Ritratti: Ian Noel Pace

Il-Ġublew tal-Vokazzjonijiet ġie ċċelebrat s-Sibt 10 ta’ Mejju fis-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù, ir-Rabat. Madwar 350 persuna, fosthom membri ta’ komunitajiet reliġjużi, żgħażagħ minn diversi ċentri vokazzjonali u membri tal-MUSEUM, ingħaqdu flimkien għall-Ġublew tal-Vokazzjonijiet.

Ispirata mill-episodju tad-dixxipli fit-triq ta’ Għemmaws, iċ-ċelebrazzjoni saret forma ta’ pellegrinaġġ spiritwali. Matul dan il-vjaġġ, persuni li qed jgħixu vokazzjonijiet differenti qasmu l-esperjenza personali tagħhom dwar kif għarfu u wieġbu għas-sejħa ta’ Alla f’ħajjithom.

Iċ-ċelebrazzjoni saret fil-ġonna tas-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù, b’waqfiet f’tliet stazzjonijiet simboliċi. F’kull waqfa kien hemm ikona li tirrappreżenta wieħed mill-mumenti ta’ Għemmaws: iltaqa’, isma’ u rrispondi.

Il-Ġublew tal-Vokazzjonijiet laħaq il-qofol tiegħu b’mument ta’ adorazzjoni Ewkaristika u barka sagramentali mmexxija mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi. Din kienet stedina biex bħal fid-dixxipli ta’ Għemmaws, nagħrfu l-Mulej fil-qsim tal-ħobż.

Dinl-attività kienet organizzata miċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet tas-Seminarju flimkien mal-ordinijiet reliġjużi.

Mexjin fit-Triq ma’ Ġesù ħaj – talba mill‑Isqof Joseph Galea‑Curmi għall-Ġublew tal-Vokazzjonijiet
I. Il-Laqgħa mal-Mulej

Mulej Ġesù ħaj,
Int ġejt għandna mhux b’maestà jew bl-istorbju,
iżda fit-triq imħarbta tal-konfużjoni u d-dwejjaq tagħna.
Hekk kif inti akkumpanjajt id-dixxipli lejn Għemmaws,
imxi magħna wkoll fil-mixja tagħna ta’ kuljum –
fid-dubji, fid-diżappunti, fl-uġigħ tagħna.
Mulej, iftħilna għajnejna
biex narawk fl-affarijiet ta’ kuljum:
fil-barrani li jitkellem bil-verità,
fil-qsim tal-ħobż,
fis-silenzju ta’ dawk li jimxu magħna fit-triq.
Tħalliniex inkunu għomja għall-preżenza tiegħek.
Anki meta qalbna tkun bil-mod biex temmen,
qabbadha bin-nar tal-preżenza tiegħek.
Iltaqa’ magħna, Mulej, fejn aħna,
mhux kif nixtiequ nkunu, imma kif tassew aħna.
Għinna nagħrfu li l-grazzja tiegħek
tiltaqa’ magħna fil-vulnerabbiltà tagħna,
u li l-ebda triq, tidher kemm tidher mitlufa,
qatt mhi ’l bogħod mill-passi tiegħek.

II. Nisimgħu s-Sejħa

Għalliem u Kelma li saret bniedem,
bħalma ftaħt l-Iskrittura lid-dixxipli,
iftaħ issa widnejn qalbna.
Għinna nisimgħu leħnek jidwi fil-Kelma
leħen ta’ tama, ta’ mħabba, ta’ skop fil-ħajja.
Kellem il-konfużjoni tagħna biċ-ċarezza,
il-qtigħ ta’ qalb tagħna bil-ferħ tal-Qawmien,
il-biża’ tagħna bil-paċi tiegħek f’qalbna.
Meta l-istorbju tad-dinja qisu jitfi s-sejħa tiegħek,
agħtina l-grazzja tas-silenzju.
Ħalli qalbna titkebbes fina
hekk kif turi lilna l-Istorja tas-Salvazzjoni,
storja li tinkludi lil kull wieħed u waħda minna.
Mulej, irridu nifhmu
mhux biss b’moħħna, imma b’qalbna mħeġġa.
Iġbidna fil-misteru tas-sejħa tiegħek.
Għallimna nisimgħu mhux biss il-kliem tiegħek,
imma wkoll il-ġrieħi tiegħek,
li jitkellmu dwar imħabba li tegħleb il-mewt.
Għinna biex nisimgħu s-sejħa li tagħmlilna
li tagħti skop lill-ħajja tagħna.

III. Inwieġbu għas-Sejħa

O Ġesù, li għarfuk fil-qsim tal-ħobż,
ibgħatna ’l barra b’urġenza bħad-dixxipli.
Jalla l-laqgħa tagħna miegħek
qatt ma tispiċċa fix-xejn, fil-kwiet jew fis-skiet.
Qum minn fuq il-mejda tagħna,
għinna negħlbu l-biżgħat tagħna,
ħalli niġru b’ferħ biex inxandru:
“Il-Mulej qam tassew!” (Lq 24:34)
Agħtina l-kuraġġ biex,
kif ħeġġiġna fl-ewwel messaġġ tiegħu Papa Ljun XIV,
inkunu xhieda tiegħek, int li inti ħaj,
nixhdu dak li rajna, smajna u ħassejna.
Jalla ħajjitna tkun xhieda ħajja
tal-ħniena u l-qawwa tiegħek.
Ibgħatna nimxu ma’ oħrajn fit-toroq tagħhom –
nisimgħu, naqsmu, naqdu,
ngħidu kliem ta’ tama
u naqsmu l-ħobż fil-komunjoni.
Mulej, agħmel minn qalbna
għamara qaddisa fejn in-nar tiegħek ma jintefiex.
Ħalli kull Għemmaws isir missjoni,
kull laqgħa miegħek tibdilna f’mibgħuta,
kull mument ikun opportunità
biex inġibu lid-dinja eqreb lejk,
u biex ngħixu tassew bil-ferħ il-missjoni li tajtna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju


Intant l-għada l-Ħadd, fir-Raba’ Ħadd tal-Għid magħruf bħala l-Ħadd tar-Ragħaj it-Tajjeb, il-Knisja fakkret Jum il-Vokazzjonijiet, dedikat lill-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi, u l-vokazzjoni għall-ħajja miżżewġa.

F’quddiesa li saret fiċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet fis-Seminarju f’Tal-Virtù, l-Arċisqof Charles Scicluna offra riflessjoni profonda fuq ix-xbieha ta’ Ġesù bħala r-Ragħaj it-Tajjeb, u enfasizza b’mod ċar id-dritt għal ħajja b’dinjità.

Spjega li Ġesù ta ħajtu għalina u li dan l-att ta’ mħabba kbira jista’ jmexxina lejn il-għejun tal-ħajja: “Il-ħajja hi teżor kbir li nirċievu mill-Ħallieq fil-bidu tal-eżistenza tagħna, u li aħna mistednin inħalluha f’idejh sat-tmiem naturali tagħha.” L-Arċisqof għamilha ċara li l-ħajja għandha tiġi rispettata u miżmuma b’dinjità mill-bidu sal-aħħar. Kull ragħaj, bħal Ġesù, huwa msejjaħ biex jagħti ħajtu għall-merħla, mhux biex jokkupa jew jikkontrolla, iżda biex ikun strument ta’ mħabba u servizz.

Filwaqt li jfakkar fil-qawwa kbira ta’ Ġesù, l-Arċisqof ifakkar ukoll li Ġesù jirrispetta l-libertà tagħna. Huwa jħobbna bi mħabba vera, li ma tisfurzaniex iżda tistedinna: “U fil-libertà, hemm ukoll it-traġedja taċ-ċaħda; hemm it-traġedja li dak li jkun jgħidlu: ‘Jien se nieħu ħajti f’idejja u b’idejja! M’għandix bżonnok li tagħtini l-ħajja ta’ dejjem; li żżommok miegħi!’” L-Arċisqof saħaq ukoll li “l-Mulej imma jirrispetta l-għażliet tagħna. Jalla l-għażliet tagħna jkunu dejjem għażliet ta’ mħabba.”

Fi tmiem tal-omelija tiegħu, l-Arċisqof irringrazzja lill-ommijiet kollha tal-vokazzjoni tagħhom ta’ mħabba u ta’ ħafna paċenzja.

Aktar ritratti