Tlesta x‑xogħol ta’ restawr fuq il‑faċċata u l‑ħajt ta’ ġenb wieħed tal‑knisja parrokkjali ta’ Santa Marija f’Ħ’Attard, xogħol li sar b’investiment ta’ €61,000 b’kofinanzjament minn fondi tal‑Unjoni Ewropea. Il‑proġett ġie inawgurat dalgħodu mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi u mis‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Preżenti wkoll il‑Kap tat‑Taqsima Proprjetà tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta Roberto Buontempo, u l‑kappillan Dun Joseph Grech.

Permezz ta’ dan il‑proġett, li għalih ikkontribwixxa wkoll il‑poplu ta’ Ħ’Attard, twettaq xogħol ta’ restawr fuq il‑faċċata u l‑ġenb tal‑knisja wara li dawn ġew affettwati mid‑deterjorazzjoni tal‑ġebla, fosthom l‑espożizzjoni għall‑elementi naturali, l‑umdità u t‑tniġġis tal‑arja. Matul ix‑xogħol ta’ restawr ġie nnutat li fil‑passat parti mill‑faċċata tal‑knisja kienet miżbugħa, b’mod partikolari l‑iskultura fina u l‑istatwa tal‑Madonna li jinsabu fil‑parti ta’ fuq. Id‑diversi interventi ta’ żebgħa li saru matul is‑snin wasslu wkoll sabiex jitgħatta d‑dettall irqiq ta’ skultura mill‑isbaħ li jdawwar il‑bieb prinċipali tal‑knisja.

L‑Isqof Joseph Galea‑Curmi qal li okkażjonijiet bħal dawn jgħinuna nitgħallmu niddistingwu bejn dak li jsebbaħ u dak li jkerrah l‑ambjent fejn ngħixu. “L‑għażla tagħna għandha tkun mhux għal dak li jfisser gwadann għal ftit min‑nies b’detriment għall‑bqija, imma dak li hu gwadann għall‑ġid komuni, għax iservi ta’ ġid għal kulħadd u għall‑ġenerazzjonijiet futuri.” L‑Isqof Awżiljarju rringrazzja lil kull min ta sehmu b’mod professjonali f’din il‑ħidma ta’ preġju. Irringrazzja wkoll lill‑kappillan Dun Joseph Grech u lill‑poplu ta’ Ħ’Attard tas‑sehem tagħhom.

Is‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li llum ġie inawgurat proġett ieħor kofinanzjat b’fondi Ewropej flimkien mal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, fejn b’investiment ta’ €61,000 ġiet irrestawrata il‑faċċata ta’ din l‑opra arkitettonika. Dr Zrinzo Azzopardi qal li grazzi għal dawn il‑fondi Ewropej qed inkomplu nippreservaw u nippromwovu l‑wirt kulturali li għandna f’pajjiżna sabiex b’hekk titqajjem aktar kuxjenza dwar il‑wirt storiku relatat mal‑identità reliġjuża Maltija.

Roberto Buontempo qal li dan il‑proġett sar permezz tal‑ħidma bejn il‑Fondazzjoni għall‑Patrimonju Kulturali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta u s‑Segretarjat Parlamentari għall‑Fondi Ewropej, flimkien mal‑parroċċa ta’ Ħ’Attard. Spjega li din il‑knisja hi l‑unika waħda mibnija minn Tommaso Dingli, li kien ukoll minn Ħ’Attard, li sal‑ġurnata tal‑lum għadha tħaddan id‑disinn orġinali tagħha.

Il‑knisja parrokkjali ta’ Ħ’Attard, iddedikata lit‑Tlugħ tal‑Verġni Marija fis‑Sema, inbniet bejn l‑1613 u l‑1624 u hija meqjusa bħala l‑ifjen knisja Rinaxximentali f’Malta. Din hi waħda minn għadd ta’ knejjes f’Malta li qed jibbenefikaw mill‑Fond Ewropew għall‑Iżvilupp Reġjonali 2014‑2020.