L-Arċisqof iżur u jitlob fil-post fejn twettaq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Kull anniversarju tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jqanqal f’ħafna nies diversi emozzjonijiet, ħafna drabi emozzjonijiet kontrastanti. Dan huwa fatt li wieħed ma jistax jiċħdu. Il-persuna ta’ Daphne tkompli, anke wara l-mewt traġika u kiefra tagħha, tqanqal reazzjonijiet anke avversi. Huwa dover tagħna li nibqgħu niftakru.

Laqtuni ħafna l-kliem tal-Papa Franġisku fl-aħħar dokument li ppublika dwar il-fratellanza umana. Iffirmah fuq il-qabar ta’ San Franġisk fit-3 ta’ Ottubru li għadda, ftit jiem ilu u ġie ppubblikat u ppromulgat fil-festa ta’ San Franġsik fl-4 ta’ Ottubru. Lejn it-tmiem ta’ dan id-dokument impenjattiv imma sabiħ ħafna, il-Papa Franġisku jikkonfronta d-dilemma ta’ min ikun sofra inġustizzja kbira u fl-istess ħin jifhem li mhux biss irid jgħix bis-sens ta’ telfa imma huwa wkoll għandu l-isfida tal-maħfra.

Fis-sezzjoni 241, il-Papa jgħid dan il-kliem: “Il-maħfra li qed nipproponu mhix ta’ min jiċħad id-drittijiet tiegħu quddiem bniedem korrott b’saħħtu, kriminal, jew xi ħadd li jrid ibaxxi d-dinjità tagħna. Aħna msejħin inħobbu lil kulħadd bla eċċezzjonijiet imma li nħobbu xi ħadd li jgħakkisna, ma jfissirx li nħalluh ikompli jagħmel dan; u lanqas li nagħtuh x’jifhem li dak li qed jagħmel hu aċċettabbli.

Ir-rikonċiljazzjoni hi fatt personali u ħadd ma jista’ jimponiha fuq il-ġabra flimkien ta’ soċjetà, lanqas min għandu d-dmir li jippromoviha.

Il-Papa Franġisku, Fratelli Tutti, 241

“Bil-maqlub, il-mod tajjeb kif inħobbuh hu billi nfittxu b’diversi modi li nwaqqfuh milli jkompli jgħakkes lil ħaddieħor u nneħħulu dik is-setgħa li ma jafx juża u li qed tgħarraq l-umanità tiegħu. Naħfru ma jfissirx inħallu lil min ikompli jżeblaħ id-dinjità tiegħu u ta’ ħaddieħor, jew inħallu ’l xi ħadd kriminali jkompli jagħmel il-ħażin. Min iġarrab inġustizzja għandu jiddefendi bil-qawwa kollha d-drittijiet tiegħu u tal-familja tiegħu propju għax għandu jħares id-dinjità li ngħatatlu, dinjità maħbuba minn Alla.

Peter Caruana Galizia, ir-raġel tal-vittma jaqra waqt il-quddiesa

“Jekk delinkwent għamel id-deni lili jew lil xi ħadd għażiż għalija, xejn ma għandu jżommni milli nitlob ġustizzja u li nħabrek biex dik il-persuna – jew kull persuna oħra – ma tagħmilx ħsara mill-ġdid u lanqas tagħmel l-istess ma’ oħrajn. Għandi nagħmlu dan,” jgħid il-Papa Franġisku, “u l-maħfra mhux biss ma tneħħix din il-ħtieġa, imma titlobha. L-importanti hu li dan ma nagħmluhx biex inkabbru r-rabja li tagħmel ħsara lir-ruħ tal-persuna u lir-ruħ tal-poplu tagħna, u lanqas minħabba xi bżonn żbaljat li neqirdu lill-ieħor billi niftħulha kontrih b’serje twila ta’ vendetti. Ħadd ma jista’ jsib il-paċi f’qalbu u lanqas jirrikonċilja ruħu mal-ħajja b’dan il-mod” (Fratelli Tutti, 242).

Bla memorja ma nimxu qatt ’il quddiem, ma nistgħux nikbru mingħajr memorja sħiħa u mdawla. Għandna bżonn inżommu ħajja l-fjamma tal-kuxjenza kollettiva, u nagħtu xhieda lil ġenerazzjonjiet ta’ warajna tal-orrur ta’ dak li ġara, li żżomm ħajja il-memorja tal-vittmi – fil-każ tagħna tal-vittma Daphne Caruana Galizia – sabiex il-kuxjenxa umana tissaħħaħ dejjem iktar quddiem kull kilba għall-poter u għall-qerda.

Il-Papa Franġisku, Fratelli Tutti, 249

Il-Papa jitkellem ukoll fuq id-dover tal-memorja: “Minn min bata ħafna b’mod inġust u kiefer, m’għandniex nitolbu speċi ta’ maħfra soċjali. Ir-rikonċiljazzjoni hi fatt personali u ħadd ma jista’ jimponiha fuq il-ġabra flimkien ta’ soċjetà, lanqas min għandu d-dmir li jippromoviha. Fil-qasam strettament personali, b’deċiżjoni ħielsa u ġeneruża, xi ħadd jista’ jirrifjuta li jesiġi kastig imqar jekk is-soċjetà u l-ġustizzja tagħha leġittimament jitolbuh. Madankollu mhuwiex possibbli niddekretaw rikonċiljazzjon ġenerali u nippretendu li nistgħu nagħlqu l-ġrieħi b’xi digriet jew li ngħattu l-inġustizzji b’xi mant li jnessi kollox. Min għandu l-jedd li jaħfer f’isem l-oħrajn?” jistaqsi l-Papa, “Jikkommovina li naraw il-ħila ta’ maħfra li għandhom ċerti persuni li għarfu jmorru lil hemm mill-ħsara li saritilhom, imma hi wkoll ħaġa umana li nifhmu lil dawk li dan ma jistax jagħmluh. Hu x’inhu, dak li għandna nippropponu qatt hu li ninsew” (246).

“Illum faċli naqgħu fit-tentazzjoni li naqilbu l-paġna u ngħidu li issa għadda ħafna żmien u li hemm bżonn inħarsu ’l quddiem. Le, f’ġieħ Alla!” jgħid il-Papa Franġisku, “Bla memorja ma nimxu qatt ’il quddiem, ma nistgħux nikbru mingħajr memorja sħiħa u mdawla. Għandna bżonn inżommu ħajja l-fjamma tal-kuxjenza kollettiva, u nagħtu xhieda lil ġenerazzjonjiet ta’ warajna tal-orrur ta’ dak li ġara, li żżomm ħajja il-memorja tal-vittmi” – fil-każ tagħna tal-vittma Daphne Caruana Galizia – “sabiex il-kuxjenxa umana tissaħħaħ dejjem iktar quddiem kull kilba għall-poter u għall-qerda. Dan jeħtiġuh il-vittmi nfushom – persuni, gruppi soċjali jew nazzjonijiet –biex ma jċedux għal-loġika li tasal biex tiġġustifika r-ritaljazzjoni u kull vjolenza f’isem il-ħsara kbira li jkunu ġarrbu. Għalhekk, m’iniex nirreferi biss għall-memorji tal-orruri, imma anke għat-tifkira ta’ dak kollha li, f’kuntest avvelenat u korrott, kellhom il-ħila jirkupraw id-dinjità u b’ġesti żgħar jew kbar għażlu s-solidarjetà, il-maħfra, il-fraternità. Jiswielna ta’ ġid kbir,” jgħid il-Papa Franġisku, “jekk nagħmlu memorja tat-tajjeb” (Fratelli Tutti, 249).

“Taħfer ma tfissirx tinsa. Pjuttost ngħidu li meta hemm xi ħaġa li bl-ebda mod ma tista’ tiġi miċħuda, relattivizzata jew moħbija, xorta waħda nistgħu naħfru. Meta hemm xi ħaġa li qatt m’għandha tiġi ttollerata, iġġustifikata jew skużata, xorta waħda nistgħu naħfru. Meta hemm xi ħaġa li għall-ebda raġuni m’għandna nippermettu lilna nfusna li ninsew, xorta waħda nistgħu naħfru. Il-maħfra ħielsa u sinċiera hija kobor li jirrifletti kemm hi bla tarf il-maħfra divina. Jekk il-maħfra hi b’xejn, allura nistgħu naħfru mqar lil min isibha bi tqila li jindem u m’għandux ħila jitlob maħfra” (Fratelli Tutti, 250).

Il-Papa qed jgħidilna li tkun inġustizzja ma’ Daphne li ninsewha. Imma daqstant ieħor tkun inġustizzja mal-memorja tagħha jekk aħna nitilfu d-dinjità tagħna minħabba r-rabja tat-telfa u  minħabba d-dulur. Infittxu l-ġustizzja fil-verità u fl-istess ħin nirrispettaw id-dinjità tagħna billi nesiġu li kulħadd jiġi ttrattat sew u bil-ġustizzja, imma fil-verità.

“Dawk li tabilħaqq jaħfru ma jinsewx, imma ma jħallux taħkimhom dik l-istess qawwa qerrieda li għamlitilhom id-deni. Huma jkissru ċ-ċirku vizzjuż, iwaqqfu l-avvanz tal-qawwiet tal-qerda. Jaqtgħuha li ma jkomplux jinjettaw fis-soċjetà l-enerġija tal-vendetta li llum jew għada tispiċċa terġa’ taqa’ mill-ġdid fuqhom stess” (Fratelli Tutti, 251).

Il-Papa jgħid ukoll: “Lanqas qed nitkellmu fuq impunità. Imma l-ġustizzja nfittxuha b’mod xieraq biss għall-imħabba tal-ġustizzja nfisha, b’rispett lejn il-vittmi, biex nipprevenu atti kriminali ġodda u biex inħarsu l-ġid komuni, mhux bħala pretensjoni ta’ żvog tar-rabja tagħna. Il-maħfra hija sewwasew dik li biha nistgħu nfittxu l-ġustizzja mingħajr ma naqgħu la fiċ-ċirku vizzjuż tal-vendetta u lanqas fl-ingustizzja li ninsew” (Fratelli Tutti, 252).

Il-Papa qed jgħidilna li tkun inġustizzja ma’ Daphne li ninsewha. Imma daqstant ieħor tkun inġustizzja mal-memorja tagħha jekk aħna nitilfu d-dinjità tagħna minħabba r-rabja tat-telfa u  minħabba d-dulur. Infittxu l-ġustizzja fil-verità u fl-istess ħin nirrispettaw id-dinjità tagħna billi nesiġu li kulħadd jiġi ttrattat sew u bil-ġustizzja, imma fil-verità.

Il-kelma tal-Papa, li hija kelma reċenti, tkellem u tinterpella lill-kuxjenza tagħna, ta’ dawk li jmexxu l-istituzzjonijiet tagħna b’mod speċjali l-awtoritajet li qegħdin jinvestigaw l-assassinju ta’ Daphne u dawk li qegħdin jinvestigaw il-kuntest li fih Daphne ġiet assassinata.

Imma dak li ġara tliet snin ilu jrid jinterpella wkoll il-kuxjenza ta’ kull wieħed u waħda minna. Aħna wkoll għandna d-dover nissieltu biex tirbaħ il-verità u biex l-ambjent li ppermetta li xi ħadd jaħseb li għandu d-dritt jelimina fiżikament avversarju tremend, bħalma kienet Daphne, jispiċċa. Allaħares jibqa’ fostna dak il-velenu ta’ impunità, ta’ arroganza sottili li jġagħalna naħsbu li għandna l-poter fuq il-ħajja ta’ xi ħadd, skomdu kemm hu skomdu. Il-Mulej jagħtina l-għerf biex nifhmu l-kelma tal-Papa fiċ-ċirkustanzi attwali tagħna u ma ninsew qatt.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Koħ 3, 1-11; 14-18a
Salm: 61 (62), 2-3.6-7.8-9ab
Qari II: Ap 7, 7-12
Evanġelju: Lq 12, 1-7