L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Imqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi. Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek, huma jwensuni” (Salm 23:4). Dan il-kliem tas-salm li llum kantajna f’din il-quddiesa solenni, joqgħod tajjeb ħafna fuq fomm l-għażiż Arċisqof Pawlu Cremona.

Il-Mulej sejjaħlu biex jgħaddi minn wied mudlam tal-mewt imma hu ma jibżax mill-ħsara għax il-Mulej miegħu. Il-ħatar tal-Mulej, l-għasluġ tal-Mulej, iwensuh. Il-Mulej ħejja mejda għalih li sar saċerdot proprju bħal-lum, fit-22 ta’ Marzu 1969. F’dan il-jum għażiż Patri Pawl Cremona sar saċerdot; il-providenza riedet li qed niċċelebraw il-funeral tiegħu fl-anniversarju tal-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu. Dakinhar sar saċerdot tal-Knisja Kattolika, ingħata l-missjoni jħejji l-mejda tal-Ewkaristija għall-poplu ta’ Alla; illum il-Mulej ikun hu li jħejjilu mejda.

Fl-ordinazzjoni episkopali tiegħu, fis-26 ta’ Jannar 2007, l-Arċisqof Mercieca, predeċessur tiegħu, diliklu rasu biż-żejt tal-griżma, biż-żejt ikkonsagrat. Dakinhar il-kalċi ta’ Patri Pawl kien imfawwar bl-hena ta’ min jgħum fil-paċi u bil-morr ta’ min hu msejjaħ biex jaqdi. Imma skopra wkoll li l-poplu rrisponda lejn l-imħabba tiegħu bi mħabba kbira. U verament kienet toħroġ minn qalbu dik il-frażi għażiża li biha nibqgħu niftakruh: ‘Ħabbejtkom u ħabbejtuni’.

Kienet faċli tħobb lil Patri Pawl għax hu kien imħabba. Kien għal kull wieħed u waħda minna laqgħa sabiħa ma’ persuna li fiċ-ċirkustanzi tal-ħajja, tbatlet minnha nnifisha u ħalliet lil Alla jgħix fiha. Il-ħarsa ta’ Patri Pawl, tal-Arċisqof, kienet il-ħarsa ħanina tal-Mulej.

“Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena l-jiem kollha ta’ ħajti” (Salm 23:6). It-tjieba u l-ħniena tal-Mulej kienu jwieżnu lil Patri Pawl Cremona, lill-Arċisqof Pawlu, kull jum ta’ ħajtu. U minn din l-esperjenza, sar għal kull wieħed u waħda minna, għall-poplu kollu tagħna, esperjenza ta’ tjieba u ħniena.

Obda lill-Mulej Ġesù, meta fis-silta tal-Evanġelju li nqrat illum, mhux biss jistedinna biex nersqu lejh, aħna li aħna mħabbtin u mtaqqlin, u nersqu lejh mhux għall-ġudizzju, imma għas-serħan. Imma Pawlu Cremona, ħa bis-serjetà l-istedina tal-Mulej Ġesù, fl-Evanġelju skont San Mattew: “Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29). B’dawn il-kelmiet, l-Imgħallem Ġesù, jesprimi l-identità tiegħu, għax il-qalb hija sede tal-identità tal-bniedem, fil-kuntest kemm semitiku kif ukoll Mediterranju. Aħna fuq persuna ngħidu huwa bniedem ta’ qalb tajba. U Pawlu Cremona kien tassew bniedem ta’ qalb ħelwa u umli. Aħna nirringrazzjaw lil Alla li laqqgħana miegħu.

Il-Mulej sejjaħlu, biex ikun parti mill-familja Dumnikana. U din il-vokazzjoni saret inseparabbli minn min kien l-Arċisqof Pawlu. Kien Nisrani, saċerdot u isqof, imma kien ukoll reliġjuż Dumnikan. Minn San Duminku tgħallem jitkellem ma’ Alla u fuq Alla. Dak li jaqra u jimmedita jgħaddih lil oħrajn bil-kliem u bil-għemil. Kien għalliem imma fuq kollox xhud tal-ħniena t’Alla u tal-imħabba tiegħu.

Fil-jum tal-ordinazzjoni tiegħu, fis-26 ta’ Jannar 2007, dakinhar meta hawnhekk l-Arċisqof Mercieca ordnah isqof, u meta poġġieh fuq it-tron tal-isqof, sar ukoll arċisqof tagħna, l-Arċisqof ġdid Pawlu, ftakar f’qaddis li hu kien jammira ħafna, li fuqu wkoll kiteb għax kien studjah bir-reqqa: il-qaddis San Ġwann XXIII. F’dik l-omelija, li ta minn hawnhekk, minn dan il-post, l-Arċisqof Pawlu, qal hekk: ‘Jiena nixtieq li jkunu tiegħi xi wħud mill-proponimenti li għamel il-Beatu Papa Ġwanni XXIII fl-irtir tal-Konsagrazzjoni Episkopali tiegħu fl-1925’, proprju mitt sena ilu; l-Arċisqof Pawlu tenna l-kliem tal-qaddis Papa Buono: ‘Jiena ma fittixtx jew xtaqt dan il-misteru tiegħi, il-Mulej għażilni, imiss lilu li jgħatti n-nuqqasijiet tiegħi u jimla l-limitazzjonijiet tiegħi. Jiena nħoss u naf, li jien bla saħħa, u mhux kapaċi’.

Pawlu Cremona kien tassew bniedem ta’ qalb ħelwa u umli. Aħna nirringrazzjaw lil Alla li laqqgħana miegħu.

Raġuni oħra biex nibqgħu umli, ħafna, ħafna umli. ‘Jiena rrid li nkun kollni u totalment għal Alla, mimli bid-dawl tiegħu, niddi bl-imħabba għal Alla u għall-erwieħ tal-bnedmin. Jalla l-ministeru tiegħi jkun wieħed ta’ rikonċiljazzjoni fil-kelma u fl-għemil; u l-predikazzjoni tiegħi mhux bil-persważjoni tal-kliem tal-għerf uman, iżda fil-wirja tal-ispirtu u l-qawwa, u l-awtorità li ġiet mogħtija lili mill-Knisja, qatt ma tiġi użata għall-glorja tiegħi, u lanqas tiġi użata mhux biex tkisser, iżda biex tibni’. Dan il-kliem ta’ qaddis, ta’ San Ġwann XXIII, mitt sena ilu, saru u kienu l-programm tal-Arċisqof Pawlu.

Illum aħna xhieda, li l-wegħda li l-Arċisqof Pawlu għamel mal-poplu għażiż tiegħu, fil-jum tal-Konsagrazzjoni Episkopali tiegħu, għexhom b’fedeltà, fil-milja tagħhom. Il-Mulej, fiċ-ċirkustanzi tal-ħajja jfakkarna min aħna, l-Arċisqof Pawlu qatt ma staħa mid-djugħfija tiegħu. U dik kienet il-qawwa tiegħu, dik kienet ix-xhieda tiegħu, il-Mulej li jaħdem ħwejjeġ kbar bina, għodda magħżula, imma umli u dgħajfa.

Aħna nirringrazzjawh talli bil-ġesti tiegħu, l-aċċessibbilità tiegħu, kien ifittxu u jsibu kulħadd; kien imur kull fejn jistednuh; it-tbissima tiegħu kienet għal kulħadd, bil-ġesti tiegħu, bil-kelma tiegħu. Bħalma wiegħed, qeda misteru ta’ rikonċiljazzjoni, ta’ maħfra, ta’ fejqan, ta’ għaqda.

Illum aħna nġbarna b’sens ta’ fidi. Il-ġisem tiegħu hu ġisem imbierek, ikkonsagrat lill-Mulej; il-fdalijiet tiegħu inqimuhom u ngħożżuhom; imma Pawlu Cremona huwa ħaj, hu ħaj fix-xirka tal-qaddisin, fil-misteru tal-ħajja ta’ dejjem. Hu ltaqa’ mal-Mulej ir-Ragħaj it-Tajjeb wiċċ imb wiċċ. Bil-kliem tal-Ktieb ta’ Ġob, illum jiltaqa’ mal-Mulej bħala d-Difensur tiegħu, il-ħabib tiegħu u r-Ragħaj għażiż tiegħu.

It-tislima li nagħtih, nuża l-kliem tiegħu stess, kliem ħiereġ minn qalb safja li ġiet magħġuna bħala reliġjuż, fil-faqar, fl-ubbidjenza, u fl-imħabba safja. Hekk temm l-omelija tiegħu fl-2007. U dan il-kliem tiegħu jkun l-appell li permezz tiegħi jgħaddi lil kull wieħed u waħda minna llum, l-għażiż Pawlu Cremona.

Waqt li aħna b’sens ta’ fidi, bi mħabba kbira lejh, bi gratitudni lejh, nakkumpanjawh f’dan il-vjaġġ tremend li jiftaħ lejh il-bibien tal-ħajja ta’ dejjem. Kiteb u qal fl-2007: “Inħeġġeġ lil kull wieħed u waħda minnkom, dawk li qegħdin preżenti hawn, iżda wkoll lil dawk li huma fi djarhom, biex tgħinuni bit-talb, u bil-ħidma Nisranija tagħkom. Nitlob lill-koppji miżżewġin, biex flimkien mat-tfal tagħhom, jitolbu għalija; nitlob liż-żgħażagħ biex ifittxu lkoll il-ferħ li jaqdu lill-Mulej fiż-żgħożija tagħhom; nitlob lill-morda biex jagħqdu t-tbatija tagħhom mas-salib u l-qawmien ta’ Ġesù; nitlob lil kull membru tal-Knisja biex ikun qrib tiegħi f’dan il-vjaġġ.” Agħtih O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. Id-dawl ta’ dejjem jiddi lilu. Jistrieħ fis-sliem. Ammen   

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġob 19: 23-27a
Salm: 68 (69): 8-10.21bçd-22.31 u 33-34
Qari II: Tim 3:1-7
L-Evanġelju: Mt 11: 25-30

Aktar ritratti