L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Il-ġrajja tal-mara li nqabdet f’adulterju hi ġrajja rrakkuntata biss fl-Evanġelju ta’ San Ġwann. Għandha ħafna x’tgħallimna għal ħajjitna. L-Iskribi u l-Fariżej ġabu lil din il-mara quddiem Ġesù, u skont il-liġi, suppost kellhom iħaġġruha. Imma ġew għand Ġesù mhux biex jieħdu l-parir tiegħu, imma biex ikollhom fuq xiex jixluh, iġibuh dahru mal-ħajt.
Dan għaliex jekk Ġesù jgħidilhom “imxu skont il-liġi”, huma jgħidulu: “fejn hu t-tagħlim tiegħek ta’ ħniena u ta’ mħabba?” U jekk Ġesù jgħidilhom: “tħaġġruhiex”, jgħidulu: “int ma tridx timxi skont il-liġi”. Ġesù, li jagħmel hu li joqgħod fis-skiet, jagħmel pawsa, imbagħad meta bdew irossuh, qalilhom: “min fostkom ma għandux dnub, jitfgħalha hu l-ewwel ġebla”. U nafu li dawk li kienu qed jakkużaw lill-mara, b’li qal Ġesù ħassewhom huma l-akkużati. Ħadd minnhom ma seta’ jgħid “jien ma għandix dnub”. U għalhekk wieħed wieħed telqu, u ħallew lil Ġesù waħdu mal-mara.
Alla lilna jrid iwasslilna l-imħabba u l-maħfra tiegħu. Iridna li nersqu lejh u nilqgħu din l-imħabba u l-maħfra tiegħu.
X’jagħmel Ġesù? Iwassal lill-mara l-imħabba, il-ħniena, il-maħfra ta’ Alla. Hu, għal din il-mara, is-salvatur. Nistgħu ngħidu li doppjament salvatur. Isalvalha ħajjitha, jeħlisha minn dawk in-nies li kienu sejrin iħaġġruha; u jsalvaha wkoll mid-dnub tagħha, meta jgħidilha “mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed”. Ġesù hu dak li jeħles lill-mara, u jroddilha lura d-dinjità tagħha.
Hawn għandna żewġ messaġġi importanti għall-ħajja tagħna fil-kliem ta’ Ġesù. Hu jgħidilha lill-mara: “… lanqas jien ma nikkundannak. Mur u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed.” L-ewwel messaġġ importanti huwa li Alla ma jridx il-mewt tal-midneb imma li jerġa’ lura minn ħtijietu u jgħix. Alla lilna jrid iwasslilna l-imħabba u l-maħfra tiegħu. Iridna li nersqu lejh u nilqgħu din l-imħabba u l-maħfra tiegħu. Aħna lkoll midinbin, kull wieħed u waħda minna, u neħtieġu din il-maħfra tiegħu. Nirrealizzaw, meta jaħfrilna, li l-ġudizzju tal-qalb inħalluh f’idejn Alla, u ma nkunux aħna li nħaġġru lin-nies.
Imbagħad hemm it-tieni messaġġ importanti, meta Ġesù lill-mara jgħidilha: “mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed”. Ġesù lill-ħażin isejjaħlu ħażin. Innutaw li lil din il-mara ma jgħidilhiex: “mur u agħmel skont kif jidhirlek; jien ma niġġudikakx imma imxi skont l-istil ta’ ħajja li għażilt”. Ġesù ma jgħidilhiex: “jien ma nimponix il-valuri tiegħi fuq tiegħek”. Ma jgħidilhiex hekk Ġesù. Jgħidilha: “tidnibx iżjed”. Jien irrid neħilsek minn dan id-dnub; tibqax issa skjava ta’ dak li hu ħażin. Ġesù hu dak li, filwaqt li juri rispett sħiħ lejn id-dinjità ta’ kull persuna, il-ħażin isejjaħlu ħażin.
Nitolbuh illum lill-Mulej biex aħna nersqu lejh dejjem niedma tad-dnubiet tagħna u nilqgħu l-imħabba u l-maħfra tiegħu; li aħna nwasslu lill-oħrajn l-imħabba u l-maħfra tiegħu; li, speċjalment bi kliemna, ma nkunux aħna li ngaraw il-ġebel lill-oħrajn imma l-ġebel nużawhom biex nibnu soċjetà ta’ ġustizzja, ta’ onestà, u ta’ rispett lejn id-dinjità tal-bniedem; u li l-ħażin dejjem ngħidulu ħażin u ngħinu lil xulxin biex ma nkunux skjavi ta’ dak li hu ħażin.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju