Homily by Archbishop Charles Jude Scicluna

It-talba li l-Knisja tagħmel fuqna lkoll llum hija talba ħerqana u profonda. L-ewwel nett lill-Mulej nfakkruh li hu kkonsagrana fl-Iben il-maħbub tiegħu. Inti kkonsagrajt lil Ibnek il-waħdieni bl-Ispirtu  s-Santu. Fil-ħniena tiegħek għamel li aħna għandna sehem mill-konsagrazzjoni tiegħu. Ġesù stess japplika l-profezija ta’ Iżaija għalih nnifsu. ‘Il-Mulej kkonsagrani’ (Iż 13:3) u aħna llum qegħdin hawn biex niftakru nirringrazzjaw lil Alla tas-sejħa li jkollna sehem mill-konsagrazzjoni tiegħu.

Dil-ħaġa tfakkarna li din il-konsagrazzjoni mhix ġejja minna imma hija inizzjattiva ta’ Alla li kkonsagra lil Ibnu, li tah missjoni ta’  ħelsien  u fidwa u lilna, mingħajr merti tagħna, ddeċieda li jseħibna f’din l-istess konsagrazzjoni. Il-konsagrazzjoni tagħna allura, nafuha lilu, mhix kwistjoni ta’ merti tagħna imma hija l-inizzjattiva t’Alla fil-ħajja personali tagħna u fl-istorja tal-ħelsien u tal-fidwa. Alla għamel il-pass li jikkonsagra lil Ibnu u fil-ħajja tagħna ħares lejna u ddeċieda li jseħibna fl-istess konsagrazzjoni. Allura wieħed jifhem li meta Ġesù jgħid ‘Il-Mulej kkonsagrani’ u l-Knisja qed tgħidilna li s-sehem tagħna huwa fl-istess konsagrazzjoni, il-missjoni tagħna għandha identità ċara, l-identità tal-missjoni ta’ Ġesù.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Illum qegħdin hawnhekk biex inġeddu dan id-don kbir, biex niġġeddu wkoll fl-identità tagħna. Kull min jistaqsina ‘Imma intom min intom?’ Ejjew niftakru l-aħwa qabel ma nagħtu risposta li taf tkun soċjoloġika, antropoloġika, filosofika, ejjew  niftakru fil-kliem ta’ Isaija li Ġesu jagħmel tiegħu anzi jgħid ‘Din il-kelma seħħet illum intom u tisimgħu’ *(Lq 4:21).Il-missjoni ta’ Ġesù hija l-missjoni tagħna magħżulin biex nieħdu sehem mill-konsagrazzjoni tiegħu.

