L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

F’dan it-tieni jum tal-Ġimgħa Mqaddsa, it-Tlieta, l-Evanġelju ta’ San Ġwann jagħtina żewġ kwadri, żewġ kwadri tat-tradiment.

L-ewwel wieħed huwa tradiment tassew traġiku. Ġesù meta jaħseb fih jitħawwad: “Tassew, tassew ngħidilkom li wieħed minkom se jittradini!” (Ġw 13:21). Ġwanni, id-dixxiplu l-maħbub, jixtieq ikun jaf min hu t-traditur u Ġesù lid-dixxiplu l-maħbub jagħtih sinjal: “Dak li għalih se  nbill din il-loqma ħobż fil-platt u nagħtihielu” (Ġw 13:26).

Sa dak il-mument id-dixxipli ma jifhmux il-ġest. Irridu nifhmu li f’dak il-mument Ġesù ma riedx jikxef lil Ġuda l-Iskarjota. Il-loqma ħobż hija sinjal ta’ intimità, ta’ disponibbiltà. Qed jagħtih jiekol mill-istess platt tiegħu. Imma sfortunatament il-qalb ta’ Ġuda diġà hija mibjugħa. “Ġuda ħa l-biċċa ħobż u daħal fih ix-xitan” (Ġw 13:27). Qalbu ma baqgħetx miftuħa għal Ġesu imma għall-ħażen.

Pietru jagħmel stqarrija tipika tiegħu għaliex irid juri li hu lest jimxi wara Ġesù kull fejn imur. “Għaliex, Mulej, ma nistax niġi miegħek issa? Għalik jiena nagħti ħajti” (Ġw 13:37). Kemm hija stqarrija sabiħa din u kemm-il darba għamilnieha aħna. U l-mistoqsija li Ġesù jagħti lil Pietru tinfed il-qalb tagħna u tferina: “Inti tagħti ħajtek għalija?” (Ġw 13:38).

Hemm bżonn nirriflettu fuq din id-domanda li jagħmlilna Ġesù. Kemm-il darba wegħednieh fil-ħajja nisranija u nġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija aħna s-saċerdoti fid-djakonat, fil-presbiterat, jiena meta rċevejt l-Ordni tal-Episkopat, kemm-il darba għednielu lil Ġesù: “Għalik jiena nagħti ħajt”. Illum il-mistoqsija li għamel lil Pietru jagħmilha lil kull wieħed u waħda minna: “Inti tagħti ħajtek għalija?”

Lil Pietru javżah: “Tassew, tassew ngħidlek li s-serduk ma jkunx idden qabel ma tkun ċħadtni tliet darbiet” (Ġw 13:38). Ġesù lil Pietru ma jaħbilux id-dgħufija, kważi kważi ma jiskandalizzax ruħu mid-dgħufija ta’ Pietru, jafu tajjeb. Imma min jaf kemm-il darba fi xjuħitu Pietru ftakar f’dik il-mistoqsija ta’ Ġesù: “Fejn sejjer, Mulej? Quo vadis, fejn sejjer?” U Ġesù jgħidlu: ‘Sejjer nissallab fejn int ma tridx tmur’. U Pietru jifhem li jrid jagħti ħajtu kif iridu l-Imgħallem, mhux kif jixtieq hu.

Illum quddiem it-traġedja tat-tradiment ta’ Ġuda u ċ-ċaħda ta’ Pietru, ejjew numiljaw ruħna, nitolbu maħfra ta’ kemm-il darba aħna konna tradituri, aħna ċħadna lill-Mulej u nitolbuh isaffi l-impenji li ħadna quddiem il-poplu ta’ Alla. Hu li jaf li aħna midinbin, jagħtina l-qawwa permezz tal-maħfra tiegħu li tassew nagħtu ħajjitna għalih.

✠ Charles Jude Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta 

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 49, 1-6
Salm: 70 (71), 1-2.3-4a.5-6ab.15 u 17
Evanġelju: Ġw 13, 21-33.36-38