L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Nisel ħażin huwa dan in-nisel! Irid sinjal!” (Lq 11: 29) Dan hu l-ilment li għamel Ġesù fuq diversi nies, u li naqraw illum fl-Evanġelju skont San Luqa. U Ġesù jgħid: “Ebda sinjal ma jingħatalu ħlief is-sinjal ta’ Ġona” (Lq 11:29).

Għaliex Ġesù ħadha daqshekk bi kbira li kien hemm diversi nies li riedu sinjal? Għax, fil-fatt, dawn in-nies kienu raw diversi sinjali. Kienu semgħuh jippriedka, semgħuh jitkellem b’awtorità – dak kien diġa sinjal għalihom. Imma mbagħad rawh jagħmel il-mirakli; rawh ifejjaq il-morda, jagħti d-dawl lill-għomja, ikeċċi x-xjaten. U x’kienet ir-reazzjoni tagħhom? Dejjem isibu l-“imma” biex ma jemmnux. Speċjalment l-agħar waħda hija meta rawh ikeċċi x-xjaten, u qalu: dan taf għaliex ikeċċi x-xjaten? Bis-saħħa tax-xjaten, anzi tal-Prinċep tax-xjaten, Begħelżebul, li dan ikeċċi x-xjaten! (ara Lq 11:15)  Ara tistax taqa’ daqshekk fil-baxx li lil bin Alla tgħidlu li hu mmexxi mix-xitan!

Hu għalhekk li Ġesu jsemmi dawn it-tnejn – is-sultana tan-Nofsinhar li ġiet mill-bogħod – jgħid “mit-truf tal-art” (Lq 11:31) – biex tisma’ l-għerf ta’ Salamun, kienet lesta biex tisma’ lil Salamun; u n-nies ta’ Ninwè li semgħu l-predikazzjoni ta’ Ġona, u nidmu wara li semgħuh. Jgħidilhom: hawn min hu aqwa minn Salamun, u hawn min hu aqwa minn Ġona. Imma filwaqt li lil Salamun u lil Ġona ġew biex jisimgħuhom u jagħtu każ, fil-każ tiegħu diversi nies ma tawx każu.

Ġesu jitkellem fuq sinjal, is-sinjal definittiv. Fil-fatt jgħid: “Ebda sinjal ma jingħatalu (lil dan in-nisel) ħlief is-sinjal ta’ Ġona”. U x’inhu dan is-sinjal? Fl-Evanġelju skont San Mattew hu spjegat ftit iktar Jgħid: “Kif Ġona għamel tlett ijiem u tlett iljieli f’żaqq il-ħuta, hekk ukoll Bin il-bniedem għad jagħmel tlett ijiem u tlett iljieli fil-qalba tal-art” (Mt 12:40). Ġesu kien qed iħabbar minn qabel li hu se jqum mill-mewt, se jirxoxta għal ħajja ġdida. U dak hu s-sinjal, is-sinjal definittiv.

Aħna llum għandna l-grazzja li ngħixu wara dan is-sinjal definittiv ta’ Ġesù, u li lqanieh dan is-sinjal tiegħu, li hu qam mill-mewt. Dak hu li niċċelebraw fl-Ewkaristija. Hija daqshekk importanti għax hija ċ-ċelebrazzjoni ta’ Kristu li rebaħ il-mewt, ta’ Kristu li huwa ħaj. Dan hu s-sinjal li għandna bżonn. Hemm bżonn infittxu sinjali oħra differenti? Le. Għandna għalfejn immorru wara sinjali oħra? Le. Dan hu s-sinjal definittiv. Dak kollu li jintrabat ma’ Ġesù Kristu li hu ħaj hu tassew f’waqtu. Imma s-sinjal li ried jagħtina Ġesù tahulna meta hu qam mill-mewt.

Nitolbuh llum biex aħna ma nwebbsux qalbna, imma nilqgħuh. Nilqgħu lil Ġesù f’ħajjitna, u speċjalment nilqgħu dan is-sinjal speċjali ta’ Ġesù  li huwa ħaj. Nitolbuh ukoll biex aħna, bix-xhieda tal-ħajja tagħna, inkunu sinjali li nwasslu għall-oħrajn, li jwasslu lill-oħrajn għand Ġesù li hu ħaj, li hu s-sinjal l-iktar importanti għall-ħajja tagħna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju