L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ġie għand Ġesù bil-lejl” (Ġw 3:2). Dan hu li naqraw fl-Evanġelju skont San Ġwann illum fuq Nikodemu, wieħed mill-kbarat tal-Lhud, li ried jitkellem ma’ Ġesù u mar għandu bil-lejl. Nikodemu kien Fariżew, u aħna meta nisimgħu l-kelma “Fariżej”, jixgħel dawl aħmar, għax nafu kemm il-Fariżej kienu joħolqu diffikultajiet fi żmien Ġesù, u kienu kontra ħafna milli għamel u ħafna milli għallem. Imma ma kinux il-Fariżej kollha li kienu hekk, u Nikodemu kien wieħed mill-Fariżej li fil-fatt ma għalaqx qalbu għal Ġesù, anzi kien qed ifittxu.

Ġie għand Ġesù bil-lejl. U għaliex bil-lejl? Jista’ jkun biex jevita l-ħafna nies, ir-rassa tan-nies li kien ikun hemm madwar Ġesù, u forsi anke d-dixxipli tiegħu, u għalhekk jitkellem miegħu ras imb’ras. Imma wkoll għax billi hu kien wieħed mill-kbarat tal-Lhud, ried pjuttost jiltaqa’ miegħu fil-moħbi ħalli ma jagħtix fil-għajn li xi ħadd mill-kbarat qed jiltaqa’ ma’ Ġesù. U aħna nafu li kien iħares b’mod differenti lejn Ġesù. Hawnhekk, l-ewwel ħaġa li jgħidlu hi: “Aħna nafu li int Mgħallem mibgħut minn Alla” (Ġw 3:2) minħabba s-sinjali li kien qed jagħmel; mentri fl-Evanġelju naraw kif diversi Fariżej kienu jgħidu fuq Ġesù li qed jagħmel is-sinjali minħabba li kellu fih il-qawwa “tal-Prinċep tax-xjaten” (Mt 9:34) – eżatt il-kontra ta’ dak li qed jgħid hawnhekk Nikodemu.

Kien bil-lejl li saret din id-diskursata sabiħa bejn Ġesù u Nikodemu, li naqraw proprju f’dawn l-erbat ijiem, u li tmiss l-iktar affarijiet essenzjali tal-ħajja tagħna Nisranija. Fil-fatt, f’mument minnhom Ġesù jiġbor fi ftit kliem l-Aħbar it-Tajba, meta jgħid: “Alla hekk ħabb lid-dinja li bagħat lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:16). Hawn, Ġesù beda jitkellem miegħu fuq it-twelid mill-ġdid – “jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Saltna ta’ Alla” (Ġw 3:3). 

Issa din kienet naqra diffiċli għal Nikodemu – x’qed jgħid bil-kliem “titwieled mill-ġdid”. Fil-fatt, beda jgħid: kif jista’ jkun jekk ikun xjaħ, jitwieled mill-ġdid? Forsi jista’ jidħol mill-ġdid fil-ġuf ta’ ommu? Dan beda jaħseb li titwieled mill-ġdid tfisser xi forma ta’ ri-inkarnazzjoni. Jekk qed jaħseb hekk, għandu raġun ma jifhimx. Biex wieħed jitwieled mill-ġdid f’das-sens irid jidħol fil-ġuf tal-omm, fejn il-ħajja tibda mat-tnissil; imbagħad għandek ħafna xhur fil-ġuf tal-omm sakemm titwieled. Imma Ġesù mhux fuq hekk kien qed jitkellem. Ġesù kien qed jitkellem fuq it-twelid bil-qawwa tal-Ispirtu, li ġej minn Alla. Hawn jitkellem fuq il-magħmudija – “l-ilma u l-Ispirtu” (Ġw 3:5) – il-magħmudija li twellidna mill-ġdid. Imma jitkellem ukoll fuq it-twelid ġdid li ġġib fina l-grazzja ta’Alla u li toħloq il-ġdid fil-qalb tagħna

Għalhekk, dan hu l-messaġġ importanti għalina llum: li Alla jrid iwellidna mill-ġdid. U ż-żmien tal-Għid huwa żmien partikolarment adattat għal dan, għax it-twelid mill-ġdid jiġi minn Alla, mhux minna. Hu permezz tal-qawwa tiegħu, li jmewwet fina dak li hu ħażin, biex tista’ tifjorixxi fina l-ħajja ta’ Alla. U nafu kemm bil-qawwa tiegħu verament iseħħ it-twelid ġdid f’ħajjitna, li jgħodd anke għal min hu anzjan u anzjana, u għall-kbarat wkoll bħalma kien Nikodemu. Hu dan it-twelid ġdid li jagħtina tassew fina l-paċi u l-ferħ.

Nikodemu mar bil-lejl, fid-dlam, biex jiltaqa’ ma’ dak li kien id-dawl veru. Nitolbuh lill-Mulej il-grazzja li aħna nilqgħu fina d-dawl veru f’ħajjitna, ħalli jista’ jwellidna mill-ġdid u jkollna tassew il-paċi u l-ferħ tiegħu f’qalbna.  

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta