L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Għada s-Sibt hi ġurnata sabiħa ħafna għall-Knisja f’Malta għax l-Arċisqof se jordna erba’ saċerdoti ġodda. Fid-djoċesi ta’ Għawdex, ftit ġranet ilu, l-Isqof ta’ Għawdex ordna żewġ saċerdoti ġodda. Hi sabiħa għax hi ċ-ċelebrazzjoni tas-sejħa li għamel il-Mulej, u tat-tweġiba ġeneruża ta’ dawn iż-żgħażagħ. Tfakkarna ħafna f’dal-kliem li smajna lil Ġesù jgħid fl-Evanġelju skont San Ġwann: “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott, u l-frott tagħkom jibqa’.” Hi din l-għażla li għamel il-Mulej, u t-tweġiba ta’ dawn iż-żgħażagħ, biex il-Mulej jagħtihom din il-missjoni li jagħmlu frott li jibqa’.

Għalhekk, niftakru ħafna fihom u nitolbu għalihom, għal dawn is-saċerdoti ġodda, biex ikunu saċerdoti skont il-qalb ta’ Alla; u nitolbu biex ikunu ħafna dawk li jwieġbu għas-sejħa li jagħmel il-Mulej biex jimxu warajh fil-ħajja saċerdotali. Fl-istess waqt, il-kelma ta’ Alla tfakkarna li aħna lkoll imsejħin biex inkunu ħbieb tiegħu, u li ngħixu l-kmandament tal-imħabba, kulħadd skont il-vokazzjoni tiegħu jew tagħha.

Ġesù ried li din tkun il-karatteristika prinċipali tagħna bħala Nsara – l-imħabba ta’ bejnietna. Mhux għax aħna nilbsu xi distintiv jew xi badge li tgħid ‘jien Nisrani’ jew ‘jien Nisranija’. Anke kieku nagħmlu hekk, dak li juri tassew li aħna Nsara hi l-imħabba ta’ bejnietna. Kelma tgħid, meta tgħid “inħobb”! Fil-prattika, tant hi diffiċli. Imma Ġesù jitlob l-imħabba li turi ruħha fl-azzjoni.

Ġesù wriena li tagħti ħajtek tfisser li tgħix is-snin tal-ħajja tiegħek bħala għotja

Hawn jagħti tifsira importanti u sabiħa. Ġesù jgħid: ħadd ma għandu mħabba akbar minn din, li wieħed jagħti ħajtu għal min iħobb. Hu wriena dan bl-iktar mod kbir meta ta ħajtu għalina fuq is-salib, għas-salvazzjoni tagħna. Kien hemm diversi nies tul l-Istorja tal-Knisja li segwewh f’dan. Imma Ġesù wriena wkoll li tagħti ħajtek tfisser li tgħix is-snin tal-ħajja tiegħek bħala għotja. Hekk uriena Ġesù fil-ħajja tiegħu, u hekk jixtieq ukoll minna: li l-ħin tagħna, il-kwalitajiet tagħna, l-isforzi tagħna jkunu mmexxij mainn din l-imħabba li hi għotja.

Jekk aħna ninnutaw, naraw fl-esperjenza ta’ ħajjitna nies li jgħixu hekk, proprju kif qalilna Ġesù – l-imħabba bħala għotja. Ħu, pereżempju, ġenituri li taw ħajjithom jew jagħtu ħajjithom kontinwament għal uliedhom; jew inkella wkoll, meta jikbru l-ġenituri fl-età, l-ulied għall-ġenituri tagħhom. Ħu tant saċerdoti u reliġjużi li jagħtu ħajjithom b’servizz lin-nies. Tista’ tara wkoll din l-għotja fin-nies li jieqfu ma’ dawk għaddejjin minn tbatija, f’tant oqsma tal-ħajja; nies li f’ħajjithom iridu jagħmlu l-ġid, u jippruvaw jagħmlu l-ġid, għalhekk jużaw dak kollu li l-Mulej tahom, it-talenti tagħhom, biex jagħmlu l-ġid. Din hi l-imħabba bħala għotja.

Din li jsemmi Ġesù mhix għal xi okkażjoni straordinarja tal-ħajja tagħna biss, imma għal kull jum tal-ħajja tagħna, għall-ħajja ordinarja. Ħa nsemmi mod kif nistgħu tassew inħobbu, l-imħabba fl-aqwa tagħha: billi nisimgħu lil xulxin, nisimgħu b’attenzjoni u bi mħabba lil xulxin. U magħqud ma’ dan ukoll, li aħna nkunu sensittivi fi kliemna, li l-kliem ikun kliem li jagħmel il-ġid, li jagħti appoġġ, mhux kliem li jweġġa’, li jżid mal-feriti li hawn, u mat-tbatija li hawn; imma kliem li jagħmel il-ġid lil xulxin. Hemm inkunu qed ngħixu tassew dal-kmandament tal-imħabba b’mod prattiku fil-ħajja ta’ kuljum. Nitolbu lill-Mulej biex jimlielna qalbna b’din l-imħabba, ħalli jgħinna ngħixu tassew dan l-ispirtu tiegħu, kif għallimna u kif uriena hu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju