• It-Tlieta 21 ta’ Marzu 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa b’suffaġju ta’ Monsinjur Arċisqof Ġużeppi Mercieca, mal-impjegati tal-Kurja tal-Arċisqof, fil-Kappella ta’ San Kaċidonju, il-Furjana. Din il-Quddiesa saret qabel l-attività kommemorattiva fir-Refettorju tal-Kurja tal-Arċisqof.  
  • Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Kappella ta’ San Kalċidonju, Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana

    21 ta’ Marzu 2017

    Waħda mill-esperjenzi li żgur farrġu lil Monsinjur Ġużeppi Mercieca kienet il-fatt li kellu l-grazzja speċjali mingħand Alla li jakkumpanja, fl-aħħar mumenti ta’ ħajjithom, ‘il diversi nies li kienu għamlulu ħafna ħsara. Meta kienu jinsabu fl-ikbar mument ta’ verità sabuħ ħdejhom, jitlob għalihom, jagħtihom l-assoluzzjoni, u jiftħilhom il-bieb tal-ġenna. Mhix biss hija ironija bħalma nsibu fil-klassiċi tad-drama Griegi, imma hija r-realtà ta’ bniedem li qatt, qatt, ma żamm f’qalbu l-amarezza tal-insulti, tat-tgħajjir u tal-vjolenza.

    F’din il-kappella, vjolentata b’mod faħxi fit-28 ta’ Settembru 1984, huwa xieraq li nfakkru lil Monsinjur Mercieca li f’mument terribli ta’ vjolenza, ta’ dittatorjat u ta’ terroriżmu, ma ċediex għat-tentazzjoni li jirrispondi vjolenza bi vjolenza, ma xewixx lill-poplu tiegħu biex jirrispondi bl-istess mod, imma b’determinazjoni kbira, tal-azzar, żamm ir-riedni fuq kulħadd.

    Illum nixtieq insellem minn hawn, ħdejn it-tabernaklu li ġie żgassat, il-memorja ta’ Isqof tal-azzar. Sejħulhom ‘suldati tal-azzar’ imma kienu taċ-ċomb, hu kien ir-Ragħaj b’determinazzjoni kbira li għażel it-triq tal-paċi li hija t-triq li tiswielek ħafna, imma l-Mulej ippremjah.

    “Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom” (Mt 18:35). Aħna jekk naqgħu fit-tentazzjoni li nwebbsu qalbna għal xulxin, se nsibu ġudizzju iebes. Illum it-tifkira ta’ Monsinjur Mercieca tfakkarna li nkunu lkoll aħwa mhix xi ħaġa faċli, imma rridu naħdmu għaliha bis-serjetà.

    Il-Mulej Ġesù ta’ 40 jum irċieva din il-profezija minn fomm Xmun, ikun dawl għal ġnus, glorja ta’ Iżrael, imma wkoll “sinjal li jmeruħ”. Aħna, f’Monsinjur Mercieca rajna sinjal li ħafna drabi sab min imerih. Forsi din hija l-vokazzjoni, biex ma ngħidx id-destin ta’ kull Isqof, għaliex l-Isqof huwa msejjaħ b’vokazzjoni speċjali biex jingħaqad ħaġa waħda ma Ġesù. Allura jrid jaċċetta d-destin li jkun sinjal ta’ kontradizzjoni, “sinjal li jmeruħ”. Il-Mulej imbgħad jieħu ħsieb, ikun glorja u dawl, imma fl-istess waqt ta’ salvazzjoni għall-merħla tiegħu.

    Huwa dover tagħna li nitolbu għal dan missierna spiritwali. Għal kull wieħed u waħda minna, Monsinjur Mercieca kien missier fuq diversi livelli. Aħna nsellmu il-paternità spiritwali tiegħu bħala r-ragħaj tagħna. Nirringrazzjaw lil Mulej talli tahulna bħala rigal, li iżjed ma jgħaddi ż-żmien iżjed napprezzaw.

    Ejjew nitolbu għal ruħu b’sens ta’ gratitudni. U nitolbu wkoll lill-Mulej, għalija, li bħal-lum bdejt il-ministeru tiegħi bħala s-suċċessur tal-Appostli u anke bħala suċċessur ta’ Monsinjur Mercieca. Għallimni ħafna, imma llum nifhem għaliex qalli ċertu kliem, illum nifhem għaliex kien isejjaħli ħafna biex nitkellmu, għaliex l-Isqof mhux biss ragħaj imma wkoll profeta, li għandu l-grazzja li jara mill-bogħod. Jiena nixtieq insellimlu, nitolbu għalih u ma ninsewhx. Inwegħdu lilna nfusna li ma ninsewhx.

    Agħtih O Mulej il-Mistrieħ ta’ dejjem.

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Photos: Curia Communications Office