• Is-Sibt 17 ta’ Jannar 2015
    Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    Għeżież koppji li żżewwiġtu fil-Mulej fis-sena 2014, huwa ta’ ferħ kbir għalija li ngħaddilkom messaġġ qasir f’din l-okkażjoni. L-ewwel nett nirringrazzjakom tal-għażla li għamiltu li tiżżewġu fil-Mulej. Dan mhux biss ifisser barka fuq l-imħabba ta’ bejnietkom, imma jfisser ukoll għażla libera li tmur lil hinn mit-tradizzjonijiet u d-drawwiet sbieħ ta’ missirijietna. Tfisser fuq kollox għażla ta’ programm ta’ ħajja u għażla ta’ valuri ċari li intom qed tistqarru quddiem is-soċjetà llum.

    Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-ewwel Ittra ta’ San Pawl Missierna lill-Korintin, smajna t-tagħlim dwar id-dinjità tal-ġisem. Fis-sagrament taż-żwieġ, intom għamiltu għażla ċara li tingħataw lil xulxin b’sens kbir u b’kuxjenza kbira tad-dinjità tal-persuna tagħkom, inkluż ta’ ġisimkom. San Pawl jgħidilna, “Ma tafux li ġisimkom hu tempju tal-Ispirtu s-Santu, li jinsab jgħammar fikom, li għandkom minn Alla? Ma tafux li intom m’intomx tagħkom infuskom?” (1 Kor 6, 19). Fil-kunsens taż-żwieġ li esprimejtu quddiem il-Knisja, intom tajtu għotja lil xulxin, l-għotja tagħkom infuskom, mhux miż-żejjed li kellkom, imma sseħibtu fi proġett dejjiemi, fi proġett ta’ fedeltà, fi proġett miftuħ għad-don tal-ħajja. Dan il-proġett għandu isem, li huwa “iż-żwieġ bejn ir-raġel u l-mara”.

    Intom ingħatajtu lil xulxin, m’intomx tagħkom infuskom, għalkemm, irridu nammettu, li biex wieħed jagħti xi ħaġa jrid l-ewwel jipposediha. L-għotja tagħkom infuskom lil xulxin ma tikkanċellax il-personalità tagħkom iżda twassal lil kull wieħed u waħda minnkom għall-qofol tal-maturità personali fl-imħabba.  Mhux biss, intom bl-għażla li tiżżewġu quddiem il-Knisja, għamiltu wkoll att ta’ fidi li jesprimi ruħu fit-tama u l-imħabba, fit-tama tal-fedeltà esklussiva, fit-tama tad-don tal-ulied, fl-għotja lil xulxin fl-att tal-imħabba.

    San Pawl qalilna fl-istess Tieni Qari tal-lum, “Bil-għoli kontu mixtrija! Mela agħtu ġieħ lil Alla permezz ta’ ġisimkom” (1 Kor 6, 20). Fl-għaqda intima ta’ bejnietkom, intom imsejħin biex tagħtu ġieħ lil Alla, biex tkunu xhieda ta’ kemm Alla jħobbna.

    Fil-Vanġelu smajna dwar titlu sabiħ ta’ Ġesù li ħafna drabi smajnieh, u ta’ min nirriflettu fuqu iżjed. Ġwanni l-Battista jiltaqa’ ma’ tnejn mid-dixxipli tiegħu, iħares lejn Ġesù li kien għaddej, u lid-dixxipli tiegħu jgħidilhom: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla” (Ġw 1, 29). Bl-Aramajk, il-kliem li juża Ġwanni għandu sinifikat fuq diversi livelli, għax bl-istess kelma jew espressjoni, “il-Ħaruf ta’ Alla”, Ġwanni kien qed jgħid ukoll, ‘il-Qaddej ta’ Alla’, u ‘l-Iben ta’ Alla’.

    Intom illum ġejtu hawnhekk biex tirringrazzjaw lil Alla taż-żwieġ tagħkom fil-Mulej, u ġejtu wkoll biex tikkonfermaw quddiem l-Isqof tagħkom, il-volontà li tkomplu f’din l-avventura ta’ żwieġ Nisrani. Kunu wlied Alla, kunu qaddejja ta’ Alla, tibżgħux mill-ħlas li titlob minnkom l-imħabba. Il-ħaruf huwa dak li kien jingħata bħala offerta u anke bħala sagrifiċċju lil Alla. Dawn iż-żewġ kelmiet nużawhom ħafna fiż-żwieġ ukoll: għotja u sagrifiċċju. Intom tifhmuni meta ngħidilkom li l-kejl vera tal-imħabba ma jridx jibża’ minn dawn iż-żewġ kelmiet: l-għotja tiegħek innifsek lil żewġek jew lil martek, u s-sagrifiċċju li dan jitlob minnek.

    Fl-Ewwel Qari smajna dwar id-disponibbiltà tal-profeta Samwel, “tkellem Mulej għaliex il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’” (1 Sam 3, 9). Fil-konklużjoni ta’ dan il-ħsieb tiegħi, nixtieq biss infakkarkom fil-bżonn li nibqgħu nisimgħu l-vuċi ta’ Alla fil-kuxjenza tagħna u fit-tagħlim tal-Knisja.

    Illum, l-Isqof, f’isem il-Knisja, mhux biss jirringrazzjakom tal-għażla li għamiltu imma jagħmlilkom kuraġġ u jwegħedkom l-għajnuna tal-komunità Nisranija. Il-Mulej qiegħed jistedinkom tissieħbu miegħu biex fil-ħajja tal-familja tkomplu l-istorja tal-umanità u toffru lil xulxin u lil uliedkom, li Alla jberikkom bihom, ambjent sabiħ fejn l-umanità tikber b’mod sħiħ u b’saħħtu.

    Jiena nawguralkom li tkomplu tikkonfermaw l-għażla tagħkom, u lill-Mulej bit-talba tas-Salm Responsorjali tgħidulu, ‘Hawn aħna Mulej, ġejna biex nagħmlu r-rieda tiegħek.’ Għalkemm il-Mulej jixtieq minnkom is-sagrifiċċju u l-offerta tal-imħabba tagħkom, m’għandux bżonn sagrifiċċji ta’ gniedes u annimali, imma fetħilkom widnejkom u l-qalb tagħkom għal xulxin u għall-preżenza tiegħu.

    Is-suġġeriment tiegħi huwa li mill-quddiesa tal-Ħadd u t-talb ta’ bejnietkom, intom tiġbdu s-saħħa spiritwali biex ta’ kuljum tkomplu tħobbu tassew lil xulxin, fir-risq it-tajjeb u l-ħażin.

    Minn qalbi nawguralkom ħajja twila, imħabba feliċi, fekonda, u li tkun tassew ta’ glorja lill-Mulej li huwa mħabba.
     
    ​  Charles Jude Scicluna
        Isqof titulari ta’ San Leone
    ​    Amministratur Appostoliku ta’ Malta