M’intix ’il bogħod mis-saltna ta’ Alla” (Mk 12:34). Imma qabel hemm ukoll dad-djalogu ma’ diversi kittieba fuq dak li Ġesù kien qed iwassal u n-nies kultant ma jaqblux miegħu. Hawnhekk Ġesù lin-nies qed jgħidilhom hekk biex iġagħalhom jaħsbu. Għaliex, fil-fatt, din is-silta qasir tippreżentalna dak li hu realment Ġesù: bin David, jiġifieri mnissel min-nisel ta’ David, għax Ġużeppi, il-missier putattiv tiegħu, kien min-nisel ta’ David; imma, fil-fatt, kien hu l-Mulej. Alla u bniedem. Diversi kittieba ma ridux jaċċettaw dan, naturalment. Imma dan hu li ried iwassal Ġesù b’dik il-mistoqsija, biex iġiegħel lin-nies jaħsbu kif fil-fatt hu bniedem bħalhom, imma fl-istess waqt Alla – għalhekk “sidi”.

X’messaġġ għalina llum? L-ewwel nett hemm messaġġ importanti ħafna li aħna hemm bżonn inkomplu nitgħallmu. Hawnhekk Ġesù kien dejjem jgħallem lin-nies. U li jkollna l-attitudni li kellhom in-nies hawnhekk, li “qagħdet tisimgħu bil-qalb kollha”. Kemm hu importanti li l-Kelma ta’ Alla għalina tkun hekk għażiża li aħna nisimgħu lill-Mulej bil-qalb kollha, u li tkun dejjem kelma li nilqgħuha! Imma wkoll kelma li nirriflettu fuqha, u li nagħrfu tassew it-tifsira tagħha. Irrid ngħid li l-Kelma ta’ Alla ma tistax taqbad tikkwota biċċa minn hawn u biċċa minn hemm, u takkomodaha għalik, għax inkella kollox tista’ ssib fil-Kelma ta’ Alla, jekk taqbad u tħawwadha b’dak il-mod. Għandna aħna min jiġi, u jikkwotalek minn hawn u minn hemm, imma taf li ma għandux il-preparazzjoni vera tal-Kelma ta’ Alla u t-tifsira tagħha.

Kollox tista’ ssib. Fil-fatt, fl-Iskrittura ssib ukoll il-frażi “ma hemmx Alla”. U jista’ wieħed jgħid: din fl-Iskrittura qiegħda li ma hemmx Alla! Imma qabilha eżatti hemm: “Jgħid l-iblah f’qalbu: ma hemmx Alla!” (Salm 14:1) Mela jekk int taqbad biċċa, u tneħħilha ta’ qabilha, tkun qed tuża l-Kelma ta’ Alla u taqlibha rasha ’l isfel. Għalhekk hu importanti li aħna jkollna dik il-ħeġġa biex nitgħallmu, formazzjoni vera fejn tidħol l-Iskrittura.

Imbagħad, hu importanti ħafna wkoll dak li hu essenzjal fil-Kelma ta’ Alla llum: li Ġesù hu l-Mulej. Hu bniedem bħalna f’kollox minbarra d-dnub, għadda mill-esperjenza tagħna l-bnedmin, imma hu l-Mulej. U anke aħna llum hemm bżonn li nagħrfuh lil Ġesu bħala l-Mulej li huwa ħaj. Mhux sempliċiment xi ħadd li għex tant snin ilu, u għamel il-ġid, u għallem b’mod sabiħ, li n-nies kienu jisimgħuh bil-ħerqa, u għadda – qisna qed nitkellmu fuq xi persunaġġ tal-Istorja. Imma hu l-Mulej, li hu ħaj. Għalhekk il-kelma tiegħu hija ħajja. Huwa hu li lilna jista’ jmexxina tassew fit-triq it-tajba. Huwa hu li jista’ jimlielna qalbna. Huwa fih li aħna nsibu l-verità għal ħajjitna.

Nitolbu lill-Mulej illum, ispirati minn din il-kelma tiegħu, li nagħrfuh dejjem bħala l-Mulej – il-Mulej li jmexxina fit-triq tas-sewwa, il-Mulej li miegħu aħna nafu li jkollna l-ħajja, u l-ħajja ta’ dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta