• ****

    Direttur:          Simon Curtis

    Atturi:              Margot Robbie, Domhnall Gleeson, Will Triston, Kelly Macdonald, Phoebe Waller-Bridge, Stephen Cambell Moore u Alex Lawther

    Ħin tal-Film:   107 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      PG

    L-awtur famuż, A. A. Milne jħalli Londra u flimkien ma’ martu Daphne u ibnu Christopher Robin, jmorru jgħixu fil-kampanja Ingliża ġewwa East Essex. Milne kien ġa ħa fama ta’ kittieb tal-essays iżda ħass li l-istorbju ta’ Londra ma kienx il-post ideali biex jikteb. Milne kellu esperjenzi koroħ waqt li kien qiegħed jiġġieled bħala suldat fl-Ewwel Gwerra Dinjija fit-trunċieri fi Franza. B’xorti tajba ħelisha mill-mewt iżda ftit storbju kien jerġa’ jfakkru fil-ħsejjes li kien għadda minnhom f’dak iż-żmien ikraħ f’ħajtu. Milne kien ibati minn dak li llum magħruf bħala PTSD (Post-Traumatic Stress Disorder). Issa li kien jinsab għal kwiet, seta’ jikkonċentra fuq il-kitba għalkemm beda jsibha diffiċli ħafna.

    Kellha tkun ir-relazzjoni maġika li Milne rnexxielu jibni ma’ ibnu Christopher Robin li ta’ età żgħira kien imrobbi minn Nanny Olive, f’ambjent kwiet u għal ħafna ħin kien ikun waħdu, jgħaddi ħafna minn ħinu jilgħab bil-ġugarelli tal-annimali pupi li kellu.

    Meta Daphne ikollha bżonn tħalli d-dar minħabba mard fil-familja, Milne u ibnu jsibu aktar ħin flimkien. Minn hawn jibdew jiġu l-ideat li Milne jibda jpoġġi fuq karta, fosthom il-fantasija li Christopher beda joħloq l-aktar mal-pupu ors li tah l-isem ta’ Winnie-the-Pooh.

    L-avventuri li t-tifel Christopher Robin kien jistħajjel li jkollu ma’ Winnie-the-Pooh bdew jinkitbu fi stejjer qosra adattati għat-tfal u ppubblikati, tant li f’qasir żmien saru popolari mhux biss ġewwa r-Renju Unit iżda wkoll f’ħafna pajjiżi b’rabta mal-Imperu Ingliż. Dak il-perijodu ma kienx żmien faċli għal ħadd u l-kitba li Milne beda jikteb u jippubblika, niżel bħal balzmu fost il-poplu Ingliż.

    Il-popolarità tal-avventuri li Christopher Robin kellu ma’ Winnie-the-Pooh poġġa lil Milne u lil ibnu Christopher Robin fil-quċċata ta’ popolarità fenominali globali. Il-kitba saħħret u affaxxinat lid-dinja bis-sempliċità u l-innoċenza tal-avventuri. Dan is-suċċess kollu, x’effett ħalla fuq Christopher Robin meta  beda jikber u kellu jiġi wiċċ imb’wiċċ ma’ dinja ‘l bogħod mill-fantasija li kellu meta kien żghir?

    Film biografiku, msejjes fuq storja vera, taħt id-direzzjoni ta’ Simon Curtis, kitba ta’ Frank Cottrell  Boyce u Simon Vaughn.  Minħabba li Milne spiss kien ikollu flashbacks tal-esperjenzi ħorox tal-gwerra, kif ukoll peress illi r-relazzjoni bejn Milne u martu Daphne mhux dejjem kienet tajba, hu rrakkomandat li t-tfal ikunu akkumpanjati minn xi adult.