Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Xtaqt li llum f’dan il-jum solenni nitolbu t-talba tal-Kredu biex aħna bħala knisja f’Malta nkunu qalb waħda, ħsieb wieħed mal-Papa Ljun XIV li llum nieda Ittra Appostolika mill-isbaħ, sabiħa ħafna. Meditazzjoni fuq il-Kredu li għandna kemm tlabna. Dan il-Kredu, din it-talba, din l-istqarrija tal-fidi għandha storja partikolari, importanti. Din is-sena għalqet 1700 sena. Kien proprju fis-sena 325 meta fil-Konċilju ta’ Nikea, illum fit-Turkija, l-Imperatur Konstantinu mwieżen minn ommu Elena sejjaħ l-isqfijiet ta’ dak iż-żmien biex joħolqu espressjoni ta’ fidi li tkun ta’ għaqda għall-knisja li kienet laċerata minn ħafna firdiet.

Il-mistoqsija prinċipali kienet imma min hu tassew Ġesù? Il-Kredu ta’ Niċea jagħtina l-fidi f’Ġesù ta’ Nazaret, l-Iben t’Alla magħmul bniedem. Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru. Il-Papa tana Ittra Appostolika sabiħa llum xieraq li ġiet pprommulgata fil-festa ta’ Kristu Sultan tal-ħolqien kollu. Wara kollox hemm frażi antika daqs il-Kredu ta’ Niċea li tgħid: is-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem. Il-Kredu ta’ Niċea stess jagħraf lil Ġesù mwieled minn Marija Verġni li bata taħt Ponzju Pilatu, miet u difnuh imma li qam mill-imwiet, tela’ s-sema, qiegħed fuq il-lemin tal-missier, għandu jerġa’ jiġi bħala mħallef, dan Ġesù ta’ Nazaret, is-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem.

Mela huwa sultan u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem. Wara kollox dawn huma l-kelmiet li l-anġlu Gabriel uża fil-mument tal-inkarnazzjoni meta lil Marija ta’ Nazaret ħabbrilha din il-missjoni li għalhekk kienet magħżula li fil-ġuf tagħha tnissel l-Iben t’Alla magħmul bniedem u l-anġlu Gabriel jgħid li joqgħod fuq it-tron tiegħu u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem. Nistgħu ngħidu li l-Kredu ta’ Niċea huwa sintesi bibblika tal-fidi tagħna.

Ritratt: L-Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Dak iż-żmien l-isqfijiet kellhom ukoll jesprimu l-fatt li Ġesù huwa l-Iben t’Alla, Alla wieħed, imnissel mill-Missier qabel kull żmien. Imnissel mhux magħmul, natura waħda mal-Missier, dawn il-kelmiet biex jesprimuhom bil-Grieg tħabbtu ħafna għaliex il-Kredu twieled bil-Grieg bħalma twieldu l-Evanġelji bil-Grieg. Dan il-mument, il-Patres tal-Konċilju tal-Niċea ma użawx termini bibbliċi imma ppruvaw jinterpretaw il-fidi tagħna b’mod li ma jkunx hemm dubju dwar dak li xtaqu jgħidu imma meta aħna nqisu dan il-Kredu li ilna ngħiduh 1700 sena, u nistaqsu lilna nfusna bħalma jistaqsi l-Papa Ljun, din l-Ittra Appostolika mnedieha llum li minn hawn u ftit tal-ġimgħat oħra noffruha wkoll bil-Malti, u nkunu nistgħu naqrawha u nixtarruha.

Il-Papa, u jiena magħkom nistaqsi għalina, xi tfisser li jiena ngħid, nemmen? Jiena nemmen. Din il-kelma timpennjani għax tfisser li qed nagħraf li Alla jħobbni u din l-imħabba, iż-żgħażagħ jgħidu tal-ġenn. Ilbieraħ kelli l-grazzja li nkun ma’ erba’ mitt żagħżugħ u żagħżugħa għall-ġublew taż-żgħażagħ, jekk ma jġennukx, kważi, bl-entużjażmu tagħhom. Xi tfisser jiena nemmen fid-dinja tal-lum? Hija li tagħraf li Alla jħobbok u dan l-għarfien iġegħlek tħobb ukoll għax il-fidi hija risposta ta’ mħabba għall-imħabba li għarafna minn qabel u għarfuhielna, għalhekk il-fidi tintiret minn ġenerazzjoni għal oħra, minn nisel għal ieħor. Il-fidi ma taqrahiex, il-fidi ma ssibhiex fis-suq, il-fidi tilqagħha minn komunità minn min jemmen, hija kontaġġuża għax hija aħbar tajba li tqanqal il-qlub, timliek bil-ferħ u tgħid jiena nemmen ukoll.