Il-Knisja tkompli titlob li aħna nkunu xhieda tal-fidwa quddiem id-dinja. Fil-ħniena tiegħek agħmel li aħna li għandna sehem mill-konsagrazzjoni tiegħu nkunu xhieda tal-fidwa quddiem id-dinja. Il-knisja fuqna mhux qed titlob affarijiet straordinarji l-aħwa. Ma titkellimx fuq suċċess materjali jew suċċess politiku imma titlob li aħna nkunu xhieda tal-fidwa quddiem id-dinja.  Issa aħna nifhmu li tajjeb tkun xhud tal-fidwa billi l-ewwel nett tħoss l-effett tal-fidwa fil-qalb tiegħek, fir-ruħ tiegħek u f’ħajtek. Aħna nkunu xhieda tal-fidwa kredibbli u awtentiċi daqskemm inkunu il-mifdijin tal-Mulej. Inħalluh jifdina għax hu fdiena b’demmu l-għażiż. Imma aħna li jkollna sehem minn din il-fidwa għaliex hu li fdiena għandu bżonn ukoll l-adeżjoni umli tagħna għall-fidwa li jrid jagħtina, li ġabilna.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Allura qabel nkunu xhieda tal-fidwa ejjew inkunu l-mifdijin. Il-morda li sabu tabib, l-għomja li sabu min jagħtihom id-dawl, l-imbikkmin li sabu min jagħtihom kelma ta’ faraġ, il-mifnijin li sabu tama. Aħna allura rridu nifhmu li d-dgħjufija u l-fraġilità tagħna jsir ambjent sagru fejn jidħol il-Mulej bil-fidwa tiegħu. U llum aħna u nirringrazzjawh tas-saċerdozju ministerjali ejjew niftħu qalbna bil-bżonn radikali tagħha ta’ fejqan u ta’ fidwa u nitolbuh isaffina, ifarraġna, isalvana. B’hekk inkunu radikalment u b’mod awtentiku xhieda tal-fidwa quddiem id-dinja. Ħafna drabi l-kriżi fl-identità tagħna tiġi għax aħna ma nkunux konvinti li la aħna m’għandna bżonn fidwa u lanqas id-dinja. Inti għaliex għandek bżonn tagħti ħajtek lil salvatur jekk ma temminx li għandek bżonn issalva lilek innifsek u lil ħutek? U l-għajta ta’ tentazzjoni lil Ġesu “Salva lill-oħrajn, isalva lilu nnifsu’ (Mt 27:42) Dik il-kelma tremenda li jfajrulu hu u mislub fuq is-salib, “Salva lill-oħrajn, isalva lilu nnifsu’  (Mt 27:42).  Tkun ukoll karba li taf toħroġ minn fommna meta aħna ngħaddu mid-dlam tal- fidi u jkollna wkoll id-dubju “Imma jien x’qed nagħmel b’ħajti?” It-Taljani jgħidu “Chi me lo fa fare?” Imma eżattament dawn il-keded kollha għalxiex? U hemmhek tajjeb li niftakru f’din it-talba sabiħa li l-Knisja qegħda tagħmel illum fuq kull wieħed minna waqt li tfakkar il-Mulej fil-ħniena tiegħu: ‘il-ħniena tiegħu li tinfirex f’kull żmien.’

Parti essenzjali mill-identità tagħna hija li aħna nkunu strumenti ta’ din il-ħniena t’Alla li tinfirex f’kull żmien ‘fuq dawk li jibżgħu minnu.’ Aħna m’aħniex strumenti ta’ kundanna jew ta’ ġudizzju. Imma aħna niffaċilitaw li l-ħniena t’Alla tasal fil-qlub tad-dinja, tal-bnedmin. Aħna rridu nkunu xhieda tal-fidwa quddiem id-dinja. Tajjeb li b’ħajjitna nċanfru lilna nfusna u lid-dinja fuq id-dnub tas-suppervja u tal-ħażen. Imma aħna xhieda mhux tal-kundanna imma tal-fidwa. Jekk nindikaw il-ġerħa nafu lit-tabib. Jekk aħna nindikaw il-marda nafu wkoll fejn qiegħed il-fejqan f’ħajjitna u għad-dinja.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Din l-identità tagħna li aħna nitolbu li jkun hemm qlub ġenerużi oħra jissieħbu magħha. Għaliex ix-xhieda tal-fidwa li jagħti s-saċerdot tgħaddi wkoll mid-don tal-maħfra tad-dnubiet u tal-Ewkaristija. Aħna nitolbu llum speċjalment f’din il-quddiesa li l-Mulej jieħu ħsieb il-Knisja tiegħu u fl-erba’ rkejjen tad-dinja, madwar id-dinja kollha, jagħti d-don tas-saċerdozju ministerjali li f’ismu jaħfer id-dnubiet, f’ismu jagħti lid-dinja d-don tal-Ewkaristija.

Skont l-intenzjoni tal-Papa għal dan ix-xahar, il-Papa Ljun XIV talabna nitolbu għal ħutna s-saċerdoti li jinsabu, biex nuża kelma tiegħu, fi kriżi. Il-kriżi mhux bil-fors għandha eżitu negattiv. Il-kriżi hija mument fejn wieħed jieqaf u jagħmel għażla. Ejjew nitolbu għal kull wieħed minna, għal sħabna, biex meta l-Mulej jiffaċċjana b’dawn l-għażliet nagħżlu tajjeb, skont ir-rieda tiegħu u nkunu dejjem ta’ sapport għal xulxin.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta