L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hemm poeżija/talba antika bl-Ingliż tal-Poeta George Herbert li kitibha fis-seklu 17 (1633) u li tibda hekk: “O Lord, you have given me so much. Please give me one thing more: a grateful heart”.

Ftakart f’din it-talba fil-ġrajja fl-Evanġelju tal-lum li tistedinna nagħrfu bi gratitudni kbira d-doni ta’ Alla. Fit-triq li twasslu għall-mewt u l-qawmien, Ġesù ltaqa’ ma’ għaxar persuni morda bil-lebbra, li ma setgħux jersqu viċin tiegħu minħabba l-marda; mill-bogħod bdew jgħajtu għall-għajnuna: “Ġesù, mgħallem, ikollok ħniena minna!” (Lq17:13).

Wieħed biss reġa’ lura

Kienu qed ifittxu lil xi ħadd li jista’ jfejjaqhom. X’għamel Ġesù? Ma qalilhomx “kunu mfejqa” imma qalilhom imorru juru ruħhom lis-saċerdoti, li, skont il-Liġi, kellhom l-inkarigu li jikkonfermaw kull fejqan li seta’ jseħħ. B’dan il-mod, Ġesù ried jintegrahom lura fis-soċjetà. Fil-fatt, l-għaxra ma fiqux il-mument li ltaqgħu ma’ Ġesù, imma reġgħu kisbu saħħithom huma u mexjin, wara li semgħu mill-kelma ta’ Ġesù. Mimlija lkoll bil-ferħ, marru juru ruħhom lill-qassisin, imbagħad telqu lura fi triqthom. Imma disgħa minnhom insew lil dak li tahom il-fejqan, jiġifieri li l-fejqan ġie permezz ta’ Ġesu, Iben Alla magħmul bniedem.

Wieħed biss reġa’ lura jfaħħar u jirringrazzja lil Alla. U dan kien Samaritan, barrani li jgħix fit-truf tal-poplu l-magħżul. Dan ir-raġel ma kienx kuntent biss li kiseb il-fejqan, imma dar lura biex jesprimi l-gratitudni tiegħu għad-don li rċieva, u għaraf f’Ġesù dak li fejqu.

Tifħir u gratitudni

X’tgħallimna din il-ġrajja? Qabel xejn, turina kemm hu importanti li jkollna qalb mimlija gratitudni lejn il-Mulej, li nagħrfu nfaħħruh għal dak kollu li jagħmel magħna. Għalhekk Ġesù jagħfas bil-qawwa fuq in-nuqqas tad-disa’ morda bil-lebbra li kienu ingrati: “Mhux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani?” (Lq 17:17-18). Kultant jiġrilna fit-talb tagħna li nduru lejn il-Mulej u nitolbuh jgħinna – u nagħmlu sew – imma ma nkunux daqshekk pronti li nirringrazzjawh u li nfaħħruh għal dak kollu li jagħmel magħna, għall-ġid li jagħmel magħna kemm meta nintebhu bih kif ukoll dak li ma nindunawx bih.

Kultant dak li ma nagħmlux ma’ Alla ma nagħmluhx ukoll ma’ xulxin. Bħalma nieqsa l-grazzi lil Alla, kultant nieqsa l-kelma “grazzi” fil-familja, fil-komunità, fil-Knisja! Li jiġri kultant hu li nieħdu kollox ovvju, parti mill-ħajja regolari, u ninsew ngħidu grazzi lil min jgħinna, lil min hu qrib tagħna, lil min jimxi magħna fil-ħajja. Imma meta jkollna qalb li turi l-gratitudni lejn l-oħrajn, nibnu tassew ambjent sabiħ.

Marija l-mudell

Aħna għandna l-grazzja li fl-Evanġelju għandna mudell speċjali li lejh għandna nħarsu: Marija, l-Omm tagħna. Wara li rċeviet l-aħbar tal-Anġlu, hi marret tħaffef lejn il-kuġina tagħha Eliżabetta u hemm tagħmel dak l-innu ta’ tifħir u ringrazzjament lil Alla: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi” (Lq 1:46-47). Marija tagħraf mal-ewwel li Alla għamel magħha ħwejjeġ kbar, u tfaħħru bis-sħiħ. Marija tgħinna nifhmu li kollox hu don ta’ Alla, u tgħinna nagħrfu rroddu ħajr. Hu b’dan il-mod li l-ferħ tagħna jkun sħiħ. Huwa biss dak li jaf jirringrazzja li jista’ jduq il-milja ta’ kull ferħ.

Qalb grata hija qalb umli

Il-Papa Franġisku jagħmel osservazzjoni oħra verament f’waqtha. Jgħid li biex nagħrfu ngħidu grazzi, jeħtieġ ukoll li nkunu umli. Il-qalb ta’ Marija, iżjed minn kull qalb oħra, hi qalb umli u kapaċi tilqa’ d-doni ta’ Alla. U Alla, biex isir bniedem, għażel proprju lilha, tfajla sempliċi ta’ Nazaret, li ma kinitx tgħix bħas-setgħana u bħall-għonja, imma kellha ħajja mill-aktar ordinarja.

Għandna din l-enfasi fuq l-umiltà wkoll fl-Ewwel Qari llum, fil-ġrajja ta’ Nagħman, kmandant tal-eżerċtu tas-Sultan ta’ Aram (ara 2 Slat 5:14-17). Marid bil-marda tal-lebbra, biex ifiq hu aċċetta s-suġġeriment ta’ lsira fqajra u ntelaq f’idejn il-Profeta Eliżew. Nagħman kien lest li jiċċekken. U Eliżew ma jippretendi xejn minnu, jgħidlu biss li jmur jogħdos fl-ilma tax-xmara Ġordan. Din it-talba lil Nagħman tħawdu ftit, anzi ġġagħalu jirrabja għax jaraha ħaġa banali. Ikun ħa jitlaq lura minn fejn ġie, imma mbagħad jaċċetta li jinżel fil-Ġordan u jfiq mal-ewwel.

Il-Papa Franġisku jgħid: ta’ min jinnota li Nagħman u s-Samaritan huma żewġ barranin. Kemm barranin, anki persuni ta’ reliġjonijiet oħra, jagħtuna eżempju ta’ valuri li aħna xi drabi ninsewhom jew nittraskurawhom! Min jgħix maġenbna, li kultant forsi jkun mwarrab għax barrani, jista’ jgħallimna kif nimxu fit-triq li jrid il-Mulej.

Nitolbu lill-Mulej li jagħtina qalb mimlija gratitudni, li dejjem irroddulu ħajr għal tant ġid li kontinwament jagħmel magħna. Nitolbuh biex nuru wkoll gratitudni lejn dawk kollha li jagħmlulna l-ġid. Ngħidu bil-qalb it-talba: “O Lord, you have given me so much. Please give me one thing more: a grateful heart”.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju