
L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Daniel u Marvic illum jirċievu l-Ministeru tal-Akkolitat. Dan huwa ministeru li jqarribhom lejn l-artal, jagħmilhom ministri straordinjarji tat-tqassim tal-Ewkaristija. U dan qed isir waqt li qed niċċelebraw is-sejħa ta’ kull wieħed u waħda minna: hu x’inhu l-ministeru tagħna, is-sejħa għall-qdusija. “Kunu qaddisin, għax qaddis jien” (Lev 19:2) jgħid il-Mulej.
U aħna fit-talba li għallimna Ġesù, sikwit lil dan il-Missier ngħidulu: “jitqaddes ismek” (Mt 6:9). Il-qdusija hija barka, bħalma Ġesù jħabbar fl-Evanġelju tal-lum, bħalma intom għeżież, aħwa tiegħi fl-Azzjoni Kattolika qassamtu wkoll is-sussidju li tajtu llum, dawn it-tmien kelmiet, li f’dan it-tempju maestuż huma mnaqqxa fuq il-kolonni bit-tmien ponot tas-salib ta’ Malta. Kieku aħna l-Maltin, meta naraw is-salib ta’ Malta niftakru li t-tmien ponot huma t-tmien beatitudnijiet, forsi nibdew ngħixu ftit aħjar; nistmaw lil xulxin, u anke lill-barranin ftit aħjar. Għaliex nibża’ li jekk aħna nitilfu s-sejħa tal-qdusija, nitilfu l-ikbar patrimonju li għandna.
Mingħajr is-sejħa tal-qdusija, il-knejjes sbieħ li għandna, il-festi li nagħmlu għall-qaddisin – nagħmluhom għall-qaddisin imma nniżżluhom bid-dagħa fil-marċi li nagħmlu u fil-piki ta’ bejnietna – kieku nifhmu għal xiex imsejħin ċert li ngħixu aħjar.
U llum, waqt li qed naraw żewġ żgħażagħ jersqu lejn is-saċerdozju biex ikunu tas-servizz totali għal din is-sejħa tal-qdusija, nifhmu li aħna wkoll, irridu nqaddsu lid-dinja, billi nkunu preżenza ta’ mħabba. Imma dan nagħmluh b’umiltà kbira. Il-Kelma ta’ Alla llum tfakkarna li l-qdusija ta’ ħutna li qed niċċelebraw, hekk kif qed nibdew ix-xahar ta’ Novembru, hija frott inizjattiva ta’ Alla qabel xejn: li kull wieħed u waħda minna jurina kemm iħobbna. U l-qdusija ssir risposta għal din l-imħabba. Kemm hi sabiħa t-talba tal-Knisja fil-festa tal-lum, li mhux biss tiċċelebra l-merti tal-qaddisin, imma titlob fuq kull wieħed u waħda minna msejħin għall-istess qdusija, xmara ta’ ħniena li għaliha aħna mxennqin.
Dawk l-ilbiesi bojod li jsemmi l-Ktieb tal-Appokalissi huma dawk li l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf” (Apok 7:14). Dawk huwa l-prezz tas-salvazzjoni, il-prezz tal-qdusija ta’ kull wieħed u waħda minna.
Għeżież Daniel u Marvic, intom u tersqu iżjed lejn l-artal, u sservu l-misteru tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù, nitolbu li l-Mulej bid-Demm Imqaddes ta’ Ibnu jsaffikom, jagħmilkom denji. Imma din it-talba hija ta’ kull wieħed u waħda minna.
Għeżież membri tal-Azzjoni Kattolika, ħossu fuqkom ir-responsabbiltà sabiħa, għax ma nixtieqx li ntaqqalkom f’din il-festa kbira: li tkunu dawl fid-dlam, melħ li jagħti t-togħma u jsaffi. Imma tinsewx, li dan kollu jiġi mill-Mulej u mill-qawwa tiegħu. U aħna bl-umiltà ngħidulu ‘grazzi’, u b’umilta nilqgħu d-don tal-qawwa li biha jrid iżejjinna. B’umiltà nirċievu minnu l-vokazzjoni li nkunu qaddisin.
I would like to greet our friends who came from abroad, and they find our native Maltese language a bit unaccessible. Welcome among us, as we celebrate the solemnity of All Saints, or All Hallow’s in ancient English.
This is a calling for each and everyone of us: a calling to be holy, to be wholesome. To realise that to be a Christian, is to be at peace with oneself, with our neighbour, with the Lord; but to learn to realise with great humility on the powerful mercy of Our Lord.
This is the secret of holiness: opening our hearts to the saving power of His mercy.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa
Qari I: Apok 7:2-4,9-14
Responsorju: S 23 (24):1-2,3-4ab,5-6
Qari II: 1 Ġw 3:1-3
L-Evanġelju: Mt 5:1-12a











