L-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Esteban Murillo li tinsab f’The Hermitage, St Petersburg

Il-Kongregazzjoni tal-Kult Divin u tad-Dixxiplina tas-Sagramenti tas-Santa Sede laqgħet it-talba tal-Isqfijiet Maltin biex is-Solennità tat-Tnissil bla Tebgħa tal-Imqaddsa Verġni Marija, il-Kunċizzjoni, tiġi ċċelebrata fil-ġurnata tagħha, jiġifieri nhar il-Ħadd li ġej, 8 ta’ Diċembru. Dan minkejja li l-festa taħbat fit-tieni Ħadd tal-Avvent.

Din l-awtorizzazzjoni ngħatat mill-kongregazzjoni lill-Provinċja Ekkleżjastika Maltija, jiġifieri l-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex, għal din is-sena biss. Għalhekk, il-Quddies kollu ta’ għada s-Sibt, 7 ta’ Diċembru filgħaxija u tal-Ħadd, 8 ta’ Diċembru jkun tat-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija. It-talba saret mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, l-Isqof Mario Grech u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi.

Biex jinżamm l-ispirtu tal-Avvent, il-Liturġija tas-Sigħat tibqa’ dik tat-Tieni Ħadd tal-Avvent.