L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Fl-1 ta’ Diċembru ta’ din is-sena 2019, il-Papa Franġisku offrielna meditazzjoni sabiħa dwar il-prespju. Dan il-katidral għal dawn l-aħħar snin qed ikollna x-xorti ngawdu presepju Naplitan sabiħ, frott il-ħidma u l-ġenerożità ta’ Mons. Edgar Vella li nixtieq nirringrazzjah, u anke tal-Kapitlu li aċċetta u jilqa’ kull sena din l-iniżjattiva sabiħa.

Meta wieħed jammira l-presepju li qed iżejjen u janima dan il-katidral fi żmien il-Milied, japprezza li x-xena tat-twelid ta’ Ġesù hija ambjentata fost qishom rovini ta’ tempju antik. Il-Papa fil-fatt, il-Papa Franġisku jikkummenta fuq din it-tradizzjoni li f’diversi presepji, anke dawk tradizzjonali li nsibu f’diversi bliet u villaġġi ta’ pajjiżna, il-grotta ta’ Betlehem tiġi sostitwita minn qisu tempju mwaqqa’.

U jgħid hekk il-Papa Franġisku f’dan id-dokument li hu sejjaħlu ‘Is-Sinjal tal-Għaġeb’, Admirabile Signum: “Jixirqilhom kelma wkoll il-pajsaġġi li jagħmlu parti mill-presepju u li spiss jirrappreżentaw ir-rovini tad-djar u palazzi antiki li f’xi każi jieħdu post il-grotta ta’ Betlehem u jsiru l-għamara tal-Familja Mqaddsa”. Fil-każ tal-presepju Naplitan li għandna hawnhekk, huwa propju dan il-każ.

“Dawn ir-rovini,” jgħid il-Papa, “donnhom huma mnebbħa mil-leġġenda aurea tad-Dumnikan Jacopo minn Voragine li kiteb u għex fis-seklu 13 fejn naqraw bit-twemmin pagan li t-tempju tal-paċi f’Ruma kellu jiġi fix-xejn meta tiled verġni. “Dawn ir-rovini huma fuq kollox is-sinjal” jgħid il-Papa, “li jidher tal-umanità wara l-waqgħa, ta’ dak kollu li jitfarrak, li hu korrott u ta’ swied il-qalb. Dan ix-xenarju jurina li Ġesù hu l-ġdid qalb dinja antika, li hu ġie biex ifejjaq u jibni mill-ġdid biex irodd lil ħajjitna u lid-dinja, il-ġmiel oriġinali tagħhom”.

Il-Papa jgħid li t-tradizzjoni antika li inti x-xena ta’ Betlehem tpoġġiha qalb dawn ir-rovini, għandha sinifikat profond għaliex Ġesù fi kliemu stess ġie biex iħarrbat u jkisser is-saltna tax-xitan, is-saltna tal-ħażen, is-saltna ta’ dak, biex nerġa’ nikkwota l-Papa: “Ta’ dak li hu korrott u ta’ swied il-qalb”.

Fil-fatt jekk aħna nerġgħu nisimgħu mill-ġdid il-profezija ta’ Iżaija li tħabbret f’dan il-lejl, nindunaw li l-Milied mhuwiex biss it-tħabbira tat-twelid ta’ tarbija ġwejda, imma wkoll it-tħabbira tal-qerda ta’ dak li hu ta’ ħażen, li jagħmlilna verament ħsara. “Il-madmad li kien itaqqlu u l-ħatar ta’ fuq spallejn l-imsejken, il-bastun tal-argużin, int kissirtu f’jum Midjan. Kull qorq li jħabbat fit-taqtigħa”, fil-gwerra, “kull mantell mgħarrar fid-demm, jispiċċa għall-ħruq biex jieklu n-nar” (Iż 9:3-4).

“Il-Milied”, biex nikkwota lil Benedittu XVI, il-Papa emeritu, “mhix fairy tale, huwa messaġġ attwali dejjem, huwa messaġġ ta’ tama għax jindirizza, jitkellem ukoll lill-uġigħat tagħna lill-feriti tagħna”. “Fejn hemm il-mantell mgħarrar bid-demm” tal-qtil, il-Mulej jaħarqu u jippurifikah; fejn hemm l-iskjavitù ta’ min irid japprofitta mingħajru, il-Mulej dak “il-bastun tal-argużin” (Tit 2:3-4) ikissru.

L-Appostlu Missierna San Pawl jgħidilna li Ġesù: “Ta lilu nnifsu għalina biex jifdina minn kull ħażen u jnaddafna u jagħmel minna poplu magħżul għalih, poplu mħeġġeġ għall-għemil it-tajjeb” (Tit 2:14). Hu għalhekk jistedinna u din il-profezija attwali f’dan il-Milied, ifakkarna li: “Dehret il-grazzja”, l-imħabba ta’ Alla, għalfejn? “Għas-salvazzjoni tagħna” għall-fidwa tagħna. U din l-imħabba ta’ Alla trawwimna nwarrbu l-ħażen u l-ġibdiet tad-dinja” (Tit 2:12). X’inhuma dawn il-ġibdiet tad-dinja? Ir-regħba, in-nuqqas ta’ kontroll, il-vjolenza, l-arroganza, il-korruzzjoni, il-ġlied, il-mibegħda, l-għira, il-kattiverja anke fuq il-media soċjali.

U x’għandna nagħmlu biex aħna niċċelebraw tassew il-Milied? “Ngħixu bir-rażan, bil-ġustizzja, t-tjieba u nistennew it-tama hienja u d-dehra tal-glorja tal kbir Alla u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu” (Tit 2:12-13).

Hemm bżonn dan il-Milied nifhmu li aħna qegħdin niċċelebraw messaġġ li għandna bżonnu kif għandna bżonn il-ħarsa kollha ħniena u tjieba tat-tarbija ta’ Nazaret. Jekk aħna nixtiequ nagħtu tama lil xulxin, ta’ bidu ġdid, ta’ mod ġdid kif ngħixu flimkien, irridu allura nitolbu li aħna wkoll insiru poplu mħeġġeġ għall-għemil it-tajjeb.

Faċli tipponta subgħajk lejn ħaddieħor, faċli, imma l-iżjed ħaġa diffiċli huwa ssaqsi lilek innifsek: ‘jien x’irrid nagħmel?’ Nibda minni nnifsi. U nibda minni nnifsi biex nikkwota l-Papa Franġisku, propju fir-riflessjoni sabiħa ħafna li għamel ftit tas-sigħat ilu ġewwa l-Bażilika ta’ San Pietru: “Nibda billi nifhem li Alla jħobbni kif jien, jixtieqni aħjar imma mhux qed joqgħod jistenna li nsir qaddis u perfett biex iħobbni”. Il-Papa jinsisti, jgħid: “Meta San Pawl jitellem fuq il-grazzja ta’ Alla, qed jitkellem fuq l-imħabba li tħobbok mingħajr ma’ inti timmerita, mhi tistenna xejn mingħandek”. Din hija l-imħabba li biha Alla jħobbna u din hemm bżonn niskopri f’ħajti biex jien nibda minni nnifsi u nagħmel dak li hemm bżonn nagħmel, nagħżel it-tajjeb, nevita l-ħażin.

Bħalma qal il-President tar-Repubblika: “Ilkoll kemm aħna xxukkjati f’dawn il-jiem”. U forsi tgħodd għalina l-għanja li saċerdot Malti, li kien missjunarju Lixandra, ikkompona fis-seklu 19: “Ħallih għalina l-biki għax aħna l-midinbin”. 

Bambin ħelu, agħtina l-kuraġġ inħarsu lejk u nixxenqu għall-ħniena tiegħek għaliex aħna l-midinbin għandna bżonnok, għandna bżonnok biex tħenn għalina, għandna bżonnok biex tagħtina l-kuraġġ kuljum nibdew mill-ġdid, biex inħalluk tgħinna nwarrbu l-ħażen, biex ngħinuk tagħmel minna poplu magħżul għalik, poplu mħeġġeġ għall-għemil it-tajjeb.

✠ Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta  

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 9, 1-6
Salm: 95 (96), 1-2a.2b-3.11-12.13
Qari II: Tit 2, 11-14
Evanġelju: Lq 2, 1-14

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti