Ritratt: Sarah Salafia – Arċidjoċesi ta’ Malta

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

It-talba li jagħmlu l-Appostli lil Ġesù hija talba attwali ħafna. Min jaf kemm-il darba intom stess meta tħarsu lejn uliedkom, lejn ulied uliedkom, lejn iż-żgħażagħ tal-lum, tgħidu: imma x’sar minnha l-fidi li kellna aħna meta konna f’din l-iskola?

Għaliex iż-żgħażagħ tagħna mhumiex daqshekk imħeġġa u lanqas imħajra, tipprova tipperswadihom biex imorru l-quddiesa l-Ħadd u qisek qed titkellem b’lingwa li ma jistgħux jifhmuha, jew inkella tħossok wieħed minn dawk id-dinożawri li t-tfal tat-tfal jieħdu pjaċir jilagħbu bihom. U inti tħossok wieħed minn dawn l-annimali strambi. U meta tistaqsi lil xi ħadd: “allura ma titħajjarx tmur il-quddies nhar tal-Ħadd?” ir-risposta tkun ‘uff xi dwejjaq’, jekk ma ngħaddux mill-istess esperjenza aħna stess.

Illum allura b’umiltà kbira lil Ġesù nirrepetulu t-talba tal-Appostli – “Kattar fina l-fidi.”(Lq 17:5) Imma l-fidi x’inhi? Il-fidi hija risposta. Imma biex tirrispondi, l-ewwel trid tirrealizza li hemm xi ħadd li ħa l-inizjattiva f’ħajti. Hija risposta ta’ mħabba meta inti tirrealizza li xi ħadd  ħabbek qabel. U dan ix-xi ħadd huwa persuna: Alla l-Missier.  Meta aħna nirrealizzaw, għaddejna minn xiex għaddejna, li fuq kollox Alla huwa mħabba, ikollna proposta fil-ħajja. Il-fidi hija dik ir-risposta tagħna għall-imħabba t’Alla fil-ħajja tagħna, fiċ-ċirkostanzi kollha tagħna.

Għax il-fidi hija l-imħabba li temmen, imħabba li tgħaqqad, il-fidi hija l-imħabba li tafda, il-fidi hija l-imħabba li, għax hija għajjiena, fidila u vera, timpenja ruħha. Mela meta lill-Mulej qed ngħidulu ‘kattar fina l-fidi’, inkunu qed ngħidulu li aħna ser nifthu għajnejna għall-imħabba tiegħu fil-ħajja tagħna.

Ritratt: Sarah Salafia – Arċidjoċesi ta’ Malta

U forsi allura meta nitkellmu maż-żgħażagħ tagħna, mal-istudenti, li llum qed jattendu din l-iskola, mal-ġirien tagħna, ma’ sħabna u ma’ dawk li ltqajna llum magħhom wara ħafna u ħafna żmien, hemm bżonn nifhmu li forsi fi kriżi tal-fidi, hemm bżonn nirrealizzaw li jeħtieġ niltaqgħu mal-imħabba t’Alla mill-ġdid.

Allura ma hemmx għalfejn nibdew bit-talb, tmur il-quddies. Nibdew mill-ewwel ittra tal-alfabett. L-alfabett tal-fidi jibda bl-ittra A: Alla jħobbok. Kemm hu mportanti li nifhmuha din, għaliex Ġesù jgħidilna li mqar bi ftit fidi – li tiġi mill-konsapevolezza, mix-xjenza, mill-għarfien li Alla jħobbok – Ġesù jgħinek tagħmel affarijiet kbar, juża din l-immaġini stramba, siġra li tinqala’u tmur fil-baħar.

Qed jgħid xi ħaġa straordinarja. Imma min jaf kemm intom għamiltu ħwejjeġ kbar: tgħid kelma ta’ ġid li inti tgħidha bil-qalb, tista’ tagħmel effett staordinarju f’persuna, u jgħaddu s-snin u tiltaqa’ magħha u tgħidlek: darba għidtli kelma u għamlitli ħafna ġid. Jista jkun li ġrat lilna wkoll. Dawn ix-xrar ta’ mħabba jagħmlu ħwejjeġ kbar.

Ġesù wkoll jgħallimna li ngħixu l-ħajja tagħna mingħajr ma nippretendu ħafna rigali. Sintendi l-pajjiż jagħti l-ġieħ ir-Repubblika. Medalji tal-metall bħala rikonoxximent tal-Istat għal xi whud  li jkunu għamlu ħwejjeġ kbar.

Il-Mulej jgħidilna li ngħidu li għamilna dak li kellna nagħmlu. L-ebda omm li tgħaddi ħajjitha kollha tinkwieta għal uliedha mhu ser ikollha medalja tar-Repubblika – ikollha tgħid ukoll: għamilt dak li kelli nagħmel (Lq 17:10).

Ritratt: Sarah Salafia – Arċidjoċesi ta’ Malta

Imma xi jġagħlek tagħmel dak li jkollok tagħmel, jekk mhux l-imħabba? Ġesù qed jgħidilna: Dak li tagħmlu, agħmluh bl-imħabba, toqogħdux tippretendu ġieħ ir-Repubblika, jew ġieħ il-President, agħmluh għall-imħabba. L-imħabba hija l-ħlas tagħha nnifisha. U meta ngħidu hekk ifisser li għamilna dak li kellna nagħmlu. Imma peress li dan għamilnieh b’dik l-imħabba, kien hemm sforz, kien hemm tbatija, dan li għamilna sar il-ħlas tiegħu stess.   

Immaġinaw inti trabbi kreatura, tifel jew tifla, jikbru ma nafx b’liema veloċità u jkollhom suċċess fil-ħajja, jiggradwaw: ‘it-tifla ggradwat ta’, ‘it-tifel ġie l-ewwel’… ikollok aptit toħroġ fit-triq u tgħid, imqar mal-postman (jekk ikun Indjan ma nafx kemm ser jifhmek) u inti tħoss li l-isforzi kollha tiegħek irċevew ħlas kbir, l-isforzi li għamilt b’imħabba kbira kellhom il-ħlas tagħhom, mhix kwistjoni ta’ midalja, mhix kwistjoni ta’ diploma.

It-tifel jew it-tifla mhux ser jagħtuk diploma għal dak li għamilt b’tant sagrifiċċji, lanqas ir-raġel. Imma importanti li bl-imħabba ta’ bejnietna, bil-ħbiberija ta’ bejnietkom tħossu li qed tikbru u li qed tħallu lid-dinja aħjar milli sibtuha.

Ejjew nitolbu ’l Alla din il-grazzja, u nieqaf hawn, għax wara kollox jekk hemm xi ħaġa li tiġbor l-Ethos tal-edukazzjoni kattolika hija li aħna nsiru kooperaturi, kollaboraturi ma’ Alla li ħolom dinja sabiħa, li aħna xi kultant ngħaffġuhielu, imma aħna li nisimgħu t-taħbit u ninkeddu, nagħmlu ħilitna biex id-dinja inħalluha aħjar.

Tgħidli kif? Il-Mulej jagħtik li tifhem kif. Ġibt tifel jew tifla fid-dinja, diġà qed tħalliha aħjar milli sibtha, ħawwilt siġra u mhux qaċċattha, inti ħloqt dik ix-xena u dik tibqa’ hemm. Kull meta niltaqa’ ma siġra matura, inħobb nagħmel din ir-riflessjoni: din is-siġra kienet żerriegħa xi darba, kibret, xi ħadd ħawwilha hawnhekk u dan ix-xi ħadd ma nafx min hu imma ma għadux magħna, qed ingawdiha jien. Wara għexieren,  mijiet ta’ snin, xi ħadd iddeċieda li jħalli xi ħaġa akbar minnu u ħalla d-dinja aħjar milli sabha… Jien x’ser nagħmel?       

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ħab 1:2-3; 2:2-4
Salm: 94 (95):1-2,6-7,8-9
Qari II: 2 Tim 1:6-8,13-14
L-Evanġelju: Lq 17:5-10

Aktar ritratti