Photo by Pixabay from Pexels

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Int ibni l-għażiż. Fik sibt il-għaxqa tiegħi” (Mk 1:11). Dan huwa l-kliem li nstama’ fil-magħmudija tal-Mulej, kif rajna fl-Evanġelju skont San Mark. Hija dehra tat-Trinità Qaddisa fil-magħmudija tal-Mulej – Ġesù l-Iben li qed jitgħammed, l-Ispirtu s-Santu li jidher taħt forma ta’ ħamiema, u l-leħen tal-Missier li jgħid: “Int ibni l-għażiż. Fik sibt il-għaxqa tiegħi”. 

Dan il-kliem tal-Missier hu konferma ta’ dak li għamel Ġwanni l-Battista, tal-missjoni li kellu. Ġwanni kien kontinwament jgħin lin-nies biex jippreparaw ruħhom għall-Mulej, u jipponta lejh, bħalma għamel illum fl-Evanġelju meta jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni”; u jgħidha b’mod sabiħ: “jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu” (Mk 1:7).  Qed jgħid Ġwanni: ara kemm hu aqwa minni! Din Ġwanni jgħidha kontinwament. Niftakru l-kliem tiegħu meta jgħid: “Jeħtieġ jikber hu u niċkien jien” (Ġw 3:30). Għalhekk il-kliem li nstema’ ta’ leħen il-Missier hu konferma ta’ dak li għamel Ġwanni l-Battista.

Dal-kliem għandu ħafna x’jgħidilna għall-ħajja tagħna, għax il-kliem tal-Missier “Int ibni l-għażiż. Fik sibt il-għaxqa tiegħi” ifakkarna li aħna wkoll f’Ġesù rridu nsibu l-għaxqa tagħna. Huwa hu li jimla l-qalb tagħna. Fih insibu l-paċi, il-ferħ, il-mistrieħ f’ħajjitna. Lejh irridu nħarsu, biex imexxina ’l quddiem f’ħajjitna. Miegħu nifhmu tassew il-kliem ta’ Santu Wistin: “Agħmel li nsibuk, għax qabel ma nsibuk ma nistriħux. Fik biss tinsab il-hena u l-mistrieħ tagħna. Int għamiltna għalik, O Alla, u qalbna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistrieħx fik”.

Dal-kliem ifakkarna wkoll fil-magħmudija tagħna, għax bis-saħħa ta’ Ġesù aħna sirna ulied adottivi ta’ Alla. Għalhekk fuq kull wieħed u waħda minna Ġesù jgħid: “Int ibni l-għażiż”, jew “inti binti l-għażiża…fik insib il-għaxqa tiegħi”.  Aħna msejħin biex fil-ħajja tagħna ngħixu tassew bħala wlied għeżież, u l-ħajja tagħna tkun tassew dik li fiha il-Mulej isib il-għaxqa tiegħu; ħalli dak li qal dik inhar tal-magħmudija fuq kull wieħed u waħda minna l-Mulej ikun jista’ jgħidu kuljum fil-ħajja tagħna.

Imbagħad hemm ħaġa oħra sabiħa f’dal-kliem tal-Missier li tgħodd għar-relazzjonijiet bejnietna. Dan il-kliem hu l-kliem li kull omm u missier, li jilqgħu t-tarbija li titwieled, jgħidu fuq it-tarbija: Inti ibni l-għażiż, binti l-għażiża; fik insib l-għaxqa tiegħi. Dan ifakkarna kemm għal Alla kull ħajja umana hi għażiża. Lilna jridna napprezzaw, inħarsu, ngħożżu l-ħajja umana mill-ewwel mument tagħha, mit-tnissil tagħha. Minn dak il-mument aħna ngħidu: int għalija għażiż, int għalija għażiża. Bħalma l-omm tgħallimna hija stess li turi tassew dik l-imħabba kbira, kultant b’sagrifiċċju, biex issostni kontinwament il-ħajja vulnerabbli u dipendenti li hemm fiha, u ssostniha b’espressjoni ta’ din l-għożża u din l-imħabba, aħna lkoll imsejħin biex ngħożżu l-ħajja bl-imħabba mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Huwa dulur jekk aħna, flok nagħmlu hekk, nittrattaw il-ħajja bħala oġġett li tiddisponi minnu. Għalhekk dal-kliem ifakkarna tassew fl-għożża tal-ħajja ta’ kull bniedem. 

Nitolbu llum li aħna nħarsu dejjem lejn Ġesù s-salvatur tagħna, li fih insibu l-għaxqa tagħna; li ngħixu tassew bħala ulied għeżież ta’ Alla; u li kif għallimna hu, kull ħajja umana tkun għalina tassew għażiża.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop