L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din it-talba sabiħa li aħna nitolbu kull filgħaxija, it-talba tal-Magnificat, tiġbor fiha l-ispirtu qaddis ta’ dawn il-jiem: “Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu” (Lq 1:20).

Aħna nixtiequ nirringrazzjaw lil Alla tal-ħniena kbira tiegħu li “ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:48), mhux biss lejn Marija imma lejn kull wieħed u waħda minna, ħares lejn iċ-ċokon tagħna. U aħna wkoll ma’ Marija nistgħu ngħidu li n-nisel li jagħraf x’għamel magħna l-Mulej, mhux biss ifaħħar lil Alla, imma lilna wkoll isejħilna ħienja. Jalla din l-hena li aħna nħossu għax ġarrabna l-ħniena tal-Mulej tkun ukoll mottiv, raġuni ta’ ringrazzjament lil Alla.

Sidtna Marija titkellem ukoll dwar l-umiljazzjoni tas-suppervi u s-setgħana u l-eżaltazzjoni taċ-ċkejknin (Lq 1:52). Mhux qed titkellem biss dwar il-poter ta’ din id-dinja imma dwar l-atteġġjament tal-qalb tagħna. 

Quddiem il-presepju, quddiem il-maxtura ta’ Betlehem, x’atteġġjament se jkollna? Jalla l-atteġġjament tagħna jkun ta’ dawk li jagħrfu l-ħniena tal-Mulej u li għandhom bżonn il-ħniena tal-Mulej kuljum. “Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu” (Lq 1:54). 

Sidtna Marija ma titkellimx biss fuq il-wegħda li seħħet imma ta’ min jinnota kemm-il darba  titkellem dwar l-hena u l-ħniena. Donnu fil-kantiku ta’ Marija, fil-Magnificat, l-hena u l-ħniena jiżżewġu. U aħna nkunu tassew henjin daqskemm nagħrfu kemm Alla jħobbna u kemm aħna midjunin mal-ħniena tiegħu. “Tassew il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien” (Lq 1:50).

✠ Charles Jude Scicluna
    Archbishop of Malta