L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

L-ewwel ħsieb li nixtieq naqsam magħkom illejla hija xi ħaġa li jgħid Ġesù fuq il-ġenna u fuq l-infern. Innutaw ftit x’jgħid fuq il-ġenna hu u jbierek lit-tajbin għaliha: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja” (Mt 25:34).

Skont Ġesù l-ġenna ġiet maħluqa mħejjija għalina sa mill-ħolqien tad-dinja. Aħna maħluqin biex immorru hemmhekk. Jekk hemm post jistenniena huwa l-ġenna. Hemm post jistenniek, hemm post jistennieni. Il-biljett maqtugħ, imma jiena rrid immur? Tgħidli: ‘Mhux kulħadd jixtieq imur?’ Xewqa qaddisa u tajba imma x-xewqat jitfissru u jissarrfu fl-għemil.

Isimgħu Ġesù x’jgħid fuq l-infern: “Morru minn quddiemi misħutin fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu” (Mt 25:41). Mela Ġesù stess jgħid li l-infern ma ġiex maħluq għalina. Aħna l-infern m’għandna l-ebda post ibbukkjat, għax skont Ġesù, l-infern ġie maħluq għax-xitan u għall-anġli tiegħu. Imma min irid imur, għandu t-triq għan-niżla x’jagħżel, dik it-triq tal-mibegħda u t-triq tagħżilha minn issa. Għalhekk Ġesù jinsisti li l-ġudizzju tagħna u fejn se nispiċċaw ma jiddependix mill-post ibbukkjat għax post aħna wieħed biss għandna bbukkjat: il-ġenna. L-infern m’għandniex post ibbukkjat għax dak mhux għalina imma nistgħu nagħżlu li mmorru billi nibdew ngħixu l-infern hawnhekk bil-mibegħda ta’ qalbna.

Għalhekk għandna bżonn il-ħniena tiegħu biex meta nindunaw li qed nixxellfu mal-imħabba lejn Alla, lejna nfusna u lejn il-proxxmu, inwittu t-triq. Ngħidulu: ‘Sinjur, fattartha, aħfirli, għinni’. U l-eżami jagħtihulna minn qabel biex ħadd ma jgħid ma kontx naf. “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu żżuruni, kont fil-ħabs u ġejtu maġenbi” (Mt 25:35-37). Dan se jistaqsina. Fuq dan se niġu ġġudikati, xejn iżjed.

L-infern m’għandniex post ibbukkjat għax dak mhux għalina imma nistgħu nagħżlu li mmorru billi nibdew ngħixu l-infern hawnhekk bil-mibegħda ta’ qalbna.

U aħna se ngħidulu: ‘Imma meta, fejn?’ “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Kif nittrattaw lil xulxin jiddependi ħafna fejn se nispiċċaw, fuq dak! U għalhekk aħna u nitolbu b’suffraġju għal ħutna l-mejtin illejla, nitolbu lis-Salvatur Imħallef ġust biex jgħinna nħobbu dejjem u kullimien lil xulxin mill-kbir saż-żgħir, biex qatt ma nbejdu ġo qalbna u niżirgħu l-infern ġor-ruħ tagħna bil-mibegħda, bl-għira, bil-kattiverja. Imma nitolbu li l-ħniena ta’ Alla tnaddafna minn dan kollu.

Ejjew nitolbu lis-Salvatur biex hu li hu Għimmanu-El, Alla magħna, ikun għalina fil-punt tal-mewt tagħna veru Salvatur. U nitolbuha lil ommu bit-talba li għallmitna l-Knisja: ‘Itlob għalina midinbin issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna’.

Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, jistrieħu fis-sliem.   


✠ Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta  


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġob 19:1.23-27a
Salm: 26
Qari II: Rum 19:1.23-27a
Evanġelju: Ġw 6:37-40