L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies” (Mt 1:19). Din il-frażi mill-Evanġelju tal-lum tagħti tifsira kbira lil dak li San Ġużepp jirrappreżenta fil-ħajja tagħna tal-fidi, fil-ħajja tal-Knisja, u dak li jgħallimna għall-ħajja tagħna llum.
Aħna nafu li r-raġuni kienet li meta Marija saret tqila bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, Ġużeppi ma setax jifhem x’qed jiġri, imma ddeċieda li flok jgħid, flok ixandarha din, jibgħat lil Marija bil-moħbi tan-nies, għaliex kien jaf li kellha riskju kbir għal ħajjitha jekk in-nies isiru jafu.
Nixtieq li naħsbu ftit fuq din il-frażi llum, fil-festa ta’ San Ġużepp, u naraw dak li hu jgħallimna għal ħajja tagħna llum bis-sehem tiegħu fil-ġrajja tas-Salvazzjoni. Se nsemmi tliet punti prinċipali
Protettur tal-ħajja
L-ewwel nett, San Ġużepp huwa l-protettur tal-ħajja. Meta għamel f’rasu li jibgħat lil Marija bil-moħbi, ir-raġuni prinċipali kienet li ried isalva l-ħajja ta’ Marija. Imma mhux biss ta’ Marija, imma wkoll ta’ Ġesù, għax hi kellha lil Ġesù fil-ġuf tagħha.
Ried isalva żewġ ħajjiet. Ġużeppi kien jaf, bħalma jaf kulħadd, li omm li qed tistenna t-tarbija titwieled għandha fiha ħajja umana ġdida. Mhux biss il-ġisem tagħha, imma għandha wkoll fiha l-preżenza ta’ ħajja umana ġdida li tgħożżha u tieħu ħsiebha. Għalhekk Ġużeppi ried isalva l-ħajja ta’ Marija, u l-ħajja ta’ Ġesù li kien għadu ma twelidx.
Mhux biss hawn. Dejjem narawh jipproteġi l-ħajja – meta wasal biex jitwieled Ġesù, u jfittex post fejn jista’ jitwieled, imma wkoll meta kellu jaħrab lejn l-Eġittu, jieħu lil Marija u lil Ġesù proprju biex isalva l-ħajja tagħhom minn Erodi.
Nixtieq li nitgħallmu minnu li ngħożżu l-ħajja ta’ kull bniedem – il-ħajja umana mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, meta ġa hemm bniedem, sat-tmiem naturali tagħha, u f’kull waqt tagħha. Ġużeppi llum jgħallimna kemm hi importanti din l-għożża tal-ħajja.
Qalb ħelwa u umli
Lil Ġużeppi narawh ukoll bniedem ta’ qalb ħelwa u umli. Niftakru f’dak li kien qal Ġesù lin-nies: “Tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29). Nafu żgur li Ġesù kien jaraha din fil-missier putattiv tiegħu, Ġużeppi – kif tkun tassew ta’ qalb ħelwa u umli.
Dejjem narawh iħobb, dejjem narawh mimli mħabba lejn il-familja tiegħu. Imma jagħmel dan fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum, bla ħafna storbju, bla ħafna kjass, mingħajr fanfarunati. Juri tassew li jħobb bil-preżenza tiegħu u bil-ħidma tiegħu.
Nafu li fl-Evanġelju ma hemmx kelma li qal. Naturalment, mhux għax ma tkellimx, imma għax l-enfasi tal-Evanġelju hi fuq il-preżenza kollha mħabba tiegħu. F’dan jagħtina ħafna eżempju sabiħ għall-ħajja tagħna. L-iktar importanti fil-ħajja hi l-preżenza ta’ mħabba u ħidma ta’ mħabba. Kultant mhux għat tgħid ħafna. Ġieli tmur tara lil xi ħadd l-isptar marid, u tgħid “x’se naqbad ngħid?” – kultant aħjar ma tgħid xejn imma l-preżenza tiegħek hemmhekk hi preżenza li turi mħabba lejn din il-persuna.
F’dan jgħallima ħafna Ġużeppi: li nkunu bħalu, ta’ qalb ħelwa u umli, u nuruha din bil-prezenza tagħna.
Fidi li juriha fl-azzjoni
Ġużeppi jgħallimna wkoll kif issieħeb fil-ħajja l-fidi u l-azzjoni. Kellu x-xorti – li mhux kulħadd għandu – li fil-ħolm jara l-affarijiet ċari. Kultant fil-ħolm ma tantx naraw ċar. Ġużeppi kellu erba’ ħolmiet, u permezz tagħhom sar iktar konxju ta’ dak li jrid Alla.
Li ninnutaw fih mhuwiex il-fatt li kien joħlom, imma li kien lest li, filwaqt li hu jkollu pjan li jidher tajjeb, fejn hemm bżonn jibdlu għax jagħraf dak li jrid Alla. Kien bniedem ta’ dixxerniment, li kien jgħid: mela jiena nimxi kif qed jurini Alla. Dejjem hekk narawh. Fl-Evanġelju tal-lum, fl-ewwel ħolma, Alla lluminah x’għandu jagħmel. Hu kellu pjan tajjeb li kien ħiereġ mill-intelliġenza tiegħu, mill-għerf tiegħu imma wkoll mill-imħabba tiegħu, imma meta ra x’qed jgħidlu Alla, bidel il-pjan biex jista’ jimxi fit-triq ta’ Alla.
Li naraw fih mhux biss din il-fidi f’Alla imma fidi li twassal għall-azzjoni. Fl-aħħar tal-Evanġelju naqraw: “Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej” (Mt 1:24). Kull darba nsibuh hekk. Jagħmel dak li għandu jagħmel. Aktar milli jgħid, jagħmel. Jagħraf dak li jrid Alla u jagħmlu.
F’dan hu eżempju kbir għall-ħajja tagħna. Lilna l-Mulej jagħtina l-grazzja li nagħrfu dak li jrid hu, u li kif nagħrfu dak li jrid minna, nagħmluh. Nagħmluh bil-qalb, nagħmluh bil-ġenerożità, kif jgħallimna Ġużeppi.
Nitolbu llum, fil-festa sabiħa ta’ San Ġużepp, biex hu jkompli jgħinna ħalli nieħdu l-eżempji li jagħtina, speċjalment billi nkunu nies li jipproteġu l-ħajja, nies ta’ qalb ħelwa u umli, u li nsieħbu l-fidi tagħna ma’ azzjoni li turi tassew li nemmnu f’Alla.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju