L-Isqof Emeritus ta’ Garissa fil-Kenja, Mons. Joseph Alessandro qal li d-Dar tal-Providenza hija eżempju ċar ta’ kif Alla fil-providenza tiegħu jinqeda bil-bnedmin u jagħti ħafna opportunitajiet biex jagħmlu l-ġid lil ħaddieħor. Huwa qal dan waqt l-omelija tiegħu fiż-żjara li għamel fid-Dar tal-Providenza t-Tnejn, 19 ta’ Settembru 2022.
L-Isqof żar din id-dar fl-okkażjoni tal- 57 anniversarju mit‑twaqqif tad‑Dar u l‑beatifikazzjoni tal‑Papa Ġwanni Pawlu I, li Villa Papa Luciani ġġib kunjomu.
Fil-bidu taż-żjara tiegħu, Mons. Joseph Alessandro qaddes quddiesa fil‑kappella għar‑residenti u ħaddiema tad-Dar assistit minn Dun Martin Micallef, Direttur, u Dun Trevor Fairclough, Direttur Spiritwali tad-Dar.
Mons. Alessandro fakkar li d-donazzjoni żgħira li kienet ingħatat 75 sena ilu flimkien ma’ donazzjonijiet oħra waslu biex din id-dar tilqa’ mijiet ta’ persuni u toffri l-għola kwalità ta’ ħajja lir-residenti tagħha.
L-Isqof Emeritus Alessandro żar ukoll il-mużew iddedikat lill-fundatur tad-Dar, Mons. Mikiel Azzopardi u, wara, iċ-Centru SPRED, il-pixxina terapewtika, il-kmamar multisensorjali u l-gymnasium.
Sors: Newsbook Malta