Il-President ta’ Malta George Vella inawgura monument f’Tas-Sliema li jfakkar lill-anzjani li tilfu ħajjithom matul il-pandemija tal-Covid-19. Il-President qal li din il-pandemija kienet kiefra għall-anzjani, l-aktar dawk f’residenzi jew l-isptarijiet minħabba n-nuqqas ta’ kuntatt fiżiku ma’ dawk l-aktar qrib tagħhom.
Appella biex bħala soċjetà nsibu mezz ta’ kif insaħħu l-preżenza tagħna fil-ħajja tal-anzjani. “Kull wieħed u waħda minna jista’ jagħti sehmu biex il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tagħna tmur dejjem għall-aħjar,” qal il-President.
Dwar il-monument li sar bl-inizjattiva tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġerentoloġija u l-Ġerjatrija, il-President Vella osserva kif iż-żewġ figuri qed iżommu d-distanza bejn xulxin, iżda permezz tas-swaba’ xorta jixtiequ jżommu kuntatt. “B’mod figurattiv, wieħed jista’ wkoll jinterpreta dan il-ġest bħala sors ta’ djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet u li jkompli jkattar l-għarfien bejn il-ġenerazzjoni anzjana u dik żagħżugħa,” qal il-President.
Tul id-diskors tiegħu, il-President tkellem ukoll dwar l-għaqda u favur politika inklussiva għall-anzjani – kemm dawk f’residenzi tal-anzjani kif ukoll dawk li jgħixu fid-dar tagħhom.
Il-monument f’Tas-Sliema hu xogħol l-artist Wallace Falzon u l-perit David Zahra.
Sors: Newsbook.com.mt