L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Wieħed mit-titli sbieħ li nsibu fil-litanija ta’ Loreto, li ngħidu wara r-rużarju, huwa: ‘Arka tal-patt il-ġdid’ – ‘foederis arca’. L-ewwel qari jfakkarna f’dan it-titlu tal-Madonna. Qed naqraw ir-rakkont ta’ David, li jwassal l-arka f’Ġerusalemm – huwa vjaġġ. Il-Ktieb tal-Kronaki, jagħti ħafna dettalji dwar kemm kienet solenni din il-proċessjoni li waslet l-arka tal-Mulej f’Ġerusalemm. Il-Knisja tagħżel dan il-qari, proprju aħna u nibdew din is-solennità hekk kbira, biex tfakkarna li qed niċċelebraw dan it-transport, dan il-vjaġġ tal-arka tal-patt il-ġdid li tidħol f’Ġerusalemm tas-sema, tidħol il-Ġenna. 

Meta nimmaġinaw it-Tlugħ is-Sema tal-Madonna ħafna drabi nimmaġinawha tielgħa ’l fuq għax l-istatwi u l-pitturi tagħna ppruvaw jispjegaw dan il-misteru b’dan il-mod grandjuż. Imma t-tradizzjoni l-iżjed antika tgħidilna li l-ewwel komunità kellha ħjiel ta’ x’seta’ ġara; għax m’hemm l-ebda xhud ta’ dak li ġara, bħalma m’hemm l-ebda xhud tal-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet, ħlief tal-qabar vojt; proprju bħal meta l-qabar ta’ Marija nstab vojt. It-tradizzjoni ta’ Ġerusalemm tgħid li minnu kienet toħroġ fwieħa qawwija. L-oqbra ġeneralment ma nassoċjawhomx ma’ esperjenza ta’ fwieħa qawwija, bil-kuntrarju. Din hi l-esperjenza li tfakkarna kemm hi kiefra l-mewt, li hemm ukoll it-taħsir tal-ġisem fil-proċess tal-mewt. 

Imma b’sinjal tal-qawwa ta’ Alla, Marija ma għaddietx mill-proċess tat-taħsir tal-ġisem; bħalma Ġesù wkoll fil-proċess tal-mewt tiegħu ma għaddiex mit-taħsir tal-ġisem. Dak li ġara f’binha l-qawmien mill-mewt u l-ħelsien mit-taħsir tal-ġisem, jiġi wkoll ikkomunikat lill-omm. Dak li qed niċċelebraw, l-omm, il-proċess li tgħaddi minnu l-omm, li minn did-dinja tgħaddi għall-Ġenna bil-ġisem igglorifikat, mhux bil-qawwa tagħha. 

Ara binha, iva, għax l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Dak li għaddiet minnu Marija, l-irxoxt ta’ Marija hu differenti minn ta’ binha, għax mhux bil-qawwa tagħha; imma fil-proċess u fl-effett hu identiku għan-natura ta’ bniedem li għandha l-omm; bħalma hi l-istess għan-natura tal-bniedem li hemm fl-Iben ta’ Alla.

Allura ngħidu li nafu x’jiġifieri t-taħsir tal-qabar. X’sinjal ta’ tama hemm f’din il-festa li qed niċċelebraw? Din mhux xi ħaġa li ġrat lill-Madonna u daqshekk? Veru. Dan hu proċess li l-Mulej għażel għal ommu biss minna l-bnedmin. Imma lilna jagħtina sinjal ta’ tama kbira, li lil hinn mit-taħsir tal-qabar hemm tistenniena l-Ġenna. 

Aħna llum nitolbu lil Sidtna Marija il-protezzjoni tal-ħarsien tagħha fuq il-gżejjer tagħna. Waħda mill-affarijiet li tolqtok, meta tħares lejn it-titli, it-tempji, il-knejjes fil-gżejjer Maltin, hija kemm għandna parroċċi u knejjes ddedikati lil din il-festa. Sa mill-qedem, il-Maltin u l-Għawdxin kellhom din il-fidi kbira fi tlugħ is-sema ta’ Marija. Għaliex fl-ordni ta’ dawk id-dommi, infallibbilment proklamati mill-papiet, din hija l-iżjed waħda riċenti, fl-1950; imma fil-fidi tal-poplu, din hija fidi antikissima. L-ewwel dokumenti, li mhumiex fl-Evanġelji – l-Evanġelji huma erba’ biss – jitkellmu dwar id-dormitio, din ir-raqda ta’ Marija, huma propju tat-tielet seklu, antikissimi, u marbutin mat-tradizzjoni ta’ Ġerusalemm. 

Nawguralkom li meta żżuru l-belt il-qaddisa ta’ Ġerusalemm, ikollkom ukoll il-faraġ li żżuru, mhux bogħod mill-għolja taż-Żebbuġ, f’riġlejn l-Għolja taż-Żebbuġ, il-qabar ta’ Sidtna Marija, bħalma żżuru wkoll il-qabar ta’ Ġesù. Ġerusalemm għandna dawn iż-żewġ oqbra li ma rawx it-taħsir: il-qabar ta’ Ġesù u l-qabar ta’ Marija. 

Meta nħarsu lejn l-oqbra tagħna, biex ma ngħidx lejn il-qalb tagħna, naraw affarijiet oħra. Allura kultant aħjar inpoġġu dik l-irħama tal-ħniena u fuqha npoġġi erba’ fjuriet ifuħu. Jalla nixbhuha meta tistedinna għall-Ġenna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Archbishop of Malta


Qari tal-quddiesa 

Qari I: 1 Kron 15:3-4,15-16; 16:1-2
Responsorju: S 131:6-7,9-10,13-14
Qari II: 1 Kor 15:54-57
L-Evanġelju: Lq 11:27-28