• 24 ta’ Novembru 2014

    Kon-Katidral ta’ San Ġwann

    “Arawni, hekk jien se nfittex in-ngħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom”. Din hija l-kelma tal-Mulej li smajna llum mill-Profeta Eżekjel.

    Eċċellenza President ta’ Malta, Sur Preca, Eminenza, Eċċellenza, sħabi Isqfijiet,
    Illum aħna xhieda ta’ kemm din il-kelma tal-Mulej ma tonqosx. ”Jiena se nfittex in-ngħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom.” Il-Mulej jagħmel kollox biex jiltaqa’ magħna fit-triq tal-ħajja tagħna, u ma jħalliniex waħedna, jieħu ħsiebna. Illum bir-raġun ngħidulu ’Grazzi’, talli mhux biss ifittixna imma jieħu ħsiebna fl-Isqfijiet li jagħtina.

    Eċċellenza għażiż, Mons. Cremona, għażiż Pawlu, aħna ngħidu grazzi lil Alla, imma ngħidu grazzi wkoll lilek. Ngħidu grazzi lil Alla li fik il-kliem ta’ Eżekjel mhux biss seħħew imma saru jagħmlu ħafna sens għalik. Fik, stajna naraw xbieha sabiħa tal-qalb ta’ Alla, li kif jgħid Eżekjel stess, ”Bħalma r-ragħaj jieħu ħsieb fil-merħla tiegħu meta jsib ruħu f’nofs in-ngħaġ imxerrda tiegħu, hekk naħseb jien fin-ngħaġ tiegħi”. Il-Mulej tana lilek bħala don Eċċellenza, don li nixtiquh jibqa’ magħna.Għalhekk jien ngħidlek Ad multos annos minn issa. Jalla l-preżenza tiegħek ingawduha għal ħafna snin. Nibqgħu ingawdu t-tbissima tiegħek, il-qalb ħelwa tiegħek għax fiha naraw verament is-Saltna ta’ Ġesù, li mhix saltna ta’ poter imma hija saltna ta’ servizz. Mhix saltna fejn wieħed ifittex li jkun fuq xi ħadd ieħor, imma fejn wieħed jitgħallem jaħsel riġlejn l-aħwa. Jiena wegħedtek li ma ninsa qatt dak li għidtli sentejn ilu, bħal għada, fl-Ordinazzjoni Episkopali tiegħi, meta għidt li ’aħna d-dinjita’ tagħna tiġi mill-merħla’, il-merħla li Ġesù fdieha b’demmu, li hija tant prezzjuza. U aħna, jekk għandna xi dinjita, din tiġi mill-fatt li aħna qaddejja ta’ din il-merħla. Inti kont qed titkellem mill-qalb – qalb tkellem lil qalb oħra, u kont qed titkellem ukoll mill-esperjenza tiegħek. Il-mod kif inti għext u għadek tgħix l-episkopat tiegħek. Għalhekk għal dawn l-aħħar kważi tmien snin, inti kont ir-ragħaj tagħna, il-mexxej spiritwali tagħna, u nafu li dan kien piż, għax minnu nnifsu hu piż. Kellek ħafna għajnuna mill-kollaboraturi tiegħek, imma illum irrid insellem lill-poplu li inti tant ħabbejt Eċċellenza, u tant iħobbok. Hija imħabba li wriek il-poplu għax jirrispondi għall-imħabba tiegħek. Kemm hu faċli għalija li meta nisma l-kliem ta’ Eżekjel illum, niftakar fil-mod kif inti mxejt magħna bħala Isqof, Eċċellenza. ”Jiena stess nirgħa n-ngħaġ tiegħi, u nserraħhom. Jiena nfittex il-mitlufa, inreġġa’ lura l-imxerrda. Ninfaxxa l-ġrieħi tal-miġruħa, u nqawwi lill-marid. Inħares is-smina u l-qawwija u nirgħahom bil-ġustizzja.” Meta nisma’ lil Eżekjel jgħid, ’inħares is-smina u l-qawwija’, ngħid se jieħu ħsiebi wkoll! Imma nafu li Eżekjel qed jgħid ukoll għal dawk li daħlu sew fil-Kelma tal-Mulej, tqawwew bis-Sagramenti, imma li xorta għandhom bżonn min jieħu ħsiebhom, li jkun fuq kollox mexxej bl-eżempju għalihom. Inti l-qalb tiegħek ħanina, tant qawwejt morda fil-ġisem u fir-ruħ. Il-Kelma tiegħek, it-tbissima tiegħek, il-ħarsa ħelwa tiegħek Eċċellenza, tant infaxxat ġrieħi tal-miġruħa. Alla biss huwa xhud tal-karita’ li għamilt u għadek tagħmel fil-moħbi. Tant li kultant ikun hemm xi tnegħida madwarek, ”għax wisq”. Għalik il-karita’ m’għandix il-wisq, għandha biss l-abiss tal-bżonn. Inti tara bżonn u l-istint tiegħek, nafu, huwa li jimla dan il-bżonn. Nirringrazzjawk talli fostna ġibt il-balzmu ta’ min jitkellem u jisma’. Nirringrazzjawk talli fosntna ġibt il-fwieħa tal-Kelma rżina u rispettuża. Pawlu, l-isem li l-ġenituri tawk fil-magħmudija għextu fostna billi fakkartna l-Appostlu Missierna u l-patrimonju sabiħ tal-fidi tagħna.

    Iż-żewġ isqfijiet li inti ordnajt, bħala konsakratur prinċipali, illum qiegħdin hawn, biex ngħidulek grazzi, il-Kardinal Prospero Grech, u jien. Nirringrazzjawk ta’ dan id-don. Permezz tiegħek aħna dħalna fil-linja tas-suċċessuri tal-Appostli, li taf lil Mons. Mercieca, li ġie ordnat minn Monsinjur Gonzi u Mons. Caruana. Imma inti għaqqadtna ma’ dan il-patrimonju kbir tas-suċċessuri tal-Appostli, u persważ li tibqa’ tkun għajnuna lis-suċċessur tiegħek meta l-Papa jiddeċiedi li jgħażlu u jgħidilna min hu.  

    “Għalik merħla tiegħi, hekk jgħid sidi l-Mulej. Ara jiena nagħmel ħaqq bejn nagħġa u oħra.” Il-ħaqq li ġibtilna inti, il-ġustizzja li ġibtilna hija dik tal-verita’. Fraħt magħna fil-Kanonizzazzjoni ta’ San Ġorġ Preca, frott il-qdusija ta’ dan il-pajjiż, fraħt magħna meta ġie fostna Benedittu XVI, u bkejt magħna meta ħassejt li l-poplu għamel għażliet li ma kinux skont ix-xewqa ta’ Ġesù. Imma ma naqtgħux qalbna, għax għandna poplu twajjeb, poplu li għadu jgħożż il-familja, u għal dan nixtieq nirringrazzja lis-soċjeta’ Maltija kollha. Nibda mill-politiċi tagħna, talli mhux biss dejjem urewk rispett u semgħu il-kelma tiegħek, imma talli komplew jikkoperaw mal-Knisja li inti mexxejt, fil-ħidma tagħha ta’ edukazzjoni u ta’ karità. Dan għaliex inti bit-tjubija personali tiegħek Eċċellenza, iffaċilitajt sens ta’ djalogu li kien importanti ħafna għalik, huwa tant essenzjali għall-Knisja. Jalla dan l-istaġun sabiħ ta’ kooperazzjoni fl-awtonomija bejn Knisja u stat ikompli. Aħna u ngħidu grazzi lilek, ngħidu grazzi lill-Mulej. Int għallimtna bil-ħlewwa ta’ mħabbtek xi tfisser tqim lil Kristu Sultan billi tkun ta’ qadi għall-aħwa. Nawguralek f’isimna lkoll ħajja twila, ħajja twila għax għandna bżonnok, għandna bżonn il-preżenza tiegħek. Kif għedtilna inti, ‘nitolbu lil Mulej fil-ħniena tiegħu, jagħtina ragħaj spiritwali skont il-qalb tiegħu.’ Grazzi Eċċellenza, grazzi mill-qalb!
     
    Messaġġ mill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona O.P.

  • Eċċellenza,

    l-ewwelnett nixtieq nirringrazzjak għal dawn ir-riflessjonijiet li għamilt. Mhux għax inħoss li kollha jixirquli imma għax kienu mod kif il-messaġġ Nisrani jasal ukoll għandna. Nixtieq nirringrazzja lilkom ilkoll talli ġejtu hawn. L-ewwel darba li lħaqt Superjur, kont għadni żgħir, kelli 27 sena. U ġieni fuqi xi ħadd u qalli, ‘kemm jiddispjaċini għalik!” Għedtlu, “Għaliex?” Qalli, “Minjaf kemm se tibbies!” U dik il-kelma baqgħet ġo moħħi u ġo qalbi, “ma rridx nibbies!”. U dak li għeni tul dawn is-snin kollha kien li fittixt li lill- Mulej nibqa’ nżommlu post f’qalbi hekk li xejn ma jeħodlu postu.  Kemm hu sabiħ li dan il-pajjiż tagħna jinbena fuq dawn il-virtujiet Insara li jgħallimna Ġesù.
    Illum kull pajjiż jipprova jagħti identità lilu nnifsu. U aħna naħseb li nistgħu naħdmu biex l-identità tagħna tkun tirrifletti dak li rajna b’mod speċjali fil-Vanġelu tal-llum – li lkoll kemm aħna ma ninsew qatt li aħna Nsara imma nippruvaw b’qalbna kollha biex dak li qalilna Ġesù fil-Vanġelu nwettwuh. Jiena nerġa nirringrazzjakom ta’ dan kollu, nixtieq nirringrazzja dawk li għenuni tul dawn it-tmien snin, waħdi ma kontx nagħmilha żgur. Jiena tfajt ir-riżenja tiegħi għaliex ħassejtni li wasalt f’mument fejn kont għajjien wisq. U l-Knisja llum għandha bżonn persuni li huma kreattivi, persuni li kapaċi jmexxu l-Knisja f’Malta lejn dak li jriduna nkunu l-Papiet, b’mod speċjali l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida. Nerġa ntenni grazzi lilkom li ġejtu u l-Mulej jibqa’ magħkom.

  • Ritratti: Photocity, Valletta
    www.photocitymalta.com