Liż-żgħażagħ ilbieraħ semmejtilhom xi ħaġa li baqgħet imnaqqxa f’qalbi, ir-rakkont tal-martirju tal-21 ħaddiema fuq ix-xtajta tal-Libja fl-2015 ftit jiem qabel il-Papa nnominani Arċisqof ta’ Malta. Fost dawn l-20 Insara Eġizzjani Kopti kien hemm ħaddiem mill-Ghana, x’aktarx ma kienx jaf eżattament il-fidi tiegħu x’kienet. Il-Misilmin għamlulu għażla wkoll, inti wkoll jew issir Mislem jew noqtluk. Ir-risposta tiegħu kienet ċara u kommoventi, ħares lejn sħabu l-ħaddiema Nsara li ma riedux jiċħdu lil Ġesù u qalilhom lill-qattiela tiegħu: Alla tagħhom huwa Alla tiegħi, u miet magħhom, ħanxrulu rasu bħall-oħrajn.

Ritratt: L-Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Il-magħmudija tad-demm li għadha sseħħ illum fi żmienna, hija l-magħmudija li tikkonferma li l-fidi hija impenn. Il-Konċilju Vatikan II, fil-kostituzzjoni pastorali Gaudium et Spes tkellem dwar l-ateiżmu prattiku. Aħna l-Maltin għandna devozzjoni popolari qawwija ħafna imma meta niġu għall-għażliet fondamentali tal-ħajja x’inhu l-kompass, il-boxxla veru tagħna? Jew inkella aħna wkoll tlifna l-boxxla? kif ngħidu bil-Malti, tlifna l-boxxla.

U jiena wkoll nistieden lis-soċjetà Maltija li tant hija konvinta u tant hija kburija bil-patrimonju Nisrani tagħna, inti għadek temmen, Malta tagħna? Jew inkella l-affarijiet is-sbieħ li ħallewlna missirijietna huma ħwejjeġ sbieħ li tpoġġihom f’mużew, mhux il-MUSEUM tad-duttrina, kieku tajjeb. Xi ħaġa tal-passat li tammira s-sbuħija tagħha imma mhux relevanti għal-lum, m’għandha l-ebda messaġġ għal-lum. Aħna u nġeddu l-Kredu tan-Niċea wara 1700 sena rridu ngħidu li l-impenn tal-fidi, jiena nemmen, ‘credo’, jiena nemmen għadha risposta attwali li din mhix antika tal-għanqbut imma mimlija relevanza, messaġġ pożittiv, impenn qaddis. Wara kollox aħna nemmnu f’Alla Missier li jista’ kollox, kemm hu sabiħ dan it-titlu li Niċea tikkonferma, hi u tisma’ lil Ġesù fit-talba tiegħu lil Alla jsejjaħlu Missier.

Aħna li għaddejna mill-magħmudija u nilqgħu l-maħfra fis-sagrament tal-qrar, irridu nkunu komunità ta’ fejqan, dik id-dar li fiha min jieħu ħsieb ikun ta’ servizz għal kulħadd.

Elf u seba’ mitt sena, l-Insara miġburin anke mal-awtoritajiet imperjali ta’ dak iż-żmien għarfu li dan Alla wieħed fost ħafna allat pagani. Il-panteon kollha tal-allat, Alla wieħed li huwa missier mhux tirann jew argużin, missier li ħalaq kollox, u, la ħalaq kollox huwa l-kreatur u l-ħolqien huwa wkoll ħiereġ mill-qalb ta’ missier u aħna l-Mulej tana l-intelliġenza u r-rieda, qatt ma nistgħu nkunu padruni tal-ħolqien imma ħarrisa tal-ħolqien, kustodji tal-ħolqien għax fil-kredu aħna nagħrfu l-primat t’Alla fuq il-ħolqien u allura nifhmu l-isbuħija tal-gżira tagħna, tal-baħar tagħna, tal-għelieqi tagħna jekk għad baqa’. Mhumiex tagħna imma mislufin lilna. Is-siġra li ma ħlaqtiex jien, nista’ nindukraha jien u nwassalha għal-ġenerazzjonijiet ta’ wara. Imma l-Kredu ta’ Niċea wkoll jieqaf jadura l-misteru t’Alla li ħalaq kollox li jsir bniedem għalina, ħa l-ġisem bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu, minn Marija Verġni u sar bniedem.

Fil-Kredu ta’ Niċea, il-misteru tal-inkarnazzjoni tal-bniedem t’Alla li jsir bniedem, huwa ‘statement’ mhux biss fuq l-imħabba t’Alla imma wkoll fuq id-dinjità ta’ kull wieħed u waħda minna. Alla huwa Salvatur għax ismu Yeshua, Alla huwa wkoll Emmanuel, Alla magħna u fil-misteru tal-inkarnazzjoni espress tant tajjeb fil-Kredu ta’ Niċea hemm ukoll it-triq tal-ħajja tal-knisja li aħna nkunu mal-bnedmin, mhux fuq il-bnedmin imma mal-bniedem fit-toroq tal-ħajja. Dan huwa l-istil li għażel Alla l-Missier meta bagħat lil ibnu fid-dinja biex isalvana. Hu li kien dawl minn dawl, Alla minn Alla ma stmerx li jinżel u jitniżżel u jitneżża’ minn kull setgħa li kellu biex ikun wieħed minna. Aħna nemmnu wkoll li l-kundanna ħarxa tiegħu taħt Ponzju Pilatu kienet kundanna li ġibna aħna wkoll bid-dnubietna, miet u difnuh imma qam minn bejn l-imwiet.

Ejjew nitqawwew f’din il-fidi li aħna l-familja ta’ Ġesù ta’ Nazaret, sultan tal-Lhud li sallbuh imma qam mill-mewt u allura is-saltna tiegħu mhijiex biss saltna li għandha relevanza għal din id-dinja għalkemm mhijiex ta’ din id-dinja imma twassalna għad-destin aħħari tagħna. Il-mistoqsija li nagħmel lil Malta tagħna lkoll hija: nemmnu fil-ħajja ta’ dejjem jew inkella l-għanjiet tagħna, l-iskopijiet ta’ ħajjitna jwassluna biss sal-qabar u mhux lil hemm? Għalina l-qabar huwa t-tmiem jew bieb li jagħti għall-eternità? Mhix kwistjoni ta’ x’naħsbu imma ta’ kif ngħixu. L-istedina li nagħmel mill-qalb lis-soċjetà Maltija hija li qatt ma nitilfu s-sejħa tagħna għall-ħajja li ma tintemm qatt u nibdewha minn issa billi fil-proxxmu tagħna naraw ix-xbieha qaddisa tas-sultan tagħna. Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont marid u fil-ħabs u ġejtu żżuruni.

Aħna nemmnu wkoll fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Il-knisja f’Malta nediet il-proċess lejn il-Pjan Pastorali Djoċesan għall-Arċidjoċesi minn hawn u ftit snin oħra. Qed naħdmu fuq it-tliet atteġġjamenti li xtaqhom ħafna l-Papa Franġisku u li huma kkonfermati mill-Papa Ljun XI: il-komunjoni, il-parteċipazzjoni u l-missjoni. Jiena nitlob li l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu fuq il-knisja f’Malta biex dak kollu li nagħmlu jgħaqqadna flimkien biex kull wieħed u waħda minna nħossuna tassew protagonist responsabbli, ko-responsabbli minn din l-avventura li nkunu l-familja ta’ Ġesù u fuq kollox inħossuna mibgħuta bħalma l-Mulej bagħat lil Ibnu, bħalma bagħat Missieri lili hekk jien nibgħat lilkom.

Ritratt: L-Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Aħna nemmnu fi knisja waħda qaddisa kattolika appostolika, ejjew naħdmu biex il-knisja ssib l-għaqda li ħafna drabi kissirnieha aħna bl-egoiżmu tagħna, li l-knisja tgħix fil-qdusija, anke fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna, li tkun tassew knisja li tinfirex f’kull żmien u f’kull ħin u f’kull post li tkun verament kattolika li jkollha l-qawwa tal-appostli, tkun appostolika. Il-Kredu ta’ Niċea jikkonkludi bis-sagramenti tal-maħfra u tal-fejqan, nistqarr magħmudija waħda, għall-maħfra tad-dnubiet.

Kemm għandna bżonn aħna li nistqarru l-Kredu ta’ Niċea kull nhar ta’ Ħadd, nifhmu li aħna komunità ta’ fejqan mhux komunità li ġġib il-weġgħat fil-qlub tal-bniedem, bil-kundanna, bil-kundanni li qishom ġebel biex ikissru lil dak li jkun. Aħna li għaddejna mill-magħmudija u nilqgħu l-maħfra fis-sagrament tal-qrar, irridu nkunu komunità ta’ fejqan, dik id-dar li fiha min jieħu ħsieb ikun ta’ servizz għal kulħadd. Fl-Evanġelju ta’ Luqa tissejjaħ din il-‘household’, din id-dar terrapea. Allura trid tkun dar fejn hemm il-fejqan mhux ġrieħi, il-ġrieħi jiddewwew bħal dik il-lukanda li fiha s-Sammaritan it-Tajjeb afda lill-imsejken, abbandunat u mitluq għall-mewt.

Fuq kollox aħna nistennew il-qawma mill-imwiet u l-ħajja taż-żmien li ġej imma din l-istennija trid tkun stil ta’ ħajja llum. Aħna mimlijin bil-paċi u bil-ferħ li din il-ħajja hija għatba sabiħa għall-ħajja ta’ dejjem, li hija ħajja prezzjuża li ngħaddu għall-ħajja ta’ dejjem mhux meta niddeċiedu aħna imma sottomessi għall-proċess li huwa r-rieda t’Alla għalina li qatt ma nieħdu ħajjitna b’idejna imma nilqgħu d-don tal-ħajja sa mit-tnissil sat-tmiem naturali tiegħu bħala don għax min jemmen fil-ħajja ta’ dejjem, jgħożż il-ħajja ta’ din l-art u jaħdem biex ikollna kultura tassew tal-ħajja.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 2 Sam 5:1-3
Salm: 121 (122):1-2,4-5
Qari II: Kol 1:12-20
L-Evanġelju: Lq 23:35-43

Aktar ritratti