L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Ħafna minna żgur jiftakru lill-Papa Ġwanni Pawlu II, illum qaddis. Fost l-eluf ta’ ritratti taż-żmien twil li dam Papa, ritratt li verament jolqotni u jagħti messaġġ qawwi kien dak ta’ meta l-Papa mar iżur il-ħabs lil dak li sparalu.  Din kienet ġrajja li twettaq fil-prattika dak li smajna llum fl-Evanġelju, fejn lil dak li sparalu biex joqtlu l-Papa mar biex jurih il-maħfra tiegħu. Ġesù jgħidilna llum: “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom” (Mt 5:44).

Din il-kelma li biha Ġesù jħeġġiġna naħfru hija kelma li meta qalha, ma kinetx faċli għan-nies li semgħuh anzi ħafna kienu xxukkjati. Kif tħobb lill-għedewwa tiegħek? Kif tagħmel il-ġid lil min jagħmillek il-ħsara? Hi kelma li anke lilna kultant taħsadna, għax narawha kontra dak li aħna nħossu. Għax meta wieħed tagħmillu l-ġid imbagħad ipattilek bil-ħsara, meta wieħed tipprova tgħinu mbagħad jagħmillek azzjoni ħażina jew jgħid kontra tiegħek, tħoss, u tħoss ħafna.

Hi għażla

Imma hu importanti li niftakru li l-maħfra mhijiex marbuta sempliċiment ma’ dak li tħoss. Il-maħfra hija għażla, mhux għax ma tħossx. Kultant ikun hemm min iħawwadhom dawn it-tnejn. Meta tara lil xi ħadd li għamillek xi ħaġa ħażina, u tħoss xi ħaġa minn ġewwa, dik naturali. Għax tħoss ma jfissirx li m’intix taħfer. Għax ma tibqax frisk bħal ħassa, ma jfissirx li ma ħfirtx. 

Il-maħfra hija għażla fejn tgħid: minkejja dak li nħoss, jien nagħżel li naħfer. Minkejja dak li nħoss, jien nagħżel li ma npattix deni b’deni, li ma nagħmilx vendikazzjoni lil min għamilli l-ħsara, li ma nżommx f’qalbi. Jien nagħżel li nitlob ukoll għal dak li għamilli azzjoni ħażina anke jekk qed inħossni dispjaċut għal dak li għamilli. Għalhekk il-maħfra mhijiex marbuta sempliċiment ma’ dak li tħoss, imma tagħżel li taħfer minkejja dak li tħoss.

Għażla iebsa

Hi għażla iebsa, kultant iebsa ħafna.  Hija iebsa għax qisek qed tmur kontra tiegħek innifsek.  Imma aħna lkoll nafu li l-ħajja Nisranija mhix xi ħajja faċli, ratba.  Ġesù qatt ma rattabha biex jingħoġob. Għalhekk Ġesù jitlob minna li naħfru, u jagħtina l-għajnuna sħiħa tiegħu – għaliex hu wriena x’jiġifieri taħfer fil-ħajja tiegħu, u għallimna li għandna naħfru. Tana t-talba tal-Missierna li fiha nitolbu: “Aħfrilna bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina”. Hu jagħtina l-għajnuna li għandna bżonn fil-mumenti diffiċli biex aħna nkomplu nagħżlu li naħfru.

Għażla li tgħinna biex ngħixu ħielsa

U meta aħna naħfru, nagħmlu ġid lilna nfusna stess. Il-maħfra tagħmel ġid lil min ikun maħfur imma ġid kbir lil min jaħfer. Meta naħfru, nindunaw li ngħixu ħafna aktar ħielsa, fil-paċi. Meta naħfru, ifisser li ma nħallux lil ħaddieħor jikkundizzjona l-ħajja tagħna. Ma nħallu ebda ġrajja kerha li weġġgħetna tmexxilna ħajjitna.  Ġieli tisma’ stejjer dolorużi ta’ nies li, wara snin twal, għadhom ma ħafrux, u baqgħu jġorru f’qalbhom il-ħażin u jbejtu f’qalbhom, kultant fi ħdan il-familja stess. U għalhekk jgħixu dejjem b’dan it-toqol f’qalbhom. 

Jekk inti ma taħfirx lil min għamillek azzjoni ħażina, dan ifisser li mhux għamillek azzjoni ħażina darba u daqshekk, imma qed iżommok taħt difrejh, qed iżomm lil ħajtek marbuta miegħu bħal b’ċinga. Il-maħfra tagħmilna liberi, ma tħalliniex ilsira ta’ min għamlilna l-ħażen. Il-maħfra hi rebbieħa.

Talba sabiħa ta’ maħfra

Nitolbu llum lill-Mulej din il-grazzja: nitolbu li aħna ma nżommux f’qalbna, ma npattux, li naħfru dejjem lil min jagħmlilna l-ħsara. Li, kif iħeġġiġna fl-Evanġelju llum, aħna nitolbu għal dawk li jagħmlulna xi azzjoni ħażina, u li jkollna f’qalbna tassew is-sentimenti sbieħ li jagħtina l-Mulej.

Nixtieq naqra talba li nstabet f’rokna ta’ wieħed mill-kampijiet ta’ konċentrament, dak ta’ Ravensbruck, fil-Ġermanja fejn inqatlu eluf ta’ nisa u tfal.  Din it-talba kienet għand xi waħda mill-priġunieri li fil-fatt sfaw vittmi tan-Nażi, u nstabet wara.  Hi talba sabiħa ħafna, li toħroġ ċar il-messaġġ qawwi ta’ maħfra li smajna fl-Evanġelju llum. Tgħid hekk:

“Mulej, meta terġa’ tiġi fil-glorja, tiftakarx biss fil-bnedmin ta’ rieda tajba; ftakar ukoll f’dawk ta’ rieda ħażina.  Imma tiftakarx fil-ħruxija tagħhom magħna, imma f’dak li ksibna b’dawn it-tbatijiet.  Ftakar fis-sens ta’ aħwa, il-lealtà, l-umiltà, il-kuraġġ, il-ġenerożità, il-kobor tar-ruħ li t-tbatija qajmet fina. U agħmel, Mulej, li dan il-frott tajjeb li aħna ġibnielek ikunu jiswew għall-maħfra ta’ dawk li ħaqruna.”

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